+ANNESS IX

ANNESS IX




ANNESS IX

STRUZZJONIJIET GĦAR-RAPPORTAR TAL-ISKOPERTURI KBAR U TAR-RISKJU TAL-KONĊENTRAZZJONI

Werrej

PARTI I: STRUZZJONIJIET ĠENERALI

1.

Struttura u konvenzjonijiet

2.

Taqsiriet

PARTI II: STRUZZJONIJIET RELATATI MAL-FORMOLI

1.

Kamp ta’ applikazzjoni u livell ta’ rapportar tal-LE

2.

Struttura tal-formola LE

3.

Definizzjonijiet u struzzjonijiet ġenerali għall-iskopijiet tar-rapportar tal-LE

4.

C 26.00 — Formola tal-limitu tal-LE

4.1.

Struzzjonijiet dwar ringieli speċifiċi

5.

C 27.00 — Identifikazzjoni tal-kontroparti (LE1)

5.1.

Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi

6.

C 28.00 - Skoperturi fil-portafoll tan-negozjar u mhux tan-negozjar (LE2)

6.1.

Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi

7.

C 29.00 - Dettalji tal-iskoperturi għal klijenti individwali fi gruppi ta’ klijenti konnessi (LE3)

7.1.

Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi

PARTI I: STRUZZJONIJIET ĠENERALI

1.    Struttura u konvenzjonijiet

1. Il-qafas ta’ rapportar dwar skoperturi kbar (“large exposures - LE”) għandu jikkonsisti f’erba’ formoli li jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

limiti tal-iskoperturi kbar;

(b) 

identifikazzjoni tal-kontroparti (formola LE1);

(c) 

skoperturi fil-portafoll mhux tan-negozju u dak tan-negozju (formola LE2);

(d) 

dettall tal-iskoperturi għal klijenti individwali fi ħdan gruppi ta’ klijenti konnessi (formola LE3);

2. L-istruzzjonijiet jinkludu referenzi legali kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar id-data li għandha tiġi rapportata f’kull formola.

3. L-istruzzjonijiet u r-regoli dwar il-validazzjoni isegwu l-konvenzjoni tat-tikkettar stabbilita fil-paragrafi li ġejjin, meta jirreferu għal kolonni, ringieli u ċelloli tal-formoli.

4. Il-konvenzjoni li ġejja ġeneralment tintuża fl-istruzzjonijiet u fir-regoli ta’ validazzjoni: {Formola;Ringiela;Kolonna}. Sinjal ta’ asterisk jintuża biex jesprimi li l-validazzjoni hija magħmula għar-ringieli kollha rrapportati.

5. Fil-każ ta’ validazzjonijiet f’formola, li fiha jintużaw biss punti ta’ data ta’ dik il-formola, in-notamenti ma jirreferux għal formola: {Ringiela;Kolonna}.

6. ABS(Valur): il-valur assolut mingħajr sinjal. Kwalunkwe ammont li jżid l-iskoperturi għandu jiġi rrapportat bħala ċifra pożittiva. Għall-kuntrarju, kwalunkwe ammont li jnaqqas l-iskoperturi għandu jiġi rrapportat bħala ċifra negattiva. Fejn hemm sinjal negattiv (-) qabel it-tikketta ta’ entrata, ma għandha tiġi rrapportata l-ebda ċifra pożittiva għal dik l-entrata.

2.    Taqsiriet

7. Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa msejjaħ is-“CRR”.

PARTI II: STRUZZJONIJIET RELATATI MAL-FORMOLI

1.    Kamp ta’ applikazzjoni u livell ta’ rapportar tal-LE

1. Sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar skoperturi kbar għal klijenti jew għal gruppi ta’ klijenti konnessi skont l-Artikolu 394(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (“CRR”) fuq bażi individwali, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw il-formoli LE1, LE2 u LE3.

2. Sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar skoperturi kbar għal klijenti jew għal gruppi ta’ klijenti konnessi skont l-Artikolu 394(1) tas-CRR fuq bażi konsolidata, l-istituzzjonijiet prinċipali fi Stat Membru għandhom jużaw il-formoli LE1, LE2 u LE3.

3. Kull skopertura kbira definita skont l-Artikolu 392 tas-CRR għandha tiġi rrapportata, inkluż l-iskoperturi kbar li ma għandhomx jitqiesu għall-konformità mal-limitu ta’ skopertura kbira stabbilit fl-Artikolu 395 tas-CRR.

4. Sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar l-akbar 20 skopertura għal klijenti jew gruppi ta’ klijenti konnessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 394(1) tas-CRR fuq bażi konsolidata, l-istituzzjonijiet omm fi Stat Membru li huma soġġetti għall-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tas-CRR għandhom jużaw il-formoli LE1, LE2 u LE3. Il-valur tal-iskopertura li jirriżulta meta jitnaqqas l-ammont fil-kolonna 320 (“Ammonti eżentati”) tal-formola LE2 mill-ammont fil-kolonna 210 (“Total”) ta’ dik l-istess formola huwa l-ammont li għandu jintuża għad-determinazzjoni ta’ dawn l-akbar 20 skopertura.

5. Sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar l-akbar għaxar skoperturi għall-istituzzjonijiet, fuq bażi konsolidata, kif ukoll dwar l-akbar għaxar skoperturi għal entitajiet bankarji paralleli li jwettqu attivitajiet bankarji barra mill-qafas regolat fuq bażi konsolidata, skont l-Artikolu 394(2), punti (a) sa (d), tas-CRR, l-istituzzjonijiet omm fi Stat Membru għandhom jużaw il-formoli LE1, LE2 u LE3. Il-valur tal-iskopertura kkalkolat fil-kolonna 210 (“Total”) tal-formola LE2 huwa l-ammont li għandu jintuża għad-determinazzjoni ta’ dawn l-akbar 20 skopertura.

6. Sabiex tiġi rrapportata informazzjoni dwar skoperturi b’valur akbar minn jew ugwali għal EUR 300 miljun iżda inqas minn 10 % tal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni fuq bażi konsolidata skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 394(1) tas-CRR, l-istituzzjonijiet omm fi Stat Membru għandhom jużaw il-formoli LE1, LE2 u LE3. Il-valur tal-iskopertura kkalkolat fil-kolonna 210 (“Total”) tal-formola LE2 huwa l-ammont li għandu jintuża għad-determinazzjoni ta’ dawn l-iskoperturi.

7. Id-data dwar l-iskoperturi kbar u l-akbar skoperturi rilevanti kif ukoll id-data dwar l-iskoperturi ta’ valur akbar minn jew ugwali għal EUR 300 miljun iżda inqas minn 10 % tal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni għal gruppi ta’ klijenti konnessi u klijenti individwali li ma jappartjenux għal grupp ta’ klijenti konnessi għandha tiġi rrapportata fil-