+ID-DIRETTIVA 2002/58/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)
---+Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni u mira
------+Article 1 1.
------+Article 1 2.
------+Article 1 3.
---+Artikolu 2 Definizzjonijiet
---+Artikolu 3 Servizzi konċernati
---+Artikolu 4 ►M2Sigurtà ta’ pproċessar◄
------+Article 4 1.
------+Article 4 1a.
------+Article 4 2.
------+Article 4 3.
------+Article 4 4.
------+Article 4 5.
---+Artikolu 5 Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet
------+Article 5 1.
------+Article 5 2.
------+Article 5 3.
---+Artikolu 6 Datadwar it-traffiku
------+Article 6 1.
------+Article 6 2.
------+Article 6 3.
------+Article 6 4.
------+Article 6 5.
------+Article 6 6.
---+Artikolu 7 Kontijiet dettaljati
------+Article 7 1.
------+Article 7 2.
---+Artikolu 8 Preżentazzjoni u restrizzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ jew konnessa
------+Article 8 1.
------+Article 8 2.
------+Article 8 3.
------+Article 8 4.
------+Article 8 5.
------+Article 8 6.
---+Artikolu 9 Datadwar is-sit li ma tkunxdatadwar it -traffiku
------+Article 9 1.
------+Article 9 2.
------+Article 9 3.
---+Artikolu 10 Eċċezzjonijiet
---+Artikolu 11 Trasferiment awtomatiku tas-sejħiet
---+Artikolu 12 Direttorji ta' l-abbonati
------+Article 12 1.
------+Article 12 2.
------+Article 12 3.
------+Article 12 4.
---+Artikolu 13 Komunikazzjoni mhux mitluba
------+Article 13 1.
------+Article 13 2.
------+Article 13 3.
------+Article 13 4.
------+Article 13 5.
------+Article 13 6.
---+Artikolu 14 Karatterisitiċi tekniċi u standardizzazzjoni
------+Article 14 1.
------+Article 14 2.
------+Article 14 3.
---+Artikolu 14a Proċeduta tal-Kumitat
------+Article 14a 1.
------+Article 14a 2.
------+Article 14a 3.
---+Artikolu 15 Applikazzjoni ta' xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE
------+Article 15 1.
------+Article 15 1a.
------+Article 15 1b.
------+Article 15 2.
------+Article 15 3.
---+Artikolu 15a Implimentazzjoni u infurzar
------+Article 15a 1.
------+Article 15a 2.
------+Article 15a 3.
------+Article 15a 4.
---+Artikolu 16 Arranġamenti tranżitorji
------+Article 16 1.
------+Article 16 2.
---+Artikolu 17 Transpożizzjoni
------+Article 17 1.
------+Article 17 2.
---+Artikolu 18 Reviżjoni
---+Artikolu 19 Tħassir
---+Artikolu 20 Dħul fis-seħħ
---+Artikolu 21 Indirizzati
English - European Union - Data Privacy - ICT -

ID-DIRETTIVA 2002/58/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

ID-DIRETTIVA 2002/58/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2002

dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni u mira

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u mira

▼M2

1.  Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

▼B

2.  Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta' l-interessi leġittimi ta' l-abbonati li huma persuni legali.

3.  Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta' l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta' l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta' sigurtà ta' l-Istat) u l-attivitajiet ta' l-Istat f'oqsma tal-liġi kriminali.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) ( 8 ).

