+5.3 PD calibration
---+70. Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena definita fil-punt (78) tal-Artikolu …
---+71. Jenħtieġ li l-esklużjoni ta’ osservazzjonijiet mill-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena …
---+72. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiddokumentaw it-tindif kollu tad-data, skont l-Artikolu …
---+73. Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena msemmija fil-punt (78) tal-Artikolu …
---+74. Meta l-istituzzjonijiet jkunu qegħdin jassenjaw id-debituri jew l-iskoperturi għal gradi jew …
---+75. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rata ta’ inadempjenza ta’ sena anki għas-subgrupp …
---+76. Għall-finijiet tal-paragrafi 73 sa 75, jenħtieġ li debitur jiġi inkluż fid-denominatur u, fejn …
---+77. F’kull każ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li kull debitur inadempjenti jingħadd darba …
---+78. Sabiex jagħżlu approċċ ta’ kalkolu xieraq kif meħtieġ bil-paragrafu 80, jenħtieġ li …
---+79. Ir-rati ta’ inadempjenza ta’ medja ta’ sena osservati (“rata ta’ inadempjenza medja osservata”) …
---+80. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jagħżlu approċċ xieraq bejn approċċ ibbażat fuq it-trikkib u …
---+81. Għall-finijiet tal-paragrafi 79 u 80, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rati ta’ …
---+82. Sabiex jiġi ddeterminat il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fl-Artikolu 180(1)(h) u …
---+83. Sabiex tiġi vvalutata r-rappreżentattività tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi …
---+84. Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 jirrappreżenta l-medda …
---+85. Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 ma jirrappreżentax il-medda …
---+86. Fil-każ eċċezzjonali fejn ir-rata ta’ inadempjenza fuq perjodu twil tkun aktar baxxa mill-medja …
---+87. Jenħtieġ li j-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċessi b’saħħithom u definiti sew li …
---+88. Jenħtieġ li fid-dokumentazzjoni tal-mudell tal-PD l-istituzzjonijiet jaħżnu u jiddeskrivu …
---+89. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet iwettqu l-kalibrazzjoni wara li jkunu kkunsidraw kwalunkwe …
---+90. Il-proċess tal-raggruppar ta’ debituri jew skoperturi klassifikati għal gradi jew …
---+91. Filwaqt li jikkunsidraw id-disponibbiltà tad-data, l-istruttura tal-mudell u tal-portafoll, kif …
---+92. Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD msemmija fil-paragrafu 91, jenħtieġ li l-kalibrazzjoni …
---+93. Irrispettivament mill-approċċi msemmija fil-paragrafu 92 li l-istituzzjonijiet jagħżlu, huma …
---+94. Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD bbażati fuq assoċjazzjoni għal skala ta’ …
---+95. Fejn l-istituzzjonijiet jidderivaw l-istimi tal-PD mill-istimi tat-telf u tal-LGDs skont …
---+96. Sabiex jintużaw stimi diretti tal-PD għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-fondi proprji skont …
---+97. L-istituzzjonijiet jistgħu jaqsmu l-iskoperturi koperti mill-istess mudell tal-PD f’ħafna …
---+98. Fejn jintużaw metodi ta’ għoti ta’ punteġġ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li: (a) …
---+99. Il-kalibrazzjoni ma għandhiex tinfluwenza l-ordni tal-klassifikazzjoni tad-debituri jew …

5.3 PD calibration

5.3.1 Data requirements for the calculation of observed default rates

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
70. Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena definita fil-punt (78) tal-Artikolu …

Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena definita fil-punt (78) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw il-kompletezza tad-data kwantitattiva u kwalitattiva u informazzjoni oħra relatata mad-denominatur u man-numeratur, kif deskritt fil-paragrafi 73 u 74 u użati għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza medja osservata. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li mill-inqas id-data li ġejja għall-perjodu ta’ osservazzjoni rilevanti msemmi fil-paragrafi 82 sa 83 tinħażen kif xieraq u tkun disponibbli:

