ANNESS II
FAĊILITÀ FINANZJARJA
A.
Implimentazzjoni ta' faċilità finanzjarja għal proġetti ta' enerġija sostenibbli
1.
Ambitu tal-faċilità
Il-faċilità finanzjarja (“il-faċilità”) għandha tintuża għall-iżvilupp ta' proġetti ta' ffrankar ta' enerġija, ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandha tiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawk l-oqsma minn awtoritajiet pubbliċi, lokali, reġjonali u, f’każijiet debitament ġustifikati, nazzjonali. Il-faċilità għandha tkun implimentata skont id-dispożizzjonijiet dwar id-delega ta' kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu.
Il-faċilità għandha tintuża għal proġetti ta' enerġija sostenibbli, b’mod partikolari f’kuntest urban. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, proġetti rigward:
(a) proġetti għall-binjiet pubbliċi u privati li jinkorporaw soluzzjonijiet għall-enerġija rinnovabbli u/jew għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija inklużi dawk ibbażati fuq l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT);
(b) investimenti fil-produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP), inkluża l-mikrokoġenerazzjoni, u netwerks ta' sħana/tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
(c) sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal u l-integrazzjoni tagħhom fi grids tal-elettriku;
(d) mikroġenerazzjoni minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
(e) trasport urban nadif bħala appoġġ għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b’enfasi fuq it-trasport pubbliku, vetturi elettrifikati u tal-idroġenu u tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra;
(f) infrastruttura lokali, inkluż dawl effiċjenti fuq barra tal-infrastruttura pubblika bħal dawl fit-toroq, soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku, meters intelliġenti u grids intelliġenti, li jagħmlu użu sħiħ mill-ICT;
(g) teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli b’potenzjal mil-lat tal-innovazzjoni u minn dak ekonomiku bl-użu tal-aqwa proċeduri disponibbli.
Il-faċilità tista’ wkoll tintuża biex tipprovdi inċentivi u għajnuna teknika kif ukoll tqajjem għarfien fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex tiżgura li l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni jintużaw bl-aqwa mod, b’mod partikolari, fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-titjib tal-enerġija rinnovabbli fid-djar u f’tipi ta' binjiet oħra. Il-faċilità għandha ssostni proġetti ta' vijabbiltà ekonomika u finanzjarja ppruvata, biex iroddu lura l-investimenti allokati mill-faċilità u biex jattiraw l-investimenti pubbliċi u privati. B’hekk, il-faċilità tista’, inter alia, tinkludi l-provvista u l-allokazzjonijiet kapitali għal self, garanziji, ekwità u prodotti finanzjarji oħra. Barra minn hekk, sa 15 % mill-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 21a jista’ jintuża għall-għoti ta' għajnuna teknika lil awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar l-istabbiliment ta' proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta' teknoloġiji relatati magħhom.
2.
Sinerġiji
Fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja jew teknika, għandha tingħata attenzjoni ukoll lis-sinerġiji ma' riżorsi finanzjarji oħrajn disponibbli fl-Istati Membri, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u l-faċilità ELENA, sabiex jiġi evitat it-tirkib fuq strumenti finanzjarji oħrajn.
3.
Benefiċjarji
Il-benefiċjarji tal-faċilità għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi, preferibbilment fil-livell lokali u reġjonali, u entitajiet pubbliċi jew privati li jaġixxu f’isem dawk l-awtoritajiet pubbliċi.
B.
Kooperazzjoni mal-intermedjarji finanzjarji
1.
Għażla u rekwiżiti ġenerali, inkluż l-ispejjeż
Il-faċilità għandha tiġi stabbilita b’kooperazzjoni ma' intermedjarju finanzjarju wieħed jew aktar, u għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn investituri xierqa. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi tal-kapaċità ppruvata tagħhom fl-użu tal-finanzjament bl-iktar mod effiċjenti u effikaċi, skont ir-regoli u l-kriterji stipulati f’dan l-Anness.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali relatati mal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' din il-faċilità, inklużi l-ħlasijiet tal-ġestjoni u spejjeż oħra eliġibbli fatturati mill-intermedjarji finanzjarji, jibqa’ limitat kemm jista’ jkun, fi qbil mal-aqwa prattika għal strumenti simili u bis-salvagwardja tal-kwalità rekwiżita għall-faċilità.
