+REGOLAMENT (UE) 2024/903 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli)
---+Preamble: 1
---+Kapitolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali
------+Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
---------+Artikolu 1 1
---------+Artikolu 1 2
---------+Artikolu 1 3
---------+Artikolu 1 4
---------+Artikolu 1 5
------+Artikolu 2 Definizzjonijiet
---------+Artikolu 2 (1)
---------+Artikolu 2 (2)
---------+Artikolu 2 (3)
---------+Artikolu 2 (4)
---------+Artikolu 2 (5)
---------+Artikolu 2 (6)
---------+Artikolu 2 (7)
---------+Artikolu 2 (8)
---------+Artikolu 2 (9)
---------+Artikolu 2 (10)
---------+Artikolu 2 (11)
---------+Artikolu 2 (12)
---------+Artikolu 2 (13)
---------+Artikolu 2 (14)
---------+Artikolu 2 (15)
------+Artikolu 3 Valutazzjoni tal-interoperabbiltà
---------+Artikolu 3 1
---------+Artikolu 3 2
---------+Artikolu 3 3
---------+Artikolu 3 4
---------+Artikolu 3 5
------+Artikolu 4 Il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà bejn l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku
---------+Artikolu 4 1
---------+Artikolu 4 2
---------+Artikolu 4 3
---------+Artikolu 4 4
---------+Artikolu 4 5
---------+Artikolu 4 6
---------+Artikolu 4 7
---+Kapitolu 2 Faċilitaturi tal-Interoperabbiltà Ewropea
------+Artikolu 5 Prinċipji ġenerali
---------+Artikolu 5 1
---------+Artikolu 5 2
------+Artikolu 6 Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà
---------+Artikolu 6 1
---------+Artikolu 6 2
---------+Artikolu 6 3
---------+Artikolu 6 4
------+Artikolu 7 Soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli
---------+Artikolu 7 1
---------+Artikolu 7 2
------+Artikolu 8 Portal Ewropa Interoperabbli
---------+Artikolu 8 1
---------+Artikolu 8 2
---------+Artikolu 8 3
---------+Artikolu 8 4
---------+Artikolu 8 5
---+Kapitolu 3 Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli
------+Artikolu 9 Proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika
---------+Artikolu 9 1
---------+Artikolu 9 2
---------+Artikolu 9 3
---------+Artikolu 9 4
---------+Artikolu 9 5
------+Artikolu 10 Miżuri ta’ innovazzjoni
---------+Artikolu 10 1
---------+Artikolu 10 2
---------+Artikolu 10 3
---------+Artikolu 10 4
------+Artikolu 11 Stabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà
---------+Artikolu 11 1
---------+Artikolu 11 2
---------+Artikolu 11 3
---------+Artikolu 11 4
------+Artikolu 12 Parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà
---------+Artikolu 12 1
---------+Artikolu 12 2
---------+Artikolu 12 3
---------+Artikolu 12 4
---------+Artikolu 12 5
---------+Artikolu 12 6
---------+Artikolu 12 7
---------+Artikolu 12 8
---------+Artikolu 12 9
---------+Artikolu 12 10
------+Artikolu 13 Taħriġ
---------+Artikolu 13 1
---------+Artikolu 13 2
---------+Artikolu 13 3
------+Artikolu 14 Evalwazzjonijiet bejn il-pari
---------+Artikolu 14 1
---------+Artikolu 14 2
---------+Artikolu 14 3
---------+Artikolu 14 4
---------+Artikolu 14 5
---+Kapitolu 4 Governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera
------+Artikolu 15 Bord għal Ewropa Interoperabbli
---------+Artikolu 15 1
---------+Artikolu 15 2
---------+Artikolu 15 3
---------+Artikolu 15 4
---------+Artikolu 15 5
---------+Artikolu 15 6
---------+Artikolu 15 7
------+Artikolu 16 Komunità għal Ewropa Interoperabbli
---------+Artikolu 16 1
---------+Artikolu 16 2
---------+Artikolu 16 3
---------+Artikolu 16 4
---------+Artikolu 16 5
---------+Artikolu 16 6
------+Artikolu 17 Awtoritajiet nazzjonali kompetenti u punti uniċi ta’ kuntatt
---------+Artikolu 17 1
---------+Artikolu 17 2
---------+Artikolu 17 3
---------+Artikolu 17 4
---------+Artikolu 17 5
------+Artikolu 18 Koordinaturi tal-interoperabbiltà għal entitajiet tal-Unjoni
---+Kapitolu 5 Ippjanar u monitoraġġ tal-Ewropa Interoperabbli
------+Artikolu 19 Aġenda għal Ewropa Interoperabbli
---------+Artikolu 19 1
---------+Artikolu 19 2
---------+Artikolu 19 3
------+Artikolu 20 Monitoraġġ u evalwazzjoni
---------+Artikolu 20 1
---------+Artikolu 20 2
---------+Artikolu 20 3
---------+Artikolu 20 4
---------+Artikolu 20 5
---------+Artikolu 20 6
---------+Artikolu 20 7
---+Kapitolu 6 Dispożizzjonijiet finali
------+Artikolu 21 Kostijiet
---------+Artikolu 21 1
---------+Artikolu 21 2
------+Artikolu 22 Proċedura ta’ kumitat
---------+Artikolu 22 1
---------+Artikolu 22 2
------+Artikolu 23 Dħul fis-seħħ
---------+Artikolu 23 1
---------+Artikolu 23 2
---+ANNESS LISTA TA’ KONTROLL KOMUNI GĦAR-RAPPORTI TAL- VALUTAZZJONIJIET TAL-INTEROPERABBILTÀ
------+1. Informazzjoni ġenerali — Entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku li jipprovdi r-rapport u …
------+2. Rekwiżiti — Servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej ikkonċernati — Rekwiżiti vinkolanti …
------+3. Riżultati — Soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli identifikati għall-użu — Soluzzjoni ta’ …
|
English -
European Union -
ICT -
REGOLAMENT (UE) 2024/903 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli)
REGOLAMENT (UE) 2024/903 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Marzu 2024
li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli)
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Preamble: 1
|
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1)
|
Huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni jkunu jistgħu jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw b’mod transfruntier. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni informali eżistenti tiġi sostitwita b’qafas legali ċar li jippermetti l-interoperabbiltà fil-livelli u fis-setturi amministrattivi differenti u li jiffaċilita flussi ta’ data transfruntiera u bla xkiel għal servizzi diġitali verament Ewropej li jsaħħu s-suq intern filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku għandha impatt importanti fuq id-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital stipulat fit-Trattati, peress li proċeduri amministrattivi onerużi jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”).