  • (a) il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-tip ta’ skoperturi rilevanti koperti mill-mudell tal-PD ikkunsidrat;
  • (b) il-kriterji għall-identifikazzjoni tas-segmenti tal-kalibrazzjoni;
  • (c) il-motivaturi tar-riskju li jintużaw għad-differenzazzjoni tar-riskju; fejn motivatur tar-riskju rilevanti ġdid ikun ġie inkluż fil-mudell li għalih ma jkun hemm ebda data storika disponibbli, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jagħmlu sforz sabiex inaqqsu kemm jistgħu d-data nieqsa dwar il-motivaturi tar-riskju matul iż-żmien, kif deskritt fil-paragrafu 51(a), u japplikaw aġġustament xieraq u MoC skont it-taqsima 4.4;
  • (d) in-numri kollha ta’ identifikazzjoni tad-debituri u tal-iskoperturi rilevanti għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza, filwaqt li jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet fejn in-numru tal-identifikazzjoni jkun inbidel matul iż-żmien, inklużi bidliet minħabba ristrutturar tal-iskoperturi.
71. Jenħtieġ li l-esklużjoni ta’ osservazzjonijiet mill-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena …

Jenħtieġ li l-esklużjoni ta’ osservazzjonijiet mill-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena ssir biss fiż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) debituri inklużi bi żball fis-sett tad-data tal-inadempjenzi, peress li ma jkunux għamlu inadempjenza fit-tifsira tad-definizzjoni ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif speċifikat aktar fil-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ inadempjenza ta’ debitur skont dak l-Artikolu ma għandhomx jiġu inkużi fin-numeratur tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena;
  • (b) id-debituri li ġew assenjati bi żball għall-mudell tal-klassifikazzjoni kkunsidrat, minkejja li ma jaqgħux fil-medda ta’ applikazzjoni ta’ dak il-mudell ta’ klassifikazzjoni, jenħtieġ li jiġu esklużi kemm min-numeratur kif ukoll mid-denominatur tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena.
72. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiddokumentaw it-tindif kollu tad-data, skont l-Artikolu …

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiddokumentaw it-tindif kollu tad-data, skont l-Artikolu 32(3)(b) tal-RTS dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-IRB, fir-rigward tal-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena u b’mod partikolari:

  • (a) għal mudelli ta’ PD mhux tal-konsumaturi, lista tal-osservazzjonijiet kollha fi ħdan is-sett tad-data li ġew esklużi, skont il-paragrafu 71, b’ġustifikazzjoni ta’ każ b’każ;
  • (b) għal mudelli tal-PD tal-konsumaturi, informazzjoni dwar ir-raġunijiet u l-kwantità tal-esklużjonijiet tal-osservazzjonijiet li saru skont il-paragrafu 71.

5.3.2 Kalkolu ta’ rati ta’ inadempjenza ta’ sena

73. Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena msemmija fil-punt (78) tal-Artikolu …

Sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza ta’ sena msemmija fil-punt (78) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw dawn it-tnejn li ġejjin:

  • (a) li d-denominatur ikun jikkonsisti mill-għadd ta’ debituri mhux inadempjenti bi kwalunkwe obbligu ta’ kreditu osservat fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena; f’dan il-kuntest obbligu ta’ kreditu jirreferi għal dawn it-tnejn li ġejjin:
  • (i) kwalunkwe entrata li tidher fil-karta bilanċjali, inkluż kwalunkwe ammont ta’ kapital, imgħax u tariffi;
  • (ii) kwalunkwe entrata li ma tidhrix fil-karta bilanċjali, inklużi garanziji maħruġin mill-istituzzjoni bħala garanti.
  • (b) li n-numeratur jinkludi dawk id-debituri kollha kkunsidrati fid-denominatur li matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena kellhom mill-inqas avveniment ta’ inadempjenza wieħed.
74. Meta l-istituzzjonijiet jkunu qegħdin jassenjaw id-debituri jew l-iskoperturi għal gradi jew …

