|
Id-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Jannar 2001 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 fih imsemmi, Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) It-tmien Direttiva, 97/44/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 1997 fuq arranġamenti [4] għall-ħin tas-sajf introduċiet data u ħin komuni fl-Istati Membri kollha, għall-bidu u t-tmiem tal-ħin tas-sajf fl-1998, 1999, 2000 u l-2001. (2) Ladarba l-Istati Membri japplikaw arranġamenti għall-ħin tas-sajf, hu importanti għall-funzjonament tas-suq intern li jkunu stabbiliti data u ħin komuni għall-bidu u t-tmiem tal-perjodu tas-sajf fil-Komunità. (3) Peress li l-perjodu tas-Sajf ikkunsidrat l-iktar xieraq mill-Istati Membri hu bejn l-aħħar ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Ottubru, hu opportun li dak il-perjodu jinżamm. (4) Il-funzjonament xieraq ta’ ċerti setturi, mhux biss it-trasport u l-komunikazzjonijiet, imma wkoll setturi oħra ta’ l-industrija, jitlob ippjanar stabbli fuq perjodu twil ta’ żmien. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħin tas-sajf għal perjodu li mhux speċifikat. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/44/KE jipprevedi li, f’dak ir-rispett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, sa l-1 ta’ Jannar 2001, l-arranġamentli li għandhom japplikaw mill-2002 ’il quddiem. (5) Għal raġunijiet ta’ ċarezza u akkuratezza ta’ l-informazzjoni, kull ħames snin għandu jiġi ppubblikat orarju għall-implimentazzjoni tal-ħinijiet tal-perjodu tas-sajf għall-ħames snin li jkunu ġejjin. (6) L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha, barra minn hekk, tkun ikkontrollata permezz ta’ rapport, li għandu jkun ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, fuq l-impatt ta’ dawn id-disposizzjonijiet fl-oqsma kollha kkonċernati. Dak ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni mqiegħda għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri fi żmien suffiċjenti sabiex ir-rapport ikun jista’ jiġi ppreżentat fiż-żmien speċifikat. (7) Ladarba l-armonizzazzjoni kompleta ta’ l-orarju għall-perjodu tas-sajf bil-ħsieb li jkunu ffaċilitati t-trasport u l-komunikazzjonijiet ma tistax tintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk tista’ tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. (8) Għal raġunijiet ġeografiċi, l-arranġamenti komuni għall-ħin tas-sajf ma għandhomx japplikaw għat-territorji ’l bogħod mix-xtut ta’ l-Istati Membri, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA
|