|
|
(2)
|
Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera bejn il-korpi tas-settur pubbliku tista’ tindirizza sfidi komuni, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera, u tista’ tiżgura flussi transfruntiera ta’ data mingħajr xkiel.
|
|
(3)
|
L-Unjoni u l-Istati Membri ilhom jaħdmu għal aktar minn għoxrin sena biex jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tat-trasformazzjoni diġitali u biex irawmu l-interkonnessjonijiet profondi meħtieġa għal spazju diġitali verament Ewropew. Fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni ssottolinjat il-ħtieġa li titħaffef id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sal-2030, inkluż billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u fis-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi mira ċara ta’ forniment aċċessibbli online sal-2030 ta’ 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin. Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 żiedet il-veloċità tad-diġitalizzazzjoni, u ħeġġet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jadattaw għall-mudell online, inkluż għas-servizzi pubbliċi diġitali transfruntieri, kif ukoll għall-użu aktar intelliġenti u aktar ekoloġiku tat-teknoloġiji f’konformità mal-miri klimatiċi u enerġetiċi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dawk l-għanijiet tal-Unjoni billi joħloq qafas ta’ kooperazzjoni strutturat dwar l-interoperabbiltà transfruntiera fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jappoġġa l-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi diġitali, filwaqt li jgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet u biex jiġi ffrankat il-ħin għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-settur pubbliku.
|
|
(4)
|
Sabiex tissaħħaħ l-interoperabbiltà transfruntiera fl-Unjoni, huwa imperattiv li jiġi enfasizzat li l-interoperabbiltà, filwaqt li hija tal-akbar importanza, ma tiżgurax, b’mod iżolat, l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u n-nuqqas ta’ xkiel għalihom. Ekosistema komprensiva u sostenibbli ta’ infrastrutturi diġitali, b’appoġġ finanzjarju adegwat, hija wkoll importanti biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. F’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2021 intitolata “Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE — Għal żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040”, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-estensjoni tal-konnettività għaż-żoni rurali u remoti fl-Unjoni, iż-żoni affettwati minn tranżizzjoni industrijali, u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti bħal gżejjer, reġjuni transfruntiera u dawk muntanjużi, filwaqt li jiġi żgurat li l-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali jallinjaw mal-inizjattivi stabbiliti tal-Unjoni għal inklużività u konnettività reġjonali msaħħa u jappoġġawhom.
|
|
(5)
|
Jenħtieġ li l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej stipulat f’dan ir-Regolament iqis l-interoperabbiltà legali. Bħala katalizzatur għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà organizzazzjonali, semantika u teknika, l-interoperabbiltà legali tiffaċilita l-ħsad tal-benefiċċji tal-interoperabbiltà transfruntiera b’mod ġenerali, inkluż aċċess rapidu għaċ-ċittadini u n-negozji għall-informazzjoni, proċeduri u servizzi aktar rapidi u t-tnaqqis ta’ ostakli amministrattivi. Barra minn hekk, peress li l-ostaklu lingwistiku huwa wieħed mill-ostakli għall-interoperabbiltà, għall-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet u għall-istabbiliment ta’ servizzi transfruntiera, l-interoperabbiltà semantika hija fundamentali biex tiġi ffaċilitata komunikazzjoni effettiva f’ambjenti multilingwistiċi diversi, inkluż fil-livell reġjonali u dak lokali.
|
|
(6)
|
Is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej huma servizzi diġitali pprovduti minn entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku lil xulxin jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fl-Unjoni, u li jeħtieġu interazzjoni bejn il-fruntieri tal-Istati Membri, fost entitajiet tal-Unjoni jew bejn entitajiet tal-Unjoni u korpi tas-settur pubbliku, permezz tan-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom. Is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej jenħtieġ li jinkludu, fost l-oħrajn, is-servizzi pubbliċi ewlenin kif definiti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, li jkopru servizzi essenzjali li huma rilevanti għal avvenimenti tal-ħajja ewlenin għal persuni fiżiċi, bħas-sejbien ta’ impjieg jew studju, u għal persuni ġuridiċi fiċ-ċiklu tal-ħajja professjonali tagħhom. Is-servizzi pubbliċi ewlenin b’rilevanza trans-Ewropea huma maħsuba biex iwasslu għal benefiċċji kbar liċ-ċittadini meta jsiru interoperabbli b’mod transfruntier. Eżempji ta’ servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej huma servizzi li, permezz ta’ skambji transfruntiera ta’ data, jippermettu r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi akkademiċi jew kwalifiki professjonali, skambji ta’ data dwar il-vetturi għas-sikurezza fit-toroq, aċċess għal data dwar is-sigurtà soċjali u s-saħħa inkluż ċertifikatit ta’ pandemija u tilqim, aċċess għal sistemi ta’ tieqa unika, l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mat-tassazzjoni, id-dwana, l-akkreditazzjoni tal-offerti pubbliċi, il-liċenzji tas-sewqan diġitali jew ir-reġistri kummerċjali, u b’mod ġenerali dawk is-servizzi kollha li jimplimentaw il-prinċipju ta’ “darba biss” għall-aċċess u l-iskambju ta’ data transfruntiera.
|
|
(7)
|
Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu x’jikkostitwixxi servizzi pubbliċi, l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku huma mħeġġa jirriflettu dwar il-ħtiġijiet u l-aċċessibbiltà tal-utenti fid-disinn u l-iżvilupp ta’ tali servizzi, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (6). Barra minn hekk, l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku huma mħeġġa jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani u gruppi vulnerabbli oħra jkunu jistgħu jużaw is-servizzi pubbliċi f’livelli ta’ servizz komparabbli ma’ dawk ipprovduti lil ċittadini oħra.