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “utent” tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta' negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

(b) “Data dwar it-traffiku” tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta' komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

▼M2

(c) “data dwar is-sit” tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

▼B

(d) “komunikazzjoni” tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta' partijiet permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta' xandir lill-pubbliku fuq network ta' komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista' tkun relatata ma' l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

▼M2 —————

▼B

(f) “kunsens” minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva 95/46/KE;

(g) “servizz bil-valur miżjud” tfisser kull servizz li jeħtieġ l-ipproċessar ta' data dwar it-traffiku jew data dwar is-sit minbarra data dwar it-traffiku 'l hinn minndak li huwa neċessarju għat-trasmissjoni ta' komunikazzjoni jew biex jingħata kont għaliha;

(h) “posta elettronika” tfisser kull messaġġ ta' test, leħen, ħoss jew stampi mibgħut fuq network ta' komunikazzjoni pubblika li jista' jinħażen fin-network jew fit-tagħmir terminali tar-riċevent sakemm jinġabar mir-riċevent;

▼M2

►C1  (i) “ksur ta’ data personali” tfisser ◄ ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni, l-iżvelar mhux awtorizzat b’mod aċċidentali jew illegali ta', jew l-aċċess għal, data personali mibgħuta, maħżuna jew ipproċessata b’mod ieħor f’konnessjoni mal-provvediment ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fil-Komunità.

▼M2

Artikolu 3 Servizzi konċernati

Artikolu 3

Servizzi konċernati

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.

▼B

Artikolu 4 ►M2Sigurtà ta’ pproċessar◄

Artikolu 4

►M2  Sigurtà ta’ pproċessar ◄

1.  Il-provditur ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jieħu passi xierqa tekniċi u ta' organizzazzjoni biex jissalvagwardja s-sigurtà tas-servizzi tiegħu, jekk meħtieġ flimkien mal-provditur tan-network ta' komunikazzjoni pubblika fir-rigward tas-sigurtà tan-network. Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istat l-aktar avvanzat u l-ispiża ta' l-implimentazzjoni tagħhom, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju ppreżentat.

▼M2

1a.  Mingħajr ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:

— jassiguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet awtorizzati legalment;

— jipproteġu d-data personali maħżuna jew trażmessa mill-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew tibdil aċċidentali, u l-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzati jew illegali; kif ukoll

— jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

L-awtoritajiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li għandhom jiksbu dawn il-miżuri.

▼B

2.  Fil-każ ta' riskju partikolari ta' vjolazzjoni tas-sigurtà tan-network, il-provditur ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jinforma lill-abbonati dwar dan ir-riskju u, fejn dan ir-riskju huwa lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-provditur tas-servizz, dwar kull rimedji possibbli, inkluża indikazzjoni ta' l-ispejjeż x'aktarx involuti.

▼M2

3.  Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali l-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli konċernat jew is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifkaw il-ksur tad-data personali lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Meta l-ksur tad-data personali jista’ jaffettwa ħażin l-abbonat jew id-data personali jew il-privatezza tal-individwu, il-fornitur għandu wkoll jinnotifika l-abbonat ikkonċernat jew lill-individwu b’tali ksur mingħajr dewmien żejjed.

Ma għandhiex tkun meħtieġa notifika ta’ ksur ta’ data personali lilll-abbonat jew lill-individwu ikkonċernat jekk il-fornitur ikun wera lill-awtorità kompetenti li jkun implimenta l-miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi adatti, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data kkonċernata mill-ksur tas-sigurtà. Tali miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi għandhom irendu d-data indeċifrabbli għal kull persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għaliha.

Mingħajr ħsara għall-obbligu tal-fornitur li jinnotifika lill-abbonati jew lill-individwi ikkonċernati, jekk fornitur ma jkunx diġa nnotifika lill-abbonat jew individwu dwar ksur ta’ data personali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tkun ikkunsdrat l-effeti negattivi li jista’ jkollu l-ksur, tista’ tirrikjedi lill-fornitur biex jagħmel dan.

In-notifika lill-abbonat jew individwu għandha mill-inqas tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali u l-punti ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni, u għandha tirrakkomanda miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tal-ksur tad-data personali. In-notifika lill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, barra minn dan, tiddeskrivi l-konsegwenzi ta’ u l-miżuri proposti jew meħuda mill-fornitur biex jiġi ttrattat il-ksur tad-data personali.

