+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(11), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament ġie abbozzat f’konformità mal-qafas TIBER-UE u jirrifletti l-metodoloġija, il-proċess u l-istruttura tal-ittestjar tal-penetrazzjoni bbażat fuq it-theddid (TLPT, threat-led penetration testing) kif deskritt f’TIBER-UE. L-entitajiet finanzjarji soġġetti għat-TLPT jistgħu jirreferu għall-qafas TIBER-UE u japplikaw lilu jew waħda mill-implimentazzjonijiet nazzjonali tiegħu, sakemm dak il-qafas jew dik l-implimentazzjoni tkun konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament (UE) 2022/2554 u f’dan ir-Regolament. Id-deżinjazzjoni ta’ awtorità pubblika unika fis-settur finanzjarju li tkun responsabbli għal kwistjonijiet relatati mat-TLPT fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-awtoritajiet kompetenti fdati fil-livell tal-Unjoni għas-superviżjoni ta’ ċerti entitajiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament bħal, pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew għal istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti li għandhom jitqiesu kompetenti għal kwistjonijiet relatati mat-TLPT. Meta xi wħud biss mill-kompiti relatati mat-TLPTs jiġu ddelegati lil awtorità nazzjonali oħra fis-settur finanzjarju skont l-Artikolu 26(10) tar-Regolament (UE) 2022/2554, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-entità finanzjarja msemmija fl-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament tibqa’ l-awtorità għall-kompiti relatati mat-TLPT li ma jkunux ġew iddelegati.

(2)

Meta titqies il-kumplessità tat-TLPT u r-riskji relatati miegħu, jenħtieġ li l-użu tiegħu jkun ristrett għal dawk l-entitajiet finanzjarji li għalihom huwa ġġustifikat. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet tat-TLPT (l-awtoritajiet tat-TLPT, fil-livell tal-Unjoni jew f’dak nazzjonali) jeskludu mill-ambitu tat-TLPT dawk l-entitajiet finanzjarji li joperaw f’subsetturi ewlenin tas-servizzi finanzjarji li għalihom it-TLPT mhuwiex iġġustifikat. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-flus elettroniċi, id-depożitorji ċentrali tat-titoli, il-kontropartijiet ċentrali, iċ-ċentri ta’ negozjar, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, minkejja li jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi, jistgħu jiġu rilaxxati mir-rekwiżit tat-TLPT fid-dawl ta’ valutazzjoni ġenerali tal-profil tar-riskju u tal-maturità tal-ICT tagħhom, l-impatt fuq is-settur finanzjarju, u t-tħassib relatat dwar l-istabbiltà finanzjarja.

(3)

L-awtoritajiet tat-TLPT jenħtieġ li jivvalutaw, fid-dawl ta’ valutazzjoni ġenerali tal-profil tar-riskju u tal-maturità tal-ICT, tal-impatt fuq is-settur finanzjarju, u tat-tħassib relatat dwar l-istabbiltà finanzjarja, jekk kwalunkwe tip ta’ entità finanzjarja għajr l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, il-kontropartijiet ċentrali, id-depożitorji ċentrali tat-titoli, iċ-ċentri ta’ negozjar, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jenħtieġx li tkun soġġetta għat-TLPT. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ jekk tali entitajiet finanzjarji jissodisfawx dawk il-kriterji kwalitattivi jkollha l-għan li tidentifika entitajiet finanzjarji li għalihom it-TLPT ikun xieraq bl-użu ta’ indikaturi transsettorjali u oġġettivi. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ jekk entità finanzjarja tissodisfax dawk il-kriterji kwalitattivi tillimita l-entitajiet soġġetti għat-TLPT għal dawk li għalihom l-ittestjar huwa ġġustifikat. Jenħtieġ li jiġi vvalutat ukoll jekk entità finanzjarja tissodisfax dawk il-kriterji kwalitattivi fid-dawl tal-iżviluppi ġodda tas-suq u tal-importanza dejjem akbar ta’ parteċipanti ġodda fis-suq għas-settur finanzjarju fil-futur, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

L-entitajiet finanzjarji jista’ jkollhom l-istess fornitur intragrupp ta’ servizzi tal-ICT jew jistgħu jappartjenu għall-istess grupp u jiddependu fuq l-użu ta’ sistemi tal-ICT kondiviżi. F’dak il-każ, huwa importanti li l-awtoritajiet tat-TLPT iqisu l-istruttura u l-karattru sistemiku jew l-importanza għas-settur finanzjarju ta’ dik l-entità finanzjarja fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-Unjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk entità finanzjarja jenħtieġx li tkun soġġetta għat-TLPT u ta’ jekk it-TLPT jenħtieġx li jsir fil-livell tal-entità jew fil-livell tal-grupp (permezz ta’ TLPT konġunt).