Il-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità għandha tkun implimentata mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Finanzjarju.
L-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar id-delega tal-kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta' regoli ta' akkwist, kontroll intern, kontabbiltà u verifika esterna. L-ebda finanzjament ieħor għajr għall-ħlasijiet ta' ġestjoni jew spejjeż marbuta mal-istabbiliment tal-faċilità ma għandu jkun disponibbli għal dawk l-intermedjarji finanzjarji.
It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati dwar l-istabbiliment u l-kondizzjonijiet ta' qafas tal-faċilità, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom ikunu stipulati fi ftehim(iet) bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarji finanzjarji.
2.
Disponibbiltà tal-informazzjoni
Il-faċilità għandha tagħmel disponibbli online l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi li tkun rilevanti għall-partijiet interessati. Dan għandu jinkludi, notevolment, proċeduri ta' applikazzjoni, informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti u r-rapporti.
C.
Kondizzjonijiet ta' finanzjament u kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla
1.
Ambitu tal-finanzjament
Skont dan l-Anness, il-faċilità għandha tkun limitata għall-finanzjament ta’:
(a) proġetti ta' investiment li għandhom impatt rapidu, miżurabbli u sostanzjali, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-UE, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra; u
(b) għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli.
2.
Fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom
F’dak li jirrigwarda l-għażla tal-proġetti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bilanċ ġeografiku.
F’dak li jirrigwarda l-finanzjament ta' proġetti ta' investiment, għandha tingħata attenzjoni xierqa sabiex jinkiseb fattur sinifikanti ta' lieva bejn l-investiment totali u l-finanzjament tal-UE sabiex jinġemgħu investimenti sinifikanti fl-Unjoni. Madankollu, l-effett ta' lieva għal proġetti individwali tal-investiment jista’ jvarja, skont għadd ta' fatturi bħad-daqs u t-tip reali ta' proġett u skont kondizzjonijiet lokali inklużi d-daqs u l-kapaċitajiet finanzjarji tal-benefiċjarju.
3.
Kondizzjonijiet għall-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finanzjament taħt il-faċilità
L-awtoritajiet pubbliċi li japplikaw għal finanzjament għal proġetti ta' investiment jew ta' għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) li jkunu impenjaw irwieħhom, jew ikunu fil-proċess li jimpenjaw irwieħhom, fuq livell politiku sabiex itaffu t-tibdil fil-klima, inklużi, fejn adatt, miri konkreti, pereżempju rigward żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;
(b) li jkunu jew qed jaħdmu biex jiżviluppaw strateġiji multiannwali sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u, fejn adatt, sabiex jilħqu l-miri tagħhom, jew inkella jkunu qed jieħdu sehem fi strateġija multiannwali fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex itaffu t-tibdil fil-klima;
(c) li jaċċettaw li jkunu pubblikament responsabbli għall-progress fl-istrateġija ġenerali tagħhom.
4.
Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' investiment iffinanzjati taħt il-faċilità
Proġetti ta' investiment finanzjati skont il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla li ġejjin:
(a) l-istabbiltà u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;
(b) l-istabbiltà u l-kosteffikaċja tal-finanzjament għall-fażi kollha tal-investiment tal-azzjoni;
(c) il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti kollha koperti b’dan ir-Rgolament;
(d) il-maturità, definita bħala l-ilħiq tal-istadju ta' investiment, u t-tiġrib ta' nefqa kapitali sostanzjali mill-iktar fis possibbli;
(e) sa liema punt in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;
(f) sa liema punt il-finanzjament mill-faċilità se jistimula l-finanzi pubbliċi u privati;
(g) l-impatti soċjo-ekonomiċi kkwantifikati;
(h) l-impatti ambjentali kkwantifikati.
5.
Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità
Il-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla msemmija fil-punt 4 (a), (c), (e), (f) u (g).
▼B