Meta l-istituzzjonijiet jkunu qegħdin jassenjaw id-debituri jew l-iskoperturi għal gradi jew aggregazzjonijiet għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena, jenħtieġ li dawn jikkunsidraw il-prevalazzjonijiet, iżda f’din l-assenjazzjoni ma ’għandhom jirriflettu l-ebda effett ta’ sostituzzjoni minħabba mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu, u lanqas xi aġġustament konservattiv ex post introdott skont it-taqsima 8.1. Fejn ir-rata ta’ inadempjenza ta’ sena tiġi kkalkolata permezz ta’ grad jew aggregazzjoni ta’ klassifikazzjoni, jenħtieġ li d-denominatur jirreferi għad-debituri kollha assenjati għal grad jew aggregazzjoni ta’ klassifikazzjoni fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni. Fejn ir-rata ta’ inadempjenza ta’ sena tiġi kkalkolata fil-livell tal-portafoll, jenħtieġ li d-denominatur jirreferi għad-debituri kollha assenjati għas-segment ta’ kalibrazzjoni rilevanti fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni.

75. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rata ta’ inadempjenza ta’ sena anki għas-subgrupp …

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rata ta’ inadempjenza ta’ sena anki għas-subgrupp ta’ debituri b’xi obbligu ta’ kreditu li fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni rilevanti ma kellhomx klassifikazzjoni, iżda li kienu jinsabu fil-medda ta’ applikazzjoni tal-mudell ikkunsidrat (“klassifikazzjonijiet neqsin”), anki jekk dawn id-debituri ġew assenjati għal grad jew aggregazzjoni ta’ klassifikazzjoni b’mod konservattiv sabiex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-fondi proprji. Id-debituri li l-klassifikazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq informazzjoni nieqsa jew parzjalment nieqsa jew fejn il-klassifikazzjoni tkun skadiet iżda għadha titqies valida mill-istituzzjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala klassifikazzjonijiet neqsin.

76. Għall-finijiet tal-paragrafi 73 sa 75, jenħtieġ li debitur jiġi inkluż fid-denominatur u, fejn …

Għall-finijiet tal-paragrafi 73 sa 75, jenħtieġ li debitur jiġi inkluż fid-denominatur u, fejn rilevanti, fin-numeratur, anki fil-każ ta’ migrazzjoni għal skala ta’ klassifikazzjoni, aggregazzjoni jew mudell ta’ klassifikazzjoni differenti, sistema ta’ klassifikazzjoni jew approċċ għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali fil-perjodu ta’ osservazjoni jew fejn l-obbligi ta’ kreditu korrispondenti kienu nbiegħu, tħassru, tħallsu lura jew inkella ġew magħluqa matul il-perjodu ta’ osservazzjoni. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet janalizzaw jekk dawn il-migrazzjonijiet jew il-bejgħ tal-obbligi ta’ kreditu jippreġudikawx ir-rata ta’ inadempjenza u, jekk iva, huma jirriflettu dan f’aġġustament xieraq u jikkunsidraw MoC adegwat.

77. F’kull każ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li kull debitur inadempjenti jingħadd darba …

F’kull każ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li kull debitur inadempjenti jingħadd darba biss fin-numeratur u fid-denominatur tal-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena, anki fejn id-debitur kien sar inadempjenti aktar minn darba matul il-perjodu ta’ sena rilevanti.

78. Sabiex jagħżlu approċċ ta’ kalkolu xieraq kif meħtieġ bil-paragrafu 80, jenħtieġ li …

Sabiex jagħżlu approċċ ta’ kalkolu xieraq kif meħtieġ bil-paragrafu 80, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jevalwaw ir-rati ta’ inadempjenza ta’ sena osservati fil-perjodu ta’ osservazzjoni storika mill-inqas darba kull trimestru.