(5)

Biex isir l-istess bħal fil-qafas TIBER-UE, huwa meħtieġ li l-metodoloġija tal-ittestjar tipprevedi l-involviment tal-parteċipanti ewlenin li ġejjin: l-entità finanzjarja, b’tim ta’ kontroll (li jirrifletti t-“tim ta’ kontroll” ta’ TIBER-UE) u tim blu (li jirrifletti t-“tim il-blu” ta’ TIBER-UE), u l-awtorità tat-TLPT, fil-forma ta’ tim ċibernetiku tat-TLPT (li jirrifletti t-“timijiet ċibernetiċi TIBER” ta’ TIBER-UE), fornitur tal-intelligence dwar it-theddid, u testers (fejn it-testers jirriflettu l-“fornitur tat-tim l-aħmar” ta’ TIBER-UE).

(6)

Biex jiġi żgurat li t-TLPT jibbenefika mill-esperjenza żviluppata fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ TIBER-UE u biex jitnaqqsu r-riskji assoċjati mat-twettiq tat-TLPT, jenħtieġ li jiġi żgurat li r-responsabbiltajiet tat-timijiet ċibernetiċi tat-TLPT, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-awtoritajiet tat-TLPT, jaqblu kemm jista’ jkun ma’ dawk tat-timijiet ċibernetiċi ta’ TIBER-UE. Għalhekk, jenħtieġ li t-timijiet ċibernetiċi tat-TLPT ikollhom maniġers tat-testijiet li jkunu responsabbli għas-sorveljanza tat-TLPTs individwali u għall-ippjanar u l-koordinazzjoni ta’ testijiet individwali. It-timijiet ċibernetiċi tat-TLPT jenħtieġ li jservu bħala punt uniku ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni relatata mat-testijiet mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni, għall-ġbir u l-ipproċessar tal-feedback u tat-tagħlimiet meħuda minn testijiet li jkunu saru qabel, u għall-appoġġ tal-entitajiet finanzjarji li jkunu qed jagħmlu l-ittestjar tat-TLPT.

(7)

Biex isir l-istess bħal fil-metodoloġija ta’ qafas TIBER-UE, jenħtieġ li l-maniġers tat-testijiet ikollhom il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jipprovdu pariri u biex jikkontestaw il-proposti tat-testers. L-esperjenza fil-qafas TIBER-UE wriet li huwa siewi li jkun hemm tim ta’ mill-anqas żewġ maniġers tat-testijiet assenjati ma’ kull test. Biex jiġi rifless li t-TLPT qed jintuża għall-inċentivar tal-esperjenza ta’ tagħlim, għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tat-testijiet, u sakemm ma jkollhomx kwistjonijiet ta’ riżorsi jew ta’ għarfien espert, l-awtoritajiet tat-TLPT huma mħeġġa bil-kbir biex jikkunsidraw li, għad-durata ta’ TLPT, il-maniġers tat-testijiet jenħtieġ ma jwettqux attivitajiet superviżorji fuq l-istess entità finanzjarja li tkun għaddejja minn TLPT.

(8)