|
|
(8)
|
Jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura ġdida ta’ governanza, bil-Bord għal Ewropa Interoperabbli (il-“Bord”) fiċ-ċentru tagħha, u din jenħtieġ li jkollha mandat legali biex tmexxi, flimkien mal-Kummissjoni, l-iżvilupp ulterjuri tal-interoperabbiltà transfruntiera fl-Unjoni, inkluż il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) u soluzzjonijiet komuni oħra ta’ interoperabbiltà legali, organizzazzjonali, semantika u teknika, bħal speċifikazzjonijiet u applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi tikketta ċara u li tingħaraf faċilment għal ċerti soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà (soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli). Jenħtieġ li jitrawwem il-ħolqien ta’ komunità vibranti fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija ta’ gvern miftuħ.
|
|
(9)
|
L-awtoritajiet reġjonali u lokali ser jaqdu rwol attiv fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Huma għandhom ifittxu wkoll li jinvolvu lill-SMEs, lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u dawk edukattivi u lis-soċjetà ċivili u jikkondividu l-eżitu ta’ tali skambji.
|
|
(10)
|
Huwa fl-interess ta’ approċċ koerenti għall-interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni u li jiġi appoġġat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-moviment liberu ta’ data personali u mhux personali fl-Unjoni li r-regoli jiġu allinjati kemm jista’ jkun għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku kollha li jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, u b’hekk jaffettwaw il-kapaċità ta’ dawk l-entitajiet u l-korpi li jikkondividu d-data permezz tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom. Dak l-objettiv jinkludi l-Kummissjoni u entitajiet oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll korpi tas-settur pubbliku fl-Istati Membri fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni: nazzjonali, reġjonali u lokali. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom rwol importanti fil-ġbir ta’ data dwar ir-rapportar regolatorju mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-interoperabbiltà ta’ tali data taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(11)
|
Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat, b’mod partikolari, bir-Regolamenti (UE) 2016/679 (7) u (UE) 2018/1725 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tipproteġi, barra minn hekk, il-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, inkluż permezz ta’ kundizzjonijiet għal kwalunkwe ħażna ta’ data personali u mhux personali f’tagħmir terminali u l-aċċess għaliha. Dawk l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jipprovdu l-bażi għall-ipproċessar sostenibbli u responsabbli tad-data, inkluż fejn is-settijiet ta’ data jinkludu taħlita ta’ data personali u mhux personali. Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tiġi applikata jew interpretata b’tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jew id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.
|
|
(12)
|
L-interoperabbiltà transfruntiera ma hijiex permessa biss permezz ta’ infrastrutturi diġitali ċentralizzati fl-Istati Membri, iżda wkoll permezz ta’ approċċ deċentralizzat. Dan jinvolvi l-ħtieġa ta’ fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, li tippermetti l-iskambju ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet lokali fi Stati Membri differenti mingħajr ma neċessarjament jgħaddu minn nodi nazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà li jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw fil-livelli amministrattivi kollha. Is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jinkludu forom differenti li jvarjaw minn għodod ta’ livell ogħla bħal oqfsa kunċettwali u linji gwida għal soluzzjonijiet aktar tekniċi bħal arkitetturi ta’ referenza, speċifikazzjonijiet tekniċi, jew standards. Barra minn hekk, servizzi u applikazzjonijiet konkreti, kif ukoll komponenti tekniċi dokumentati bħall-kodiċi tas-sors, inkluż l-artifatti u l-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jkunu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, jekk jindirizzaw aspetti legali, organizzattivi, semantiċi jew tekniċi tal-interoperabbiltà transfruntiera. Il-ħtiġijiet għal interazzjonijiet diġitali transfruntiera qegħdin jiżdiedu, u dan jeħtieġ soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet. Dan ir-Regolament għandu l-intenzjoni li jiffaċilita u jħeġġeġ skambji fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, filwaqt li jiġu megħluba l-ostakli transfruntiera u l-piżijiet amministrattivi, u b’hekk tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni kollha.
|
|
(13)
|
L-interoperabbiltà tiffaċilita l-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki, b’mod partikolari dawk b’rabta qawwija mas-settur pubbliku, bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, it-tassazzjoni u d-dwana, it-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-agrikoltura u l-impjiegi, kif ukoll fir-regolamentazzjoni tan-negozju u tal-industrija. Madankollu, perspettiva tal-interoperabbiltà ta‘ settur uniku hija assoċjata mar-riskju li l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet differenti jew inkompatibbli fil-livelli nazzjonali jew settorjali twassal għal ostakli elettroniċi ġodda li jimpedixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-libertajiet assoċjati tal-moviment. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li ddgħajjef il-ftuħ u l-kompetittività tas-swieq u l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali liċ-ċittadini u n-negozji. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiffaċilita, jinkoraġġixxi u japplika wkoll għall-interoperabbiltà transsettorjali, u b’hekk jappoġġa t-tneħħija tal-ostakli, l-inkompatibbiltajiet u l-frammentazzjoni tas-servizzi pubbliċi diġitali.
|
|
(14)
|
Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu promossi fehim komuni tal-interoperabbiltà fl-Unjoni u approċċ olistiku fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Kooperazzjoni strutturata jenħtieġ li tappoġġa miżuri li jippromwovu l-istabbiliment ta’ politika lesta mil-lat diġitali u interoperabbiltà skont id-disinn. Barra minn hekk, jenħtieġ li tippromwovi l-ġestjoni u l-użu effiċjenti tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali u l-komponenti rispettivi tagħhom mill-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi sostenibbli u effiċjenti, bil-għan li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà sal-inqas diviżjoni amministrattiva.
|
|
(15)
|
L-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jintroduċu rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Sabiex jiġi żgurat li tali servizzi jkunu jistgħu jiskambjaw id-data b’mod transfruntier, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti l-iskoperta ta’ ostakli legali, organizzattivi, semantiċi u tekniċi għall-interoperabbiltà transfruntiera (“valutazzjoni tal-interoperabbiltà”). Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jiżgura kunsiderazzjoni adegwata tal-aspetti tal-interoperabbiltà transfruntiera fid-deċiżjonijiet kollha li jista’ jkollhom effett fuq id-disinn ta’ tali servizzi.
