+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/2554 jintroduċi qafas ta’ sorveljanza tal-Unjoni għall-fornituri terzi ta’ servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technology) għas-settur finanzjarju ddeżinjati bħala kritiċi f’konformità mal-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li jiddeċiedi li jippreżenta talba volontarja biex jiġi ddeżinjat bħala kritiku jenħtieġ li jipprovdi lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE) riċeventi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juri l-kritikalità tiegħu skont il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2554. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjoni għal talba volontarja tkun dettaljata u kompluta biżżejjed biex tippermetti valutazzjoni ċara u kompluta tal-kritikalità skont l-Artikolu 31(11) ta’ dak ir-Regolament. L-ASE rilevanti jenħtieġ li tirrifjuta kwalunkwe applikazzjoni mhux kompluta u titlob l-informazzjoni nieqsa.

(3)

L-identifikazzjoni legali tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Istandard Tekniku Regolatorju jenħtieġ li tiġi allinjata mal-kodiċi ta’ identifikazzjoni stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(4)

Bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Sorveljant Ewlieni lill-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jimmonitorja l-konformità tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT mar-rakkomandazzjonijiet. Bil-ħsieb li jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti u effettiv tal-azzjonijiet li ttieħdu jew tar-rimedji li ġew implimentati mill-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT fir-rigward ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jkun jista’ jirrikjedi r-rapporti msemmija fl-Artikolu 35(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/2554, li jenħtieġ li jkunu maħsuba bħala rapporti ta’ progress interim u rapporti finali.

(5)

Għall-fini tal-valutazzjoni speċifikata fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, li skontha s-Sorveljant Ewlieni huwa obbligat jevalwa jekk hijiex biżżejjed l-ispjegazzjoni pprovduta minn fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, in-notifika lis-Sorveljant Ewlieni mill-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT bl-intenzjoni tiegħu li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet riċevuti jenħtieġ li tiġi kkomplementata minn deskrizzjoni tal-azzjonijiet u l-miżuri li ttieħdu biex jittaffew ir-riskji deskritti fir-rakkomandazzjonijiet, flimkien mal-iskadenzi rispettivi tagħhom. Tali spjegazzjoni jenħtieġ li tieħu l-forma ta’ pjan ta’ rimedju.

(6)

Peress li s-Sorveljant Ewlieni huwa mistenni jivvaluta l-arranġamenti ta’ sottokuntrattar tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, jeħtieġ li jiġi żviluppat mudell għall-għoti ta’ informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti. Il-mudell jenħtieġ li jqis il-fatt li l-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għandhom strutturi differenti mill-entitajiet finanzjarji.

(7)

Ladarba r-rakkomandazzjonijiet lil fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT jinħarġu mis-Sorveljant Ewlieni, u l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmaw lill-entitajiet finanzjarji rilevanti dwar ir-riskji identifikati f’dawk ir-rakkomandazzjonijiet, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jimmonitorja u jivvaluta l-implimentazzjoni mill-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT tal-azzjonijiet u tar-rimedji biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jimmonitorjaw u jivvalutaw sa liema punt l-entitajiet finanzjarji huma esposti għar-riskji identifikati f’dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Bil-ħsieb li jinżammu kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom, b’mod partikolari meta r-riskji identifikati fir-rakkomandazzjonijiet ikunu severi u kondiviżi fost għadd kbir ta’ entitajiet finanzjarji f’diversi Stati Membri, jenħtieġ li kemm l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll is-Sorveljant Ewlieni jikkondividu bejniethom kwalunkwe sejba rilevanti li tkun meħtieġa għalihom biex iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom. L-objettiv tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni huwa li jiġi żgurat li r-reazzjoni tas-Sorveljant Ewlieni lill-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT fir-rigward tal-azzjonijiet u r-rimedji li dan tal-aħħar ikun qed jimplimenta tqis l-impatt fuq ir-riskji tal-entitajiet finanzjarji, u li l-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati mill-valutazzjoni mwettqa mis-Sorveljant Ewlieni.

(8)

Biex jippermettu kondiviżjoni effiċjenti u effettiva tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw, bħala parti mill-attivitajiet superviżorji tagħhom, il-punt sa fejn l-entitajiet finanzjarji taħt is-superviżjoni tagħhom ikunu esposti għar-riskji identifikati fir-rakkomandazzjonijiet. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li titwettaq b’mod proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju. Is-Sorveljant Ewlieni jenħtieġ li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jikkondividu r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni fil-każijiet speċifiċi meta r-riskji assoċjati mar-rakkomandazzjonijiet ikunu severi u kondiviżi fost għadd kbir ta’ entitajiet finanzjarji f’diversi Stati Membri. Biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti, meta jitlob biex jingħataw ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni dejjem iqis li l-objettiv ta’ dawn it-talbiet huwa li jevalwaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tar-rimedji tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fit-22 ta’ Lulju 2024.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-ASE.

(11)

Il-Kumitat Konġunt tal-ASE wettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talab il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u tas-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 13.02.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R0295
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.