Huwa importanti, għall-konsistenza mal-qafas TIBER-UE, li l-awtorità tat-TLPT issegwi mill-qrib l-ittestjar f’kull wieħed mill-istadji tiegħu. Meta titqies in-natura tal-ittestjar u r-riskji assoċjati miegħu, huwa fundamentali li l-awtorità tat-TLPT tkun involuta f’kull fażi speċifika tal-ittestjar. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità tat-TLPT tiġi kkonsultata u jenħtieġ li tivvalida dawk il-valutazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tal-entitajiet finanzjarji li jistgħu, minn naħa waħda, jinfluwenzaw l-effettività tat-test u, minn naħa oħra, ikollhom impatt fuq ir-riskji assoċjati mat-test. Il-passi fundamentali li fuqhom huwa meħtieġ l-involviment speċifiku tal-awtorità tat-TLPT jinkludu l-validazzjoni ta’ ċerta dokumentazzjoni fundamentali tal-ittestjar, u l-għażla ta’ fornituri tal-intelligence dwar it-theddid u testers u miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju. L-involviment tal-awtoritajiet tat-TLPT, u b’mod partikolari għall-validazzjonijiet, jenħtieġ li ma jirriżultax f’piż eċċessiv għal dawk l-awtoritajiet u għalhekk jenħtieġ li jkun limitat għal dik id-dokumentazzjoni u dawk id-deċiżjonijiet li jaffettwaw direttament it-twettiq tat-TLPT. Permezz tal-parteċipazzjoni attiva f’kull fażi tal-ittestjar, l-awtoritajiet tat-TLPT jistgħu jivvalutaw b’mod effettiv il-konformità tal-entitajiet finanzjarji mar-rekwiżiti rilevanti, li jenħtieġ li jippermetti lil dawk l-awtoritajiet joħorġu attestazzjonijiet skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(9)

Is-segretezza tat-TLPT hija tal-akbar importanza biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-ittestjar ikunu realistiċi. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-ittestjar isir bil-moħbi, u jenħtieġ li jittieħdu prekawzjonijiet biex it-TLPT jinżamm kunfidenzjali, inkluża l-għażla ta’ ismijiet kodiċi li jenħtieġ li jitfasslu biex jipprevjenu l-identifikazzjoni tat-TLPT minn partijiet terzi. Jekk il-membri tal-persunal responsabbli għas-sigurtà tat-tim finanzjarju jkunu konxji ta’ TLPT ippjanat jew li jkun għaddej, x’aktarx li jkunu aktar osservanti u attenti milli waqt il-kundizzjonijiet normali tax-xogħol, b’dan jirriżulta f’eżitu alterat tal-ittestjar. Il-membri tal-persunal tal-entità finanzjarja barra mit-tim ta’ kontroll jenħtieġ li jiġu mgħarrfa biss bi kwalunkwe TLPT ippjanat jew li jkun għaddej meta jkun hemm raġunijiet konvinċenti u soġġett għall-qbil minn qabel tal-maniġers tat-testijiet, inter alia biex tiġi żgurata s-segretezza tat-test f’każ li membru tat-tim il-blu jkun induna bl-ittestjar.

(10)

Kif muri mill-esperjenza miġbura fil-qafas TIBER-UE fir-rigward tat-“tim ta’ kontroll”, l-għażla ta’ kap adegwat tat-tim ta’ kontroll hija indispensabbli għat-twettiq sikur tat-TLPT. Il-kap tat-tim ta’ kontroll jenħtieġ li jkollu l-mandat meħtieġ fi ħdan l-entità finanzjarja biex jiggwida l-aspetti kollha tal-ittestjar, mingħajr ma tiġi kompromessa l-kunfidenzjalità tiegħu. Għall-istess raġuni, il-membri tat-tim ta’ kontroll jenħtieġ li jkollhom għarfien profond tal-entità finanzjarja, tar-rwol tal-impjieg u tal-pożizzjonament strateġiku tal-kap tat-tim ta’ kontroll, jenħtieġ li jkollhom l-anzjanità meħtieġa fil-kariga tagħhom u jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-bord maniġerjali. Biex jitnaqqas ir-riskju li t-TLPT jiġi kompromess, it-tim ta’ kontroll jenħtieġ li jkun żgħir kemm jista’ jkun.

(11)