|
|
(16)
|
Sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, huwa importanti li ssir enfasi fuq l-aspett tal-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika skont il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” u l-approċċ ta’ “interoperabbiltà skont id-disinn”. Għalhekk, jenħtieġ li entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku li beħsiebhom jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għal servizz pubbliku diġitali trans-Ewropew wieħed jew aktar dwar l-interoperabbiltà transfruntiera, pereżempju matul id-diġitalizzazzjoni ta’ servizzi pubbliċi ewlenin kif imsemmi fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, iwettqu valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-effiċjenza ta’ dan il-kompitu, Stat Membru jista’ jiddetermina dwar ir-riżorsi interni u l-kollaborazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku tiegħu meħtieġa biex jappoġġa t-twettiq ta’ dawk il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà.
|
|
(17)
|
Valutazzjoni tal-interoperabbiltà hija meħtieġa sabiex jiġi mifhum id-daqs tal-impatt tar-rekwiżiti ppjanati u sabiex jiġu proposti miżuri ħalli jinkisbu l-benefiċċji u jiġu indirizzati l-kostijiet potenzjali. F’sitwazzjonijiet fejn valutazzjoni tal-interoperabbiltà ma tkunx obbligatorja, l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jenħtieġ li jkun jista’ jwettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq bażi volontarja. Dan ir-Regolament għalhekk irawwem -interoperabbiltà b’mod ġenerali..
|
|
(18)
|
Rekwiżit vinkolanti jista’ jinkludu kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni, kriterju, jew limitu ta’ natura legali, organizzattiva, semantika jew teknika fi ħdan liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva, kuntratt, sejħa għall-offerti, jew dokument uffiċjali ieħor. Ir-rekwiżiti vinkolanti jaffettwaw kif is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u n-networks u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom użati għall-forniment tagħhom jiġu ddisinjati, akkwistati, żviluppati u implimentati, u b’hekk jinfluwenzaw il-flussi tad-data deħlin jew ħerġin ta’ dawk is-servizzi. Madankollu, kompiti bħall-manutenzjoni evoluttiva li ma jintroduċux bidla sostantiva, aġġornamenti tekniċi jew tas-sigurtà, jew l-akkwist sempliċi ta’tagħmir standard ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) ma jaffettwawx normalment l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, u għalhekk ma jirriżultawx f’valutazzjoni obbligatorja tal-interoperabbiltà skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(19)
|
L-approċċ għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jkun proporzjonat u differenzjat f’konformità mal-livell u l-kamp ta’ applikazzjoni li fih jitwettqu. F’xi ċirkostanzi,jista’ jkun raġonevoli u ekonomiku li s-suġġett ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà jkun usa’ minn proġett wieħed, inkluż meta l-korpi tas-settur pubbliku jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu applikazzjoni komuni jew pjattaforma tal-ipproċessar. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ ħafna li l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà tmur lil hinn mill-ilħuq tal-objettivi ta’ Ewropa Interoperabbli lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-interoperabbiltà. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti għall-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà mwettqa fil-livell tal-implimentazzjoni ta’ proġett uniku, bħal f’awtorità lokali, jenħtieġ li jkunu pragmatiċi u jippermettu enfasi dejqa, filwaqt li jitqies il-fatt li l-benefiċċji usa’ tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà ġeneralment jinħasdu fl-istadji bikrija tat-tfassil tal-politika u l-iżvilupp tal-arkitettura, l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ referenza. Meta l-Bord jadotta linji gwida dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, jenħtieġ li huwa jqis, inter alia, il-kapaċità tal-korpi reġjonali u lokali tas-settur pubbliku u jevita piż amministrattiv eċċessiv.
|
|
(20)
|
Fil-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawk affettwati direttament jew mar-rappreżentanti tagħhom, jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu użu minn prattiki ta’ konsultazzjoni stabbiliti u mid-data attwali.
|
|
(21)
|
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà tevalwa l- effetti tar-rekwiżiti vinkolanti ppjanati għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej dwar l-interoperabbiltà transfruntiera, pereżempju, jitqiesu l-oriġini, in-natura, il-partikolarità u l-iskala ta’ dawk l-effetti. Jenħtieġ li l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni jitqies meta jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa li jeħtieġ li jittieħdu sabiex jiġu stabbiliti jew immodifikati r-rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.
|
|
(22)
|
Jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jippubblikaw rapport dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’post pubbliku deżinjat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew mill-koordinaturi tal-interoperabbiltà għall-entitajiet tal-Unjoni, mill-inqas f’sit web uffiċjali f’format li jinqara mill-magni. Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni tar-rapport ma tikkompromettix id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew is-sigrieti kummerċjali, u jenħtieġ li tiġi ristretta fejn ikun ġustifikat abbażi tal-ordni jew tas-sigurtà pubblika. Jenħtieġ li jiġi mħares id-dritt tal-Unjoni li jirregola l-protezzjoni ta’ data personali. Jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jikkondividu l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà b’mod elettroniku mal-Bord. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Bord janalizza u jipprovdi proposti sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Jenħtieġ li l-proposti tal-Bord jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
|
|
(23)
|
Hija meħtieġa lista ta’ kontroll komuni għar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà biex jiġu ffaċilitati l-kompiti tal-entitajiet tal-Unjoni u tal-korpi tas-settur pubbliku li jwettqu dawk il-valutazzjonijiet u biex il-Bord ikun jista’ jfassal rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-eżiti tagħhom sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera. Għaldaqstant, ir-rapport li jirrappreżenta l-eżitu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-rekwiżit ivvalutat fuq id-dimensjonijiet legali, organizzazzjonali, semantiċi, tekniċi u ta’ governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera, flimkien mat-tip ta’ soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli wżata biex jiġu indirizzati tali effetti u l-ostakli li jifdal li jkunu għadhom ma ġewx indirizzati. Jenħtieġ li l-użu ta’ dik il-lista ta’ kontroll komuni jiġi spjegat aktar permezz ta’ linji gwida adottati mill-Bord.