5.3.3 Kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza medja osservata

79. Ir-rati ta’ inadempjenza ta’ medja ta’ sena osservati (“rata ta’ inadempjenza medja osservata”) …

Ir-rati ta’ inadempjenza ta’ medja ta’ sena osservati (“rata ta’ inadempjenza medja osservata”) jenħtieġ li jiġu kkalkolati għal kull grad jew aggregazzjoni ta’ klassifikazzjoni u, barra minn hekk, għat-tip ta’ skoperturi koperti mill-mudell rilevanti tal-PD kif ukoll għal kwalunkwe segment tal-kalibrazzjoni rilevanti.

80. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jagħżlu approċċ xieraq bejn approċċ ibbażat fuq it-trikkib u …

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jagħżlu approċċ xieraq bejn approċċ ibbażat fuq it-trikkib u approċċ ibbażat fuq perjodu ta’ żmien ta’ sena li ma jirkbux ‘il xulxin, sabiex tiġi kkalkolata r-rata ta’ inadempjenza medja osservata bbażata fuq analiżi dokumentata. Jenħtieġ li din l-analiżi tinkludi mill-inqas dawn li ġejjin:

  • (a) analiżi tal-preġudizzju possibbli minħabba l-proporzjon ta’ kuntratti fuq perjodu qasir u mitmuma li ma jistgħux jiġu osservati matul il-perjodi ta’ sena rilevanti;
  • (b) analiżi tal-preġudizzju possibbli minħabba d-dati tal-kalkolu speċifiċi li ntgħażlu;
  • (c) għall-istituzzjonijiet li jużaw perjodi ta’ żmien ta’ sena li jirkbu ‘l xulxin, analiżi tal-preġudizzju potenzjalment sinifikanti minħabba ppeżar żejjed impliċitu tal-perjodu ta’ żmien ta’ trikkib;
  • (d) analiżi tal-preġudizzju potenzjalment sinifikanti minħabba effetti staġunali relatati mad-dati tal-kalkolu li ntgħażlu.
81. Għall-finijiet tal-paragrafi 79 u 80, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rati ta’ …

Għall-finijiet tal-paragrafi 79 u 80, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rati ta’ inadempjenza medji osservati bħala l-medja aritmetika tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena kollha kkalkolati skont il-paragrafi 73 sa 76. Fil-każ ta’ mudelli tal-PD għall-klassi ta’ skopertura fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkolaw ir-rata ta’ inadempjenza medja osservata bħala medja ppeżata ta’ rati ta’ inadempjenza ta’ sena fejn istituzzjoni ma tagħtix l-istess importanza lil data storika għaliex data aktar riċenti tbassar aħjar it-telf, skont l-Artikolu 180(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

5.3.4 Rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil

82. Sabiex jiġi ddeterminat il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fl-Artikolu 180(1)(h) u …

Sabiex jiġi ddeterminat il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fl-Artikolu 180(1)(h) u 180(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, osservazzjonijiet addizzjonali għall-aktar 5 snin riċenti, waqt il-kalibrazzjoni tal-mudell, jenħtieġ li jitqiesu rilevanti meta dawn l-osservazzjonijiet ikunu meħtieġa sabiex il-perjodu ta’ osservazzjoni storika jirrifletti l-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza ta’ dak it-tip ta’ skoperturi, kif imsemmi fl-Artikolu 49(3) tal-RTS dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-IRB.