Hemm elementi inerenti ta’ riskji assoċjati mat-TLPT peress li l-funzjonijiet kritiċi jiġu ttestjati f’ambjent ta’ produzzjoni attiv, bil-possibbiltà li jiġu kkawżati inċidenti li jwaqqfu s-servizz, kraxxijiet fis-sistema mhux mistennija, ħsarat lil sistemi ta’ produzzjoni attivi kritiċi, jew it-telf, il-modifika, jew id-divulgazzjoni tad-data. Dawk ir-riskji jenfasizzaw il-ħtieġa għal miżuri robusti ta’ ġestjoni tar-riskju. Biex jiġi żgurat li t-TLPT isir b’mod ikkontrollat matul l-ittestjar kollu, huwa importanti ħafna li l-entitajiet finanzjarji jkunu f’kull punt konxji tar-riskji partikolari li jinqalgħu f’TLPT u li dawk ir-riskji jiġu mmitigati. F’dak ir-rigward, mingħajr preġudizzju għall-proċessi interni tal-entità finanzjarja u għar-responsabbiltà u d-delegazzjonijiet diġà pprovduti lill-kap tat-tim ta’ kontroll, l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju tat-TLPT, jew, f’każijiet partikolari l-approvazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju mill-korp maniġerjali stess tal-entità finanzjarja, tista’ tkun xierqa. Biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi professjonali effettivi u l-aktar kwalifikati u biex jitnaqqsu dawk ir-riskji, huwa essenzjali wkoll li t-testers u l-fornituri tal-intelligence dwar it-theddid (flimkien, il-fornituri tat-TLPT) ikollhom l-ogħla livell ta’ ħiliet, għarfien espert, u esperjenza xierqa fl-intelligence dwar it-theddid u fit-TLPT fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.

(12)

It-testijiet tal-penetrazzjoni konvenzjonali spiss jipprovdu valutazzjoni dettaljata u utli tal-vulnerabbiltajiet tekniċi u tal-konfigurazzjoni ta’ sistema jew ambjent wieħed f’iżolament, iżda għall-kuntrarju tat-test tat-tim l-aħmar immexxi mill-intelligence, ma jivvalutawx ix-xenarju sħiħ ta’ attakk immirat kontra entità sħiħa, inkluż l-ambitu sħiħ tan-nies, il-proċessi u t-teknoloġiji tagħha. Għalhekk, matul il-proċess tal-għażla tal-fornituri tat-TLPT, l-entitajiet finanzjarji jenħtieġ li jiżguraw li dawk il-fornituri jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jagħmlu testijiet tat-tim l-aħmar immexxija mill-intelligence, u mhux biss testijiet tal-penetrazzjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komprensivi għat-testers, kemm interni kif ukoll esterni, u għall-fornituri tal-intelligence dwar it-theddid, dejjem esterni. Meta l-fornituri tat-TLPT ikunu jappartjenu għall-istess kumpanija, jenħtieġ li l-persunal assenjat għal TLPT jiġi separat b’mod adegwat.

(13)

Jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali fejn l-entitajiet finanzjarji ma jkunux jistgħu jikkuntrattaw fornituri tat-TLPT li jissodisfaw il-kriterji komprensivi. L-entitajiet finanzjarji, wara li jagħtu evidenza tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ tali fornituri tal-intelligence dwar it-theddid, jenħtieġ għalhekk li jitħallew jimpjegaw persuni li ma jissodisfawx il-kriterji komprensivi kollha, dment li jimmitigaw kif xieraq kwalunkwe riskju addizzjonali li jirriżulta u li l-awtorità tat-TLPT tivvaluta dawk il-kriterji kollha.

(14)

Meta diversi entitajiet finanzjarji u diversi awtoritajiet tat-TLPT ikunu involuti f’TLPT, jenħtieġ li r-rwoli tal-partijiet kollha fil-proċess tat-TLPT jiġu speċifikati biex isir l-aktar test effiċjenti u sikur. Għall-finijiet tal-ittestjar aggregat, huma meħtieġa rekwiżiti speċifiċi biex jiġi speċifikat ir-rwol tal-entità finanzjarja deżinjata, jiġifieri li jenħtieġ li tkun inkarigata tipprovdi d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa lill-awtorità ewlenija tat-TLPT u timmonitorja l-proċess tat-test. L-entità finanzjarja deżinjata jenħtieġ li tkun ukoll inkarigata mill-aspetti komuni tal-valutazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju. Minkejja r-rwol tal-entità finanzjarja deżinjata, jenħtieġ li l-obbligi ta’ kull entità finanzjarja li tipparteċipa fil-proċess tat-TLPT aggregat jibqgħu mhux affettwati matul it-test aggregat. L-istess prinċipju jenħtieġ li japplika għal TLPTs konġunti.