|
|
(24)
|
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi mezzi faċli għall-utent li bihom tindirizza u tittrażmetti l-eżitu tal-valutazzjonijiet, inkluż f’format li jinqara mill-magni. Għodda online għar-rapporti tal- valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jenħtieġ għandha sservi l-għan li tipprovdi interfaċċa sempliċi u faċli għall-utent biex jiġu prodotti u ppubblikati tali rapporti. Jista’ jintuża output standardizzat tar-rapportar f’format li jinqara mill-magni għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li tali għodda tiffaċilita wkoll it-traduzzjoni awtomatika u jenħtieġ li tiġi integrata fil-portal Ewropa Interoperabbli. Biex trawwem l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni bla xkiel, jenħtieġ ukoll li l-għodda online tadotta u tikkonforma aktar ma’ mudell ta’ data miftuħa derivat mil-lista ta’ kontroll komuni għar-rapporti tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà. Il-forniment ta’ interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet huwa kruċjali, li jippermetti l-integrazzjoni tal-għodda fil-pjattaformi ta’ rapportar eżistenti, u b’hekk jimmassimizza l-utilità u l-effiċjenza għall-partijiet ikkonċernati kollha. Filwaqt li l-użu tal-għodda online jenħtieġ li jkun volontarju, billi jissottomettu d-data meħtieġa u jippermettu l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-portal Ewropa Interoperabbli, l-obbligu ta’ entità tal-Unjoni jew ta’ korp tas-settur pubbliku li jippubblikaw rapport li jippreżenta l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’post pubbliku jenħtieġ li jitqies issodisfat.
|
|
(25)
|
L-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku li jfittxu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu mingħand entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku oħra s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li dawk il-korpi jew l-entitajiet jużaw bħal prattiki tajbin, speċifikazzjonijiet, u kodiċi tas-software, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata. Jenħtieġ li l-kondiviżjoni ssir prestabbilita. Barra minn hekk, l-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà jew li jiżviluppaw aktar is-soluzzjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li huma jipprijoritizzaw soluzzjonijiet li ma jkollhomx termini ta’ liċenzjar restrittivi, fejn tali soluzzjonijiet jkunu ekwivalenti. Madankollu, jenħtieġ li l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ma tinftiehemx bħala rekwiżit għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku li jċedu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom.
|
|
(26)
|
Fejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkondividu s-soluzzjonijiet tagħhom ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn jew mal-pubbliku, huma jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti għat-teknoloġiji innovattivi: Pereżempju, il-kodiċi miftuħ jagħmel l-algoritmi trasparenti u jippermetti awditi indipendenti u elementi kostitwenti riproduċibbli. Il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi jenħtieġ li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ ekosistema miftuħa ta’ teknoloġiji diġitali għas-settur pubbliku li jistgħu jipproduċu benefiċċji multipli.
|
|
(27)
|
Meta jimmonitorja l-koerenza tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rrakkomandati u jipproponi miżuri sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mas-soluzzjonijiet eżistenti bi skop komuni, il-Bord jenħtieġ li jqis l-iskadenza tas-soluzzjonijiet.
|
|
(28)
|
Il-EIF jenħtieġ li jiżgura l-koerenza u jenħtieġ li jiġi rikonoxxut bħala l-punt uniku ta’ referenza għall-approċċ tal-Unjoni għall-interoperabbiltà fis-settur tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ setturi, oqsma jew livelli amministrattivi speċifiċi. Dawk l-oqfsa, li huma ta’ natura mhux vinkolanti, jenħtieġ li jippromwovu aktar l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u l-approċċ ta’ interoperabbiltà skont id-disinn.
|
|
(29)
|
Jenħtieġ li l-FEI, fost l-oħrajn, jippromwovi l-prinċipju tal-multilingwiżmu fis-settur pubbliku.
|
|
(30)
|
Jenħtieġ li l-EIF jiġi żviluppat mill-Bord. Il-Bord jenħtieġ li jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jinsabu fiċ-ċentru tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EIF. Jenħtieġ li l-Bord jaġġorna l-EIF fejn meħtieġ.
|
|
(31)
|
L-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà maħruġa biex jikkomplementaw l-EIF jenħtieġ li jqisu u ma jfixklux l-oqfsa eżistenti speċifiċi għas-settur żviluppati fil-livell tal-Unjoni, bħal fis-settur tas-saħħa.
|
|
(32)
|
L-interoperabbiltà hija marbuta direttament u tibbaża fuq l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards miftuħa. Għalhekk, jenħtieġ li s-settur pubbliku tal-Unjoni jitħalla jaqbel dwar speċifikazzjonijiet miftuħa trażversali u soluzzjonijiet oħrajn għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-qafas il-ġdid jipprevedi proċess ċar dwar l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rakkomandati fil-futur, bit-tikketta “Soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli”. B’dan il-mod, is-settur pubbliku ser ikollu vuċi aktar koordinata biex jidderieġi l-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u l-valuri pubbliċi f’diskussjonijiet usa’. Jenħtieġ li l-Bord jaqbel dwar kriterji ġenerali li bihom għandhom jintlaħqu s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Il-Bord għandu jkun jista’ jirtira r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Meta l-Bord jirtira r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, jenħtieġ li t-tikketta “Soluzzjoni Ewropa Interoperabbli” titneħħa mis-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rilevanti u dawk is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jitħassru mill-portal Ewropa Interoperabbli.
|
|
(33)
|
Bosta speċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà użati mis-settur pubbliku jistgħu jiġu derivati mid-dritt eżistenti tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn l-ispeċifikazzjonijiet kollha għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej li huma obbligatorji skont id-dritt tal-Unjoni. Mhux dejjem huwa faċli għall-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni li jsibu r-rekwiżiti fl-aktar format reċenti u li jinqara mill-magni. Punt uniku ta’ dħul fil-forma tal-portal “Ewropa Interoperabbli” u regoli ċari dwar il-metadata tal-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba li jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku biex jiżguraw li l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tagħhom jikkonformaw mar-regoli eżistenti u futuri.