83. Sabiex tiġi vvalutata r-rappreżentattività tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi …

Sabiex tiġi vvalutata r-rappreżentattività tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 għall-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jivvalutaw jekk il-perjodu ta’ osservazzjoni storika jkunx fih taħlita rappreżentattiva ta’ snin tajbin u snin ħżiena, u jikkunsidraw dan kollu li ġej:

  • (a) il-varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena osservati kollha;
  • (b) l-eżistenza, in-nuqqas jew il-prevalenza ta’ rati ta’ inadempjenza ta’ sena relatati ma’ snin ħżiena, kif rifless mill-indikaturi ekonomiċi li huma rilevanti għat-tip ta’ skoperturi kkunsidrati fil-perjodu ta’ osservazzjoni storika;
  • (c) bidliet sinifikanti fl-ambjent ekonomiku, legali jew tan-negozju fil-perjodu ta’ osservazzjoni storika.
84. Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 jirrappreżenta l-medda …

Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 jirrappreżenta l-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza, ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil jenħtieġ li tiġi kkalkolata bħala l-medda osservata tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena f’dak il-perjodu.

85. Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 ma jirrappreżentax il-medda …

Fejn il-perjodu ta’ osservazzjoni storika msemmi fil-paragrafu 82 ma jirrappreżentax il-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza, kif imsemmi fl-Artikolu 49(4) tal-RTS dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-IRB, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet japplikaw dan li ġej:

  • (a) fejn fil-perjodu ta’ osservazzjoni storika ma jiġux inklużi snin ħżiena jew ma jiġux inklużi biżżejjed snin ħżiena, il-medja tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena osservati jenħtieġ li tiġi aġġustata sabiex tagħti stima ta’ rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil;
  • (b) fejn is-snin ħżiena jiġu rrappreżentati żżejjed fil-perjodu ta’ osservazzjoni storika, il-medja tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena osservati tista’ tiġi aġġustata sabiex tagħti stima ta’ rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil fejn ikun hemm korrelazzjoni sinifikanti bejn l-indikaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 83(b) u r-rati ta’ inadempjenza ta’ sena disponibbli.

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li, bħala riżultat tal-aġġustamenti msemmija fil-punti (a) u (b), ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil aġġustata tirrifletti l-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza.

86. Fil-każ eċċezzjonali fejn ir-rata ta’ inadempjenza fuq perjodu twil tkun aktar baxxa mill-medja …

Fil-każ eċċezzjonali fejn ir-rata ta’ inadempjenza fuq perjodu twil tkun aktar baxxa mill-medja tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena osservati kollha minħabba xi aġġustament li jkun sar skont il-paragrafu 85, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet iqabblu r-rati ta’ inadempjenza medji fuq perjodu twil bl-ogħla ta’ dawn li ġejjin:

  • (a) il-medja osservata tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena tal-aktar 5 snin riċenti;
  • (b) il-medja osservata tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena disponibbli kollha.

jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiġġustifikaw id-direzzjoni u d-daqs tal-aġġustament, inkluża l-adegwatezza tal-MoC ikkunsidrat, f’konformità mar-rekwiżit fl-Artikolu 49(4)(b) tal-RTS dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-IRB u t-taqsima 4.4. Barra minn dan, fejn ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil aġġustata tkun aktar baxxa mill-ogħla valur taż-żewġ valuri msemmija fil-punti (a) u (b), jenħtieġ li jiġġustifikaw b’mod speċifiku għaliex dawn iż-żewġ valuri ma jkunux xierqa.

5.3.5 Kalibrazzjoni għar-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil

87. Jenħtieġ li j-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċessi b’saħħithom u definiti sew li …

Jenħtieġ li j-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċessi b’saħħithom u definiti sew li jiżguraw kalibrazzjoni b’saħħitha billi jinkludu dawn kollha li ġejjin fil-proċess tal-kalibrazzjoni tagħhom:

  • (a) testijiet ta’ kalibrazzjoni kwantitattiva permezz tal-grad jew aggregazzjoni ta’ klassifikazzjoni;
  • (b) testijiet ta’ kalibrazzjoni kwantitattiva fuq livell ta’ segment tal-kalibrazzjoni;
  • (c) analiżijiet kwalitattivi supplimentari, bħal ġudizzji esperti dwar il-forma tad-distribuzzjoni tad-debituri li tirriżulta, l-għadd minimu ta’ debituri għal kull grad u l-evitar ta’ konċentrazzjoni mhux dovuta f’ċerti gradi jew aggregazzjonijiet.
88. Jenħtieġ li fid-dokumentazzjoni tal-mudell tal-PD l-istituzzjonijiet jaħżnu u jiddeskrivu …