(15)

Kif muri mill-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-qafas TIBER-UE, il-laqgħat li jsiru wiċċ imb wiċċ jew virtwalment li jinkludu l-partijiet ikkonċernati kollha (entitajiet finanzjarji, awtoritajiet, testers u fornituri tal-intelligence dwar it-theddid) huma l-aktar mod effiċjenti biex jiġi żgurat it-twettiq xieraq tal-ittestjar. Għalhekk, il-laqgħat wiċċ imb wiċċ u virtwali jenħtieġ li jsiru f’diversi stadji tal-proċess, u b’mod partikolari matul il-fażi ta’ tħejjija fit-tnedija tat-TLPT u biex jiġi ffinalizzat l-ambitu tiegħu, matul il-fażi tal-ittestjar, biex jiġi ffinalizzat ir-rapport tal-intelligence dwar it-theddid u l-pjan tat-test tat-tim l-aħmar u għall-aġġornamenti ta’ kull ġimgħa, u matul il-fażi tal-għeluq biex jiġu ripetuti l-azzjonijiet tat-testers u tat-tim il-blu, biex jintuża t-tim il-vjola u biex jiġi skambjat il-feedback dwar it-TLPT.

(16)

Biex jiġi żgurat it-twettiq bla xkiel tat-TLPT, jenħtieġ li l-awtorità tat-TLPT tippreżenta b’mod ċar lill-entità finanzjarja l-aspettattivi tagħha fir-rigward tal-ittestjar. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-maniġers tat-testijiet jiżguraw li jiġi stabbilit fluss xieraq ta’ informazzjoni mat-tim ta’ kontroll fi ħdan l-entità finanzjarja, u mal-fornituri tat-TLPT.

(17)

L-entità finanzjarja jenħtieġ li tagħżel il-funzjonijiet kritiċi jew importanti li se jkunu fl-ambitu tat-TLPT. Meta tagħżel dawk il-funzjonijiet, l-entità finanzjarja jenħtieġ li tibbaża ruħha fuq diversi kriterji relatati mal-importanza ta’ kull funzjoni għall-entità finanzjarja nnifisha u għas-settur finanzjarju, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali, mhux biss f’termini ekonomiċi iżda wkoll b’kunsiderazzjoni tal-istatus simboliku jew politiku tal-funzjoni. Biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel għall-fażi tal-ġbir ta’ intelligence dwar it-theddid, it-tim ta’ kontroll jenħtieġ li jipprovdi lit-testers u lill-fornitur tal-intelligence dwar it-theddid li mhumiex involuti fil-proċess tal-identifikazzjoni tal-ambitu b’informazzjoni dettaljata dwar l-ambitu maqbul.

(18)

Biex it-testers jiġu pprovduti l-informazzjoni meħtieġa ħalli jiġi ssimulat attakk fil-ħajja reali u realistiku fuq is-sistemi attivi tal-entità finanzjarja li jirfdu l-funzjonijiet kritiċi jew importanti tagħha, il-fornitur tal-intelligence dwar it-theddid jenħtieġ li jiġbor intelligence jew informazzjoni li tkopri mill-anqas żewġ oqsma ewlenin ta’ interess: il-miri, billi jiġu identifikati is-superfiċji potenzjali ta’ attakk fl-entità finanzjarja kollha, u t-theddid, billi jiġu identifikati l-atturi ta’ theddid rilevanti u x-xenarji ta’ theddid probabbli. Biex jiġi żgurat li l-fornitur tal-intelligence dwar it-theddid iqis it-theddid rilevanti għall-entità finanzjarja, it-testers, it-tim ta’ kontroll, u l-maniġers tat-testijiet jenħtieġ li jipprovdu feedback dwar l-abbozz tar-rapport tal-intelligence dwar it-theddid. Jekk ikun disponibbli, il-fornitur tal-intelligence dwar it-theddid jista’ juża xenarju ġeneriku ta’ theddid provdut mill-awtorità tat-TLPT għas-settur finanzjarju ta’ Stat Membru bħala linja bażi għax-xenarju nazzjonali ta’ theddid. Abbażi tal-applikazzjoni tal-qafas TIBER-UE, il-proċess ta’ ġbir tal-intelligence dwar it-theddid tipikament idum madwar 4 ġimgħat.