|
|
(34)
|
Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli ikun żviluppat fuq il-bażi ta’ inizjattivi eżistenti u għandu jiġi stabbilit bħala punt ta’ referenza aċċessibbli faċilment għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, valutazzjonijiet, għarfien u komunità. Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jiġi stabbilit bħala link għas-sorsi uffiċjali iżda jenħtieġ li jkun miftuħ għal kontribut mill-Komunità għal Ewropa Interoperabbli stabbilit b’dan ir-Regolament.
|
|
(35)
|
Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jagħmel is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jsegwu l-prinċipji tal-EIF ta’ ftuħ, aċċessibbiltà, newtralità teknika, użu mill-ġdid, sigurtà u privatezza disponibbli għall-pubbliku u li jkunu jistgħu jinstabu minnu. Jenħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara bejn soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, li huma rakkomandati mill-Bord, u soluzzjonijiet oħra ta’ interoperabbiltà, bħal dawk kondiviżi b’mod proattiv għall-użu mill-ġdid mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, dawk marbuta mal-politiki tal-Unjoni u soluzzjonijiet rilevanti minn portali nazzjonali. Jenħtieġ li l-każijiet ta’ użu fil-portal Ewropa Interoperabbli ikunu jistgħu jiġu mfittxija skont il-pajjiż jew skont it-tip ta’servizz pubbliku li jappoġġaw. Jenħtieġ li l-Bord jiġi kkonsultat dwar il-mod kif is-soluzzjonijiet għandhom jiġu kkategorizzati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
|
|
(36)
|
Peress li sors miftuħ jippermetti li l-utenti jivvalutaw u jispezzjonaw b’mod attiv l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta’ soluzzjonijiet, huwa importanti li s-sors miftuħ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ liċenzji ta’ sors miftuħ sabiex jittejbu ċ-ċarezza legali u r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fl-Istati Membri. Bil-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (EUPL) il-Kummissjoni diġà tipprovdi soluzzjoni għal tali liċenzjar. Il-portali tal-Istati Membri li jiġbru soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ li huma marbuta mal-portal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jippermettu l-użu tal-EUPL, filwaqt li ma jeskludux il-possibilità li tali portali jistgħu jippermettu l-użu ta’ liċenzji oħra b’sors miftuħ.
|
|
(37)
|
Is-servizzi pubbliċi tal-Unjoni li huma mogħtija jew ġestiti b’mod elettroniku attwalment spiss jiddependu minn fornituri mhux tal-Unjoni. Huwa fl-interess strateġiku tal-Unjoni li tiżgura li żżomm u tiżviluppa kapaċitajiet teknoloġiċi essenzjali sabiex tiżgura s-Suq Uniku Diġitali tagħha, u b’mod partikolari sabiex tiżgura l-għoti ta’ servizzi, tipproteġi s-sistemi kritiċi tan-networks u tal-informazzjoni, u tipprovdi servizzi pubbliċi ewlenin. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jgħinu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevolvu u jkunu kapaċi jinkorporaw sfidi ġodda u oqsma ġodda f’kuntesti transfruntieri. L-interoperabbiltà hija kundizzjoni għall-evitar tal-lock-in teknoloġiku, l-iffaċilitar ta’ żviluppi tekniċi, u t-trawwim tal-innovazzjoni, li għandha tagħti spinta lill-kompetittività globali, lir-reżiljenza u lill-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni.
|
|
(38)
|
Huwa neċessarju li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ governanza li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni b’mod li jiżgura l-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jiffoka fuq l-implimentazzjoni diġitali interoperabbli tal-politiki ladarba jkunu ġew adottati fil-forma ta’ atti legali u jenħtieġ li jservi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fuq bażi xprunata mill-ħtiġijiet. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu jappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku. Il-proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika biex jappoġġaw il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jiġu proposti mill-Bord lill-Kummissjoni li jenħtieġ li tiddeċiedi jekk tistabbilixxix il-proġetti ta’ appoġġ, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-ħtieġa potenzjali għal verżjonijiet mhux awtorevoli u eżegwibbli mill-magni tal-politika, bħal mudelli jew kodiċi ta’ implimentazzjoni ta’ referenza, li jistgħu jerġgħu jintużaw fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni..
|
|
(39)
|
Jenħtieġ li l-livelli kollha tal-amministrazzjoni jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet innovattivi, inkluż kumpaniji u entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, fid-disinn, fl-iżvilupp u fl-operat tas-servizzi pubbliċi. L-appoġġ għall-kooperazzjoni tal-GovTech bejn il-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka, in-negozji ġodda u l-SMEs innovattivi, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CivicTech), huwa mezz effettiv ta’ appoġġ għall-innovazzjoni tas-settur pubbliku, il-flessibbiltà u l-promozzjoni tal-użu ta’ għodod ta’ interoperabbiltà fost is-settur privat u dak pubbliku. L-appoġġ ta’ ekosistema miftuħa tal-GovTech fl-Unjoni li tlaqqa’ flimkien atturi pubbliċi u privati bejn il-fruntieri u li tinvolvi livelli differenti tal-amministrazzjoni jenħtieġ li jippermetti l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi fir-rigward tad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà tal-GovTech.
|
|
(40)
|
L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-innovazzjoni kondiviżi u l-enfasi tal-isforzi komuni tal-GovTech u tal-esperimentazzjoni bejn il-fruntieri jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku tal-Unjoni jikkondividu r-riskji, it-tagħlimiet meħuda, u r-riżultati tal-miżuri għall-innovazzjoni. Dawk l-attivitajiet ser jisfruttaw b’mod partikolari r-riżerva rikka tal-Unjoni ta’ negozji ġodda u ta’ SMEs tat-teknoloġija. Proġetti ta’ GovTech li jirnexxu u miżuri ta’ innovazzjoni mmexxija minn miżuri ta’ innovazzjoni għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jgħinu biex jiżdiedu l-għodod ta’ GovTech u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-użu mill-ġdid.
|
|
(41)
|
Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jistgħu jibbenefikaw minn spazji sikuri għall-esperimentazzjoni, filwaqt li jiżguraw innovazzjoni u integrazzjoni responsabbli ta’ miżuri u salvagwardji xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Sabiex jiġi żgurat qafas legali li jkun favorevoli għall-innovazzjoni, li jibqa’ validu għall-futur u reżiljenti għat-tfixkil, jenħtieġ li jkun possibbli li tali proġetti jsiru f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkonsistu f’ambjenti ta’ ttestjar kontrollati li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi qabel ma tali soluzzjonijiet jiġu integrati fin-network u fis-sistemi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jimmiraw li jrawmu l-interoperabbiltà permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi billi jistabbilixxu ambjent ikkontrollat ta’ esperimentazzjoni u ta’ ttestjar bil-għan li jiġi żgurat l-allinjament ta’ dawk is-soluzzjonijiet ma’ dan ir-Regolament u ma’ liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni nazzjonali, biex isaħħu ċ-ċertezza legali għall-innovaturi u għall-awtoritajiet kompetenti u biex iżidu l-fehim tal-opportunitajiet, tar-riskji emerġenti u tal-impatti tas-soluzzjonijiet il-ġodda. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha u jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu s-setgħa li jimponi multi amministrattivi lill-entitajiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 58(2), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2018/1725.
|
|
(42)
|
Huwa meħtieġ li jiġu previsti regoli għall-użu ta’ data personali miġbura għal skopijiet oħrajn sabiex jiġu żviluppati ċerti soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-interess pubbliku fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-obbligi l-oħra kollha tal-kontrolluri tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva (UE) 2016/680 jibqgħu applikabbli. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma jipprovdix bażi legali skont it-tifsira tal-Artikolu 22(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 24(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dan ir-Regolament għandu biss l-għan li jipprevedi biss l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà. Kwalunkwe pproċessar ieħor ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun jeħtieġ bażi legali separata.
|
|
(43)
|
Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-ipproċessar tad-data personali mill-entitajiet tal-Unjoni u mill-korpi tas-settur pubbliku, jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
|
|
(44)
|
Huwa meħtieġ li jittejjeb fehim tajjeb tal-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà, speċjalment fost l-impjegati tas-settur pubbliku. It-taħriġ kontinwu huwa kruċjali f’dan ir-rigward u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar is-suġġett jenħtieġ li jiġu mħeġġa. Lil hinn mit-taħriġ dwar soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, fejn ikun xieraq, l-inizjattivi kollha jenħtieġ li jibnu fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza u tas-soluzzjonijiet u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, jew ikunu akkumpanjati minnhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa korsijiet ta’ taħriġ u materjali ta’ taħriġ, u jenħtieġ li tippromwovi l-iżvilupp ta’ programm ta’ ċertifikazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà sabiex tippromwovi l-aħjar prattiki, il-kwalifiki għar-riżorsi umani u kultura ta’ eċċellenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għaż-żieda tad-disponibbiltà ġenerali u l-adozzjoni ta’ taħriġ dwar l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, f’konformità mal-istrateġiji tal-Unjoni għall-ħiliet diġitali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jrawmu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, f’termini tat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament
|
|
(45)
|
Sabiex jinħoloq mekkaniżmu li jiffaċilita proċess ta’ tagħlim reċiproku fost l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li r-rieżami bejn il-pari jwassal għal għarfien u rakkomandazzjonijiet siewja għall-korp tas-settur pubbliku li jkun qed isirlu tali rieżami. B’mod partikolari, huwa jista’jikkontribwixxi għal faċilitazzjoni tat-trasferiment ta’ teknoloġiji, għodod, miżuri u proċessi fost il-parteċipanti tar-rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li r-rieżami bejn il-pari joħloq mogħdija funzjonali għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri kollha u l-entitajiet tal-Unjoni b’livelli differenti ta’ maturità fl-interoperabbiltà. Għandu jkun possibbli li jitwettaq rieżami bejn il-pari fuq bażi volontarja fuq talba ta’ entità tal-Unjoni jew ta’ korp tas-settur pubbliku meta jkun meħtieġ. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ rieżami bejn il-pari jkun kosteffettiv u jipproduċi riżultati ċari u konklużivi, u jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tadotta linji gwida dwar il-metodoloġija u l-kontenut tar-rieżami bejn il-pari, abbażi tal-ħtiġijiet li jseħħu u wara li tikkonsulta mal-Bord.
|
|
(46)
|
Il-Bord jenħtieġ li jiffaċilita l-iżvilupp tad-direzzjoni ġenerali tal-kooperazzjoni strutturata għal Ewropa Interoperabbli fil-promozzjoni tal-interkonnessjoni diġitali u tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, u sabiex jiġu ssorveljati l-attivitajiet strateġiċi u ta’ implimentazzjoni relatati ma’ dik il-kooperazzjoni. Il-Bord jenħtieġ li jwettaq il-kompiti tiegħu filwaqt li jqis ir-regoli u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera li diġà huma implimentati għan-network u għas-sistemi tal-informazzjoni eżistenti.
|
|
(47)
|
Ċerti entitajiet tal-Unjoni, bħall-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data u l-Bord għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, inħolqu u ngħataw il-kompitu, inter alia, li jtejbu l-interoperabbiltà f’dominju jew f’livell ta’ politika speċifiku. Madankollu, l-ebda waħda mill-entitajiet eżistenti ma għandha l-kompitu li tindirizza rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Jenħtieġ li l-Bord jappoġġa lill-entitajiet tal-Unjoni li jaħdmu fuq politiki, azzjonijiet u soluzzjonijiet rilevanti għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, pereżempju fl-interoperabbiltà semantika għall-portabbiltà u l-użu mill-ġdid tal-ispazji tad-data. Jenħtieġ li l-Bord jinteraġixxi mal-entitajiet rilevanti kollha tal-Unjoni sabiex jiżgura l-allinjament u s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera u dawk speċifiċi għas-settur. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, bħala l-President tal-Bord, tista’ tistieden esperti b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda, inkluż rappreżentanti minn awtoritajiet reġjonali u lokali u mill-komunitajiet ta’ sors miftuħ u ta’ standardizzazzjoni.