Jenħtieġ li fid-dokumentazzjoni tal-mudell tal-PD l-istituzzjonijiet jaħżnu u jiddeskrivu l-kampjun tal-kalibrazzjoni assoċjat ma’ kull segment tal-kalibrazzjoni. Sabiex tiġi żgurata konformità mal-Artikolu 180(1)(a) jew 180(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet isibu bilanċ xieraq bejn il-komparabbiltà tal-kampjun tal-kalibrazzjoni mal-portafoll tal-applikazzjoni f’termini tal-karatteristiċi tad-debitur u tat-tranżazzjoni u r-rappreżentattività tiegħu tal-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza, kif imsemmi fit-taqsima 5.3.4.

89. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet iwettqu l-kalibrazzjoni wara li jkunu kkunsidraw kwalunkwe …

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet iwettqu l-kalibrazzjoni wara li jkunu kkunsidraw kwalunkwe prevalazzjoni li tkun ġiet applikata fl-assenjazzjoni tad-debituri għal gradi jew aggregazzjonijiet, u qabel l-applikazzjoni ta’ MoC jew limiti għal stimi tal-PD, kif imsemmi fl-Artikoli 160(1) u 163(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fejn metodu ta’ klassifikazzjoni jew politika ta’ prevalazzjoni jkun/tkun inbidel/inbidlet matul iż-żmien, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet janalizzaw l-effetti ta’ dawk il-bidliet fuq il-frekwenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prevalazzjonijiet u jikkunsidrawhom b’mod xieraq.

90. Il-proċess tal-raggruppar ta’ debituri jew skoperturi klassifikati għal gradi jew …

Il-proċess tal-raggruppar ta’ debituri jew skoperturi klassifikati għal gradi jew aggregazzjonijiet, b’mod partikolari fejn l-istituzzjonijiet iwettqu dan ir-ragruppar permezz tal-identifikazzjoni ta’ intervalli ta’ valuri tal-punti li jirriflettu livell tal-PD definit minn qabel assenjat għal grad ta’ skala prinċipiali, jista’ jsir matul il-kalibrazzjoni.

91. Filwaqt li jikkunsidraw id-disponibbiltà tad-data, l-istruttura tal-mudell u tal-portafoll, kif …

Filwaqt li jikkunsidraw id-disponibbiltà tad-data, l-istruttura tal-mudell u tal-portafoll, kif ukoll ir-rekwiżiti tan-negozju, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jagħżlu metodu xieraq biex iwettqu l-kalibrazzjoni skont il-prinċipji li ġejjin:

  • (a) l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu wieħed mit-tipi ta’ kalibrazzjoni li ġejjin:
  • (i) kalibrazzjoni skont l-Artikolu 180(1)(a) jew 180(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
  • (ii) kalibrazzjoni skont l-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 flimkien mal-Artikolu 180(1)(a) jew 180(2)(a) tar-Regolament, jekk tintuża skala ta’ klassifikazzjoni kontinwa;
  • (b) għal skoperturi għal korporattivi, istituzzjonijiet, gvernijiet ċentrali u banek ċentrali għal skoperturi ta’ ekwità, fejn istituzzjoni tuża l-approċċ tal-PD/LDG stipulat fl-Artikolu 155(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu wieħed mit-tipi ta’ kalibrazzjoni li ġejjin:
  • (i) kalibrazzjoni bbaża fuq assoċjazzjoni għall-iskala tal-klassifikazzjoni li tintuża minn istituzzjoni esterna tal-valutazzjoni tal-kreditu (ECAI) jew organizzazzjoni simili skont l-Artikolu 180(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
  • (ii) għal mudell statistiku ta’ tbassir tal-inadempjenza, skont it-Taqsima 4 tal-RTS dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-IRB, fejn il-PDs jiġu stmati bħala medji sempliċi tal-istimi tal-probabbiltà ta’ inadempjenza għal debituri individwali fi grad jew aggregazzjoni partikolari, skont l-Artikolu 180(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kalibrazzjoni fil-livell ta’ segmenti tal-kalibrazzjoni xierqa tal-istimi tal-probabbiltà ta’ inadempjenza rilevanti;
  • (c) għal skoperturi fil-livell tal-konsumaturi, l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu kalibrazzjoni bbażata fuq it-telf u l-LGDs totali, skont l-Artikoli 180(2)(b) u 180(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
  • (d) għal riċevibbli korporattivi mixtrija, l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu kalibrazzjoni bbażata fuq it-telf u l-LGDs mistennija, skont l-Artikoli 180(1)(b) u 180(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
92. Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD msemmija fil-paragrafu 91, jenħtieġ li l-kalibrazzjoni …

Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD msemmija fil-paragrafu 91, jenħtieġ li l-kalibrazzjoni jikkunsidra jew:

  • (a) ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil fil-livell tal-grad jew tal-aggregazzjoni, li f’dan il-każ jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jipprovdu testijiet addizzjonali ta’ kalibrazzjoni fil-livell tas-segment tal-kalibrazzjoni rilevanti; jew
  • (b) ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil fil-livell tas-segment tal-kalibrazzjoni, li f’dan il-każ jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jipprovdu testijiet addizzjonali ta’ kalibrazzjoni fil-livell tal-gradi jew tal-aggregazzjonijiet rilevanti jew, fejn jużaw stimi diretti tal-PD skont l-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, f’livell li jkun xieraq għall-applikazzjoni tal-mudell ta’ probabbiltà.
93. Irrispettivament mill-approċċi msemmija fil-paragrafu 92 li l-istituzzjonijiet jagħżlu, huma …

Irrispettivament mill-approċċi msemmija fil-paragrafu 92 li l-istituzzjonijiet jagħżlu, huma jenħtieġ li jivvalutaw l-effett potenzjali tal-metodu tal-kalibrazzjoni li jintgħażel fuq l-imġiba tal-istimi tal-PD matul iż-żmien.

94. Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD bbażati fuq assoċjazzjoni għal skala ta’ …

Sabiex jiġu ddeterminati l-istimi tal-PD bbażati fuq assoċjazzjoni għal skala ta’ klassifikazzjoni esterna, kif imsemmi fil-paragrafu 91(b) ((i)), jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jibbażaw ir-rati ta’ inadempjenza osservati għall-gradi tal-organizzazzjoni esterna fuq serje ta’ ħinijiet li jirrappreżentaw il-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza għall-gradi u l-aggregazzjonijiet tal-portafoll partikolari.

95. Fejn l-istituzzjonijiet jidderivaw l-istimi tal-PD mill-istimi tat-telf u tal-LGDs skont …

Fejn l-istituzzjonijiet jidderivaw l-istimi tal-PD mill-istimi tat-telf u tal-LGDs skont l-Artikoli 161(2) u 180(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li jużaw RDS li jinkludi t-telf realizzat fuq l-inadempjenzi kollha identifikati matul il-perjodu ta’ osservazzjoni storika speċifikat skont it-taqsima 6.3.2.1 u l-motivaturi rilevanti tat-telf.