(19)

Biex it-testers ikunu jistgħu jiksbu fehim profond u jirrieżaminaw aktar id-dokument tal-ispeċifikazzjoni tal-ambitu u r-rapport tal-intelligence dwar it-theddid immirat ħalli jiġi ffinalizzat il-pjan tal-ittestjar tat-tim l-aħmar, huwa essenzjali li, qabel il-fażi tal-ittestjar tat-tim l-aħmar tat-TLPT, it-testers jirċievu mingħand il-fornitur tal-intelligence dwar it-theddid spjegazzjonijiet dettaljati dwar ir-rapport tal-intelligence dwar it-theddid immirat u l-analiżi tax-xenarji ta’ theddid possibbli.

(20)

Biex it-testers ikunu jistgħu jwettqu ttestjar realistiku u komprensiv li fih jiġu eżegwiti l-fażijiet kollha tal-attakk u jintlaħqu l-marki, jenħtieġ li jiġi allokat biżżejjed żmien għall-fażi attiva tal-ittestjar tat-tim l-aħmar. Abbażi tal-esperjenza miksuba bil-qafas TIBER-UE, iż-żmien allokat jenħtieġ li jkun mill-anqas 12-il ġimgħa u jenħtieġ li jiġi ddeterminat billi jitqiesu l-għadd ta’ partijiet involuti, l-ambitu tat-TLPT, ir-riżorsi tal-entità jew tal-entitajiet finanzjarji involuti, kwalunkwe rekwiżit estern, u d-disponibbiltà tal-informazzjoni ta’ appoġġ provduta mill-entità finanzjarja.

(21)

Matul il-fażi attiva tal-ittestjar tat-tim l-aħmar, it-testers jenħtieġ li jużaw firxa ta’ tattiki, tekniki, u proċeduri (TTPs, tactics, techniques, and procedures) biex jittestjaw b’mod adegwat is-sistemi ta’ produzzjoni waqt l-operat tal-entità finanzjarja. It-TTPs jenħtieġ li jkun fihom, kif xieraq, ir-rikonjizzjoni (jiġifieri l-ġbir ta’ kemm jista’ jkun informazzjoni dwar mira), l-istrumentalizzazzjoni (jiġifieri l-analiżi ta’ informazzjoni dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, u l-impjegati u t-tħejjija għall-operazzjonijiet speċifiċi għall-mira), l-implimentazzjoni (jiġifieri t-tnedija attiva tal-operazzjoni sħiħa fuq il-mira), l-isfruttament (jiġifieri fejn l-għan tat-testers huwa li jikkompromettu s-servers, in-networks tal-entità finanzjarja u li jisfruttaw il-persunal tagħha permezz tas-social engineering), il-kontroll u l-moviment (jiġifieri tentattivi biex nimxu mis-sistemi kompromessi għal dawk vulnerabbli jew ta’ valur għoli), u l-azzjonijiet fuq il-mira (jiġifieri l-kisba ta’ aċċess ulterjuri għal sistemi kompromessi u l-kisba ta’ aċċess għall-informazzjoni u d-data fil-mira miftiehma preċedentement, kif miftiehem qabel fil-pjan tal-ittestjar tat-tim l-aħmar).

(22)

Waqt li jagħmlu TLPT, it-testers jenħtieġ li jaġixxu filwaqt li jqisu ż-żmien disponibbli biex iwettqu l-attakk, ir-riżorsi, u l-limiti etiċi u legali. Jekk it-testers ma jkunux jistgħu javvanzaw għall-istadju programmat li jmiss tal-attakk, jenħtieġ li tiġi pprovduta assistenza okkażjonali mit-tim ta’ kontroll, bi qbil mal-awtorità tat-TLPT, fil-forma ta’ “leg-ups”. Il-leg-ups jistgħu jiġu kkategorizzati b’mod wiesa’ fil-leg-ups tal-informazzjoni u tal-aċċess u jistgħu jikkonsistu mill-għoti ta’ aċċess għas-sistemi tal-ICT jew għan-networks interni biex jitkompla t-test u tingħata attenzjoni lill-passi ta’ attakk li ġejjin.