|
|
(48)
|
L-avvanz tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku jeħtieġ l-involviment attiv u l-impenn tal-esperti, il-prattikanti, l-utenti u ċ-ċittadini interessati fl-Istati Membri kollha. Dak l-isforz ikopri l-livelli kollha tal-amministrazzjoni - nazzjonali, reġjonali u lokali - u jinvolvi sħab internazzjonali, istituzzjonijiet ta’ riċerka u edukattivi, kif ukoll komunitajiet rilevanti, u s-settur privat. Sabiex jiġu sfruttati l-għarfien espert, il-ħiliet u l-kreattività tagħhom, il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, forum dedikat, jenħtieġ li tgħin sabiex jinġabru l-feedback, il-ħtiġijiet tal-utenti u dawk operazzjonali, jiġu identifikati oqsma għal żvilupp ulterjuri u l-prijoritajiet tal-kooperazzjoni fejn tidħol l-interoperabbiltà fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi strateġiċi u operazzjonali ewlenin għall-interoperabbiltà.
|
|
(49)
|
Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha. L-aċċess għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jsir faċli kemm jista’ jkun, filwaqt li jiġu evitati ostakli u piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Jenħtieġ li l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inklużi ċ-ċittadini, b’għarfien espert fil-qasam tal-interoperabbiltà transfruntiera, li jkunu ġejjin minn sfondi differenti, bħall-akkademja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-istandardizzazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet, in-negozji u l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha. Jenħtieġ li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva fil-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, inkluż billi jiġu identifikati miżuri ta’ appoġġ u opportunitajiet ta’ finanzjament.
|
|
(50)
|
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jinħatru awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. F’bosta Stati Membri, xi entitajiet diġà għandhom ir-rwol li jiżviluppaw l-interoperabbiltà. Dawk l-entitajiet jenħtieġ li ikunu jistgħu jieħdu r-rwol tal-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u fejn ikun hemm aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda, jenħtieġ li jinħatar punt uniku ta’ kuntatt minn fosthom.
|
|
(51)
|
Jenħtieġ li tiġi żviluppata Aġenda għal Ewropa Interoperabbli bħala l-istrument ewlieni tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-investimenti pubbliċi f’soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u li tistabbilixxi l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-possibiltajiet ta’ finanzjament u l-impenji ta’ finanzjament fil-qasam, filwaqt li tintegra, fejn ikun xieraq, il-programmi tal-Unjoni relatati. Jenħtieġ li din tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sinerġiji u għall-koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju relatat mal-iżvilupp tal-interoperabbiltà u l-evitar tad-duplikazzjoni fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni.
|
|
(52)
|
Jenħtieġ li tinġabar informazzjoni sabiex tiggwida l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni li tappoġġa l-ħidma tal-Bord, u kontributi għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza li ġejjin, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud, b’enfasi speċifika fuq l-impatt ta’ dan ir-Regolament dwar l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej bħala faċilitatur għal servizzi pubbliċi diġitali bla xkiel u aċċessibbli, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-ħtieġa għal kwalunkwe miżura u politika addizzjonali fil-livell tal-Unjoni. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ukoll il-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji, wara konsultazzjoni mal-Bord, il-metodoloġija, il-proċess u l-indikaturi għall-monitoraġġ. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jitfassal biex jimminimizza l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri billi jerġa’ juża kemm jista’ jkun possibbli s-sorsi tad-data eżistenti u joħloq sinerġiji mal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti, bħall-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku u t-trajettorji tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 2030 stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.
|
|
(53)
|
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti u tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-interoperabbiltà fl-Unjoni. Jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi l-progress lejn l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, l-ostakli u l-ixprunaturi għall-implimentazzjoni, u r-riżultati miksuba maż-żmien, f’konformità mas-suġġetti ta’ monitoraġġ elenkati f’dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-indikaturi li għalihom id-data ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu d-data fil-ħin permezz tal-Bord biex jiżguraw it-twettiq effettiv tar-rapport. Il-kwalità ta’ dak ir-rapport tiddependi fuq id-disponibbiltà f’waqtha tad-data.
|
|
(54)
|
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).
|
|
(55)
|
Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri it-tisħiħ tas-suq uniku permezz tal-promozzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi diġitali trans-Ewropej fi ħdan is-servizzi pubbliċi, ma jistax tintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati.
|
|
(56)
|
L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita għal tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex l-Istati Membri u l-entitajiet tal-Unjoni jingħataw biżżejjed żmien sabiex iħejju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali differiment huwa meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-Bord u l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli u jinħatru koordinaturi tal-interoperabbiltà. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jagħti żmien lill-Istati Membri u lill-entitajiet tal-Unjoni biex iħejju għall-implimentazzjoni effettiva tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u biex kull Stat Membru jaħtar awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar u punt uniku ta’ kuntatt. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt jenħtieġ li japplikaw disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(57)
|
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-13 ta’ Jannar 2023 (13).
|
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
|
|
Kapitolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali
|
Kapitolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali
|
|
Kapitolu 2 Faċilitaturi tal-Interoperabbiltà Ewropea
|
Kapitolu 2 Faċilitaturi tal-Interoperabbiltà Ewropea
|
|
Kapitolu 3 Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli
|
Kapitolu 3 Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli
|
|
Kapitolu 4 Governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera
|
Kapitolu 4 Governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera
|
|
Kapitolu 5 Ippjanar u monitoraġġ tal-Ewropa Interoperabbli
|
Kapitolu 5 Ippjanar u monitoraġġ tal-Ewropa Interoperabbli
|
|
Kapitolu 6 Dispożizzjonijiet finali
|
Kapitolu 6 Dispożizzjonijiet finali
|
|
ANNESS LISTA TA’ KONTROLL KOMUNI GĦAR-RAPPORTI TAL- VALUTAZZJONIJIET TAL-INTEROPERABBILTÀ
|
ANNESS LISTA TA’ KONTROLL KOMUNI GĦAR-RAPPORTI TAL- VALUTAZZJONIJIET TAL-INTEROPERABBILTÀ
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|