4.  Suġġett għal kwalunkwe miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw linji gwida u, fejn meħtieġ, joħorġu struzzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-fornituri huma meħtieġa li jinnotifikaw ksur tad-data personali, il-format ta’ tali notifika u l-proċeduri tan-notifika. Huma għandhom jissorveljaw ukoll jekk il-fornituri jkunux issodisfaw l-obbligi tagħhom tan-notifika skont dan il-paragrafu, u fil-każ li dan ma jkunx sar, għandhom jimponu sanzjonijiet adegwati.

Il-fornituri għandhom iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali, li jkun jinkludi l-fatti ta’ dawn il-każijiet ta’ ksur, l-effetti tagħhom u l-azzjoni li ttieħdet biex jingħata rimedju, li għandu jkun biżżejjed sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. L-inventarju għandu jinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop.

5.  Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA), il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jikkonċernaw, iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni u notifika msemmija f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, partikolarment sabiex tkun infurmata dwar l-aħjar mezzi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2).

▼B

Artikolu 5 Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet

Artikolu 5

Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta' network ta' komunikazzjoni pubblika u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta' liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta' interċettazzjoni jew sorveljanza ta' komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta' l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m'għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

2.  Il-paragrafu 1 m'għandux jaffettwa reġistrazzjoni legalment awtorizzata ta' komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-trafffiku relatati meta mwettqa fil-kors ta' prattika tal-kummerċ legali għall-iskop li tiġi pprovduta prova ta' transazzjoni kummerċjali jew kull komunikazzjoni oħra kummerċjali.

▼M2

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.

▼B

Artikolu 6 Datadwar it-traffiku

Artikolu 6

Data dwar it-traffiku

1.  Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet jew servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m'għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta' komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.  Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta' l-abbonati u ħlasijiet ta' interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

▼M2

3.  Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

▼B

4.  Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-abbonat jew utent dwar it-tipi ta'data dwar it-traffiku li huma pproċessati u dwar iż-żmien ta' dan l-ipproċessar għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 2, u qabel ma jakkwista l-kunsens, għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

5.  L-ipproċessar ta' data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta' provdituri ta' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet jew servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta' komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta' servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta' dawn l-attivitajiet.

6.  Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta' korpij kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi, partikolarment disputi dwar interkonnessjoni jew kontijiet.

Artikolu 7 Kontijiet dettaljati

Artikolu 7

Kontijiet dettaljati

1.  L-abbonati għandu jkollhom id-dritt li jirċievu kontijiet mhux dettaljati.

2.  L-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali sabiex jirrikonċiljaw id-drittijiet ta' l-abbonati li jirċievu kontijiet dettaljati mad-dritt tal-privatezza ta' utenti li jsejħu u abbonati li ġew imsejħa, per eżempju billi jiżguraw li huma disponibbli għal tali abbonati jew utenti metodi suffiċjenti alternativi li jsaħħu l-privatezza tal-komunikazzjonijiiet jew ħlasijiet.

Artikolu 8 Preżentazzjoni u restrizzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ jew konnessa

Artikolu 8

Preżentazzjoni u restrizzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ jew konnessa

1.  Fejn tiġi offruta preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ, il-provditur tas-servizz għandu joffri lill-utent li qed isejjaħ il-possibilità, bl-użu ta' mezz sempliċi mingħajr ħlas, tal-prevenzjoni tal-preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ fuq bażi per-call. L-abbonat li jsejjaħ għandu jkollu din il-possibilità fuq bażi per-line.

2.  Fejn tiġi offruta preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ, il-provditur tas-servizz għandu joffri lill-utent li qed jissejjaħ il-possibilità, bl-użu ta' mezz sempliċi mingħajr ħlas ghal użu raġonevoli ta' din il-funzjoni, li jipprevjeni l-preżentazzjoni ta' l-identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ ta' sejħiet li jkunu deħlin.

3.  Fejn tiġi offruta preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ, u fejn l-identifikazzjoni tal-linja li qed issejjaħ tiġi ppreżentata qabel ma tiġi stabbilita s-sejħa, il-provditur tas-servizz għandu joffri lill-abbonat imsejjaħ il-possibilità, bl-użu ta' mezz sempliċi, li jiċħad is-sejħiet li deħlin fejn il-preżentazzjoni ta' l-identifikazzjoni tal-linja li qed issejjaħ tkun ġiet prevenuta mill-utent jew l-abbonat li qed isejjaħ.

4.  Fejn tiġi offruta preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja konnessa, il-provditur tas-servizz għandu joffri lill-abbonat imsejjaħ il-possibilità, bl-użu ta' mezz sempliċi mingħajr ħlas, li jipprevjeni l-preżentazzjoni ta' l-identifikazzjoni tal-linja konnessa lill-utent li qed isejjaħ.

5.  Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll rigward sejħiet lil pajjiżi terzi li joriġinaw fil-Komunità. Il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jgħoddu wkoll għal sejħiet li deħlin li joriġinaw f'pajjiżi terzi.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn tiġi offruta preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ u/jew konnessa, il-provdituri tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament jinfurmaw lill-pubbliku dwar dan u dwar il-possibiltajiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4.

Artikolu 9 Datadwar is-sit li ma tkunxdatadwar it -traffiku

Artikolu 9

Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it -traffiku

1.  Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjoni jew servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta' l-utenti jew ta' l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta' servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta' data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta' l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. L-utenti jew l-abbonati għandhom jingħataw il-possibbilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta' data dwar is-sit li mhix data dwar it-traffiku f'kull ħin.

2.  Fejn ġie akkwistat il-kunsens ta' l-utenti jew l-abbonati għall-ipproċessar ta' data dwar is-sit li ma tkunx id-data dwar it-traffiku, l-utent jew l-abbonat għandu jkompli jkollu l-possibilità, bl-użu ta' mezz sempliċi u mingħajr ħlas, li temporanjament jirrifjuta l-ipproċessar ta' din id-data għal kull konnessjoni man-network jew għal kull trasmissjoni ta' komunikazzjoni.

3.  Proċessar ta' data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku skond il-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità tal-provditur ta' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet jew servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jew tat-terza persuna li tipprovdi s-servizz bil-valur miżjud, u għandu jiġi ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskopijiet tal-provvista tas-servizz bil-valur miżjud.

Artikolu 10 Eċċezzjonijiet

Artikolu 10

Eċċezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm proċeduri trasparenti li jirregolaw il-mod li bih provditur ta' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet u/jew servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista' jwarrab:

(a) l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ fuq bażi temporanja, fuq applikazzjoni ta' abbonat li jitlob l-intraċċar ta' sejħiet malizjużi jew ta' inkonvenjent. F'dan il-każ, skond il-liġi nazzjonali, id-data li fiha l-identifikazzjoni ta' l-abbonat li qed isejjaħ jinħażnu u jkunu disponibbli mill-provditur ta' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet u/jew servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

(b) l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li ssejjaħ u ċ-ċaħda jew nuqqas temporanju tal-kunsens ta' l-abbonat jew l-utent għall-ipproċessar ta' data dwar is-sit, fuq bażi per-line għal organizzazzjonijiet li jittrattaw sejħiet ta' emerġenza u rikonoxxuti bħala tali minn Stat Membru, inklużi aġenziji li jinfurzaw il-liġi, servizzi ta' ambulanzi u servizzi tat-tifi tan-nar, għall-iskopijiet li dawn is-sejħiet jitwieġbu.

Artikolu 11 Trasferiment awtomatiku tas-sejħiet

Artikolu 11

Trasferiment awtomatiku tas-sejħiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull abbonat għandu l-possibbilità, bl-użu ta' mezz sempliċi u mingħajr ħlas, li jwaqqaf it-trasferiment awtomatiku minn terza persuna lit-terminal ta' l-abbonat.