(23)

Matul l-użu attiv tat-tim l-aħmar fil-fażi tal-ittestjar, jekk ikun meħtieġ biex ikun jista’ jitkompla t-TLPT bħala l-aħħar alternattiva f’ċirkostanzi eċċezzjonali u hekk kif l-għażliet alternattivi kollha jkunu ġew eżawriti, jenħtieġ li tintuża attività kollaborattiva tal-ittestjar li tinvolvi kemm lit-testers kif ukoll lit-tim il-blu. Fil-kuntest ta’ eżerċizzju limitat bħal dan bl-użu tat-tim il-vjola, jistgħu jintużaw il-metodi li ġejjin: “qbid u rilaxx”, fejn it-testers jippruvaw ikomplu x-xenarji, jinqabdu u mbagħad ikomplu l-ittestjar, “logħob tal-gwerra”, li jippermetti xenarji aktar kumplessi biex jiġi ttestjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi, jew “prova kollaborattiva tal-kunċett”, li tippermetti lit-testers u lill-membri tat-tim il-blu jivvalidaw b’mod konġunt miżuri ta’ sigurtà, għodod, jew tekniki speċifiċi f’ambjent ikkontrollat u kooperattiv.

(24)

It-TLPT jenħtieġ li jintuża bħala esperjenza ta’ tagħlim biex tissaħħaħ ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tal-entitajiet finanzjarji. F’dak ir-rigward, it-tim il-blu u t-testers jenħtieġ li jerġgħu jagħmlu l-attakk u jirrieżaminaw il-passi meħuda biex jitgħallmu mill-esperjenza tal-ittestjar f’kollaborazzjoni mat-testers. Għal dak l-għan u biex tkun tista’ ssir tħejjija adegwata, ir-rapport tat-test tat-tim l-aħmar u r-rapport tat-test tat-tim il-blu jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-partijiet kollha involuti fl-attivitajiet ta’ ripetizzjoni, qabel ma ssir kwalunkwe attività ta’ ripetizzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsir eżerċizzju bl-użu tat-tim il-vjola fil-fażi tal-għeluq biex tiġi mmassimizzata l-esperjenza ta’ tagħlim. Il-metodi li jistgħu jintużaw għall-użu tat-tim il-vjola fil-fażi tal-għeluq jenħtieġ li jinkludu diskussjonijiet dwar xenarji alternattivi ta’ attakk, esplorazzjoni fuq sistemi attivi ta’ xenarji alternattivi jew l-esplorazzjoni mill-ġdid ta’ xenarji ppjanati fuq sistemi attivi li t-testers ma setgħux jikkompletaw jew jeżegwixxu matul il-fażi tal-ittestjar.

(25)

Biex tiġi ffaċilitata aktar l-esperjenza ta’ tagħlim tal-partijiet kollha involuti fit-TLPT, għall-benefiċċju ta’ testijiet futuri, u biex tiġi promossa r-reżiljenza operazzjonali diġitali tal-entitajiet finanzjarji, il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jipprovdu feedback lil xulxin dwar il-proċess ġenerali, u b’mod partikolari jidentifikaw liema attivitajiet għamlu progress tajjeb jew setgħu jittejbu, u liema aspetti tal-proċess tat-TLPT ħadmu tajjeb jew setgħu jittejbu.

(26)

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554 u l-awtoritajiet tat-TLPT, fejn differenti, jenħtieġ li jikkooperaw biex jinkorporaw l-ittestjar avvanzat permezz tat-TLPT fil-proċessi superviżorji eżistenti. F’dak ir-rigward u biex jiġi kondiviż il-fehim korrett tas-sejbiet tat-TLPT u ta’ kif dawn jenħtieġ li jiġu interpretati, huwa xieraq li, b’mod partikolari għar-rapport ta’ sinteżi tat-test u għall-pjanijiet ta’ rimedju, tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-maniġers tat-testijiet li kienu involuti fit-TLPT u s-superviżuri responsabbli.

(27)

L-Artikolu 26(8), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/2554 jirrikjedi li l-entitajiet finanzjarji jikkuntrattaw testers esterni kull tliet testijiet. Meta l-entitajiet finanzjarji jinkludu fit-tim ta’ testers kemm testers interni kif ukoll esterni, dan jenħtieġ li jitqies bħala TLPT li sar b’testers interni għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu.

(28)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej), bi qbil mal-Bank Ċentrali Ewropew.

(29)

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbu l-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(30)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni fl-20 ta’ Awwissu 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 18.06.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R1190
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.