96. Sabiex jintużaw stimi diretti tal-PD għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-fondi proprji skont …

Sabiex jintużaw stimi diretti tal-PD għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-fondi proprji skont l-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet juru li s-suppożizzjonijiet teoretiċi tal-mudell tal-probabbiltà li jkunu bbażati fuq il-metodoloġija tal-istima jiġu ssodisfati sa punt suffiċjenti fil-prattika u li tinżamm ir-rata ta’ inadempjenza medja fuq perjodu twil. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha dwar id-data u r-rappreżentattività, inklużi dawk fl-Artikolu 174(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u tiġi applikata d-definizzjoni ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-użu ta’ PDs kontinwi jew kwalunkwe livellar tar-rati ta’ inadempjenza sabiex jingħelbu n-nuqqas ta’ data, kapaċità diskriminatorja baxxa jew kwalunkwe nuqqas ieħor fl-assenjazzjoni tal-klassifikazzjoni jew fil-proċess tal-istima tal-PD, jew sabiex jitnaqqsu r-rekwiżiti tal-fondi proprji ma għandu jiġi adottat taħt l-ebda ċirkostanza.

97. L-istituzzjonijiet jistgħu jaqsmu l-iskoperturi koperti mill-istess mudell tal-PD f’ħafna …

L-istituzzjonijiet jistgħu jaqsmu l-iskoperturi koperti mill-istess mudell tal-PD f’ħafna segmenti tal-kalibrazzjoni differenti skont kif ikun meħtieġ, fejn subgrupp wieħed jew aktar ta’ dawn l-iskoperturi jġorru livell ta’ riskju differenti b’mod sinifikanti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jużaw motivaturi rilevanti ta’ segmentazzjoni u jiġġustifikaw u jiddokumentaw l-użu u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-segment tal-kalibrazzjoni.

98. Fejn jintużaw metodi ta’ għoti ta’ punteġġ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li: (a) …

Fejn jintużaw metodi ta’ għoti ta’ punteġġ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżguraw li:

  • (a) fejn ikun hemm bidla fil-metodu tal-għoti ta’ punteġġ li jintuża, l-istituzzjonijiet jikkunsidraw jekk ikunx meħtieġ li jiġu kkalkolati mill-ġdid il-punteġġi tad-debituri jew tal-iskoperturi abbażi tas-sett tad-data oriġinali minflok ma jintużaw punteġġi li kienu ġew ikkalkolati abbażi ta’ verżjonijiet preċedenti tal-metodu tal-għoti ta’ punteġġ, u, fejn dan il-kalkolu mill-ġdid ma jkunx possibbli, li l-istituzzjonijiet jivvalutaw l-effetti potenzjali u jikkunsidraw dawk l-effetti permezz ta’ żieda xierqa tal-MoC għall-istimi tagħhom tal-PD;
  • (b) fejn japplika l-Artikolu 180(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istimi tal-PD li kienu ġew idderivati bħala medja sempliċi ta’ stimi individwali tal-PD ikunu adegwati għal gradi rilevanti, permezz tal-applikazzjoni ta’ testijiet tal-kalibrazzjoni għal dawn l-istimi f’livell ta’ grad, abbażi tar-rati ta’ inadempjenza ta’ sena li jirrappreżentaw il-medda probabbli ta’ varjabbiltà tar-rati ta’ inadempjenza.
99. Il-kalibrazzjoni ma għandhiex tinfluwenza l-ordni tal-klassifikazzjoni tad-debituri jew …

Il-kalibrazzjoni ma għandhiex tinfluwenza l-ordni tal-klassifikazzjoni tad-debituri jew tal-iskoperturi f’segment tal-kalibrazzjoni, għajr f’kull grad jew aggregazzjoni.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • EBA -

    EN: Guidelines and other publications of the European Banking Authority (EBA), https://www.eba.europa.eu/. © European Banking Authority. Reproduction is authorised provided the source is acknowledged (EBA legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the versions published by the EBA are authoritative.

    DE: Leitlinien und weitere Veröffentlichungen der Europäischen Bankenaufsichtsbehörde (EBA), https://www.eba.europa.eu/. © European Banking Authority. Wiedergabe mit Quellenangabe gestattet (Rechtlicher Hinweis der EBA). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Maßgeblich sind allein die von der EBA veröffentlichten Fassungen.