Artikolu 12 Direttorji ta' l-abbonati

Artikolu 12

Direttorji ta' l-abbonati

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f'direttorji, dwar l-iskop(ijiet) ta' direttorju stampat jew elettroniku ta' l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta' talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta' użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta' tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l-opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f'direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad-direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f'direttorju ta' l-abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu.

3.  L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta' direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta' dettalji tal-kuntatt ta' persuni fuq il-bażi ta' isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta' identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta' l-abbonati.

4.  Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-kwadru tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta' abbonati minbarra persuni naturali rigward id-dħul tagħhom fid-direttorji pubbliċi huma mħarsa b'mod suffiċjenti.

▼M2

Artikolu 13 Komunikazzjoni mhux mitluba

Artikolu 13

Komunikazzjoni mhux mitluba

1.  L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.

3.  L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.

4.  F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, mingħajr indirizz validu li r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita.

5.  Il-paragrafi 1 u 3 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-qafas tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta’ abbonati minbarra persuni naturali rigward komunikazzjonijiet mhux mitluba huma protetti b’mod suffiċjenti.

6.  Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia skont l-Artikolu 15a(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew legali affettwata ħażin minn ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu u li għaldaqstant għandha interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali ksur, inkluż fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li jħares l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu, jista’ jieħu azzjoni legali kontra tali ksur. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar pieni applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li bin-negliġenza tagħhom jikkontribwixxu għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ dan l-Artikolu.

▼B

Artikolu 14 Karatterisitiċi tekniċi u standardizzazzjoni

Artikolu 14

Karatterisitiċi tekniċi u standardizzazzjoni

1.  Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3, l-ebda obbligazzjonijiet mandatorji għall-karatterisitiċi tekniċi speċifiċi ma jiġu imposti fuq tagħmir terminali jew ta' komunikazzjoni elettronika oħra, li jistgħu jimpedixxi t-tqegħid ta' tagħmir fis-suq u ċ-ċirkolazzjoni libera ta' tali tagħmir fi jew bejn l-Istati Membri.

2.  Fejn id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu implimentati biss billi jenħtieġu karatteristiċi tekniċi speċifiċi fin-networks ta' komunikazzjoni elettroniċi, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u dwar regoli dwar servizzi tas-soċjeta’ ta' l-informazzjoni ( 9 ).

3.  Fejn meħtieġ, jistgħu jiġu adottati miżuri biex ikun żgurat li t-tagħmir terminali jinbena b'tali mod li huwa kompatibbli mad-dritt ta' l-utenti li jħarsu u jikkontrollaw l-użu tad-data personali tagħhom, skond id-Direttiva1999/5/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet ( 10 ).

▼M2

Artikolu 14a Proċeduta tal-Kumitat

Artikolu 14a

Proċeduta tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼B

Artikolu 15 Applikazzjoni ta' xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE

Artikolu 15

Applikazzjoni ta' xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE

1.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta' din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f'soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta' l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat tas-sistema ta' komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta' l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f'dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

▼M1

1a.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika ( 11 ) sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.

▼M2

1b.  Il-fornituri għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu talbiet għal aċċess għad-data personali tal-utenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adotatti skont il-paragrafu 1. Għandhom jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti, meta din titlobha, b’informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu għandhom, il-ġustifikazzjoni legali invokata u r-risposti tagħhom.

▼B

2.  Id-dispożizzjonijiet fil-Kaptilu III dwar rimedji ġudizzjarji, risponsabbilità u sanzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jgħoddu fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u fir-rigward tad-drittijiet individwali derivati minn din id-Direttiva.

3.  Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fl-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE għandu wkoll iwettaq il-kompiti preskritti fl-Artikolu 30 ta' dik id-Direttiva fir-rigward ta' affarijiet koperti minn din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni ta' drittijiet u libertajiet fundamentali u ta' interessi leġittimi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

▼M2

Artikolu 15a Implimentazzjoni u infurzar

Artikolu 15a

Implimentazzjoni u infurzar

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali, inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi u jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kwalunkwe ksur, anke fejn sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-25 ta’ Mejju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li teffettwahom.

2.  Mingħajr ħsara għal kwalunkwe soluzzjoni ġudizzjarja li tista’ tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħa li jordnaw il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħat u r-riżorsi investigattivi kollha meħtieġa, inkluż is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilvanti li jistgħu jkunu jeħtieġu biex jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

4.  L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiżguraw koperazzjoni effikaċi transkonfinali fl-infurzar tal-liġijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u toħloq kondizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi transkonfinali tad-data.

L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jadottaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, il-miżuri mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Il-Kummissjoni tista', wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) u lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, tagħmel kummenti u rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari biex tiżgura li l-miżuri previsti ma jaffettwawx ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-miżuri.

▼B

Artikolu 16 Arranġamenti tranżitorji

Artikolu 16

Arranġamenti tranżitorji

1.  L-Artikolu 12 m' għandux jgħodd għal edizzjonijiet ta' direttorji diġa' prodotti jew imqiegħda fis-suq f'forma stampata jew elettronika offline qabel ma jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali skond din id-Direttiva.

2.  Fejn id-data personali ta' abbonati għal servizzi pubbliċi fissi jew mobbli ta' telefonija bil-leħen ġew inklużi f'direttorju pubbliku ta' abbonati skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, u l-Artikolu11 tad-Direttiva 97/66/KE qabel ma jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali skond din id-Direttiva, id-data personali ta' tali abbonati jistgħu jibqgħu inklużi f'dan id-direttorju pubbliku fil-forom stampati jew elettroniċi tiegħu, inklużi verżjonijiet bil-funzjoni ta' tfittxija b'lura, sakemm l-abbonati ma jindikawx mod ieħor, wara li jkunu rċevew informazzjoni sħiħa dwar l-iskopijiet u l-għażliet skond l-Artikolu 12 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 17 Transpożizzjoni

Artikolu 17

Transpożizzjoni

1.  Qabel il-31 ta' Ottubru 2003 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id- Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjata b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-riferenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  StatiMembri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva u ta' kull emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 18 Reviżjoni

Artikolu 18

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 17(1), rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fuq operaturi ekomomiċi u fuq konsumaturi, partikolarment rigward id-dispożizzjonijiet dwar komunikazzjonijiet mhux soliċitati, waqt li jitqies l-ambjent internazzjoniali. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-Istati Membri, li għandha tingħata mingħajr dewmien mhux xieraq. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva, waqt li jitqiesu ir-riżultati ta' dak ir-rapport, tibdiliet fis-settur u kull proposta oħra li jidhrilha neċessarja sabiex tittejjeb l-effettività ta' din id-Direttiva.

Artikolu 19 Tħassir

Artikolu 19

Tħassir

Id-Direttiva 97/66/KE hija b'dan imħassra mid-data msemmija fl-Artikolu 17(1).

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.

Artikolu 20 Dħul fis-seħħ

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 21 Indirizzati

Artikolu 21

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.


( 1 ) ĠU C 365 E, tad-19.12.2000, p. 223.

( 2 ) ĠU C 123, tal-25.4.2001, p. 53.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2001 (għandha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 (ĠU C 113 E, ta' l-14.5.2002, p. 39) u Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2002 (għandha mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002

( 4 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

( 5 ) ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

( 6 ) ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

( 7 ) ĠU L 91, tas-7.4.1999, p. 10.

( 8 ) ĠU L 108, ta' l-24.4.2002, p. 33.

( 9 ) ĠU L 204, tal-21.7.1998, 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p.18).

( 10 ) ĠU L 36, tas-7.2.1987, p. 31. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

( 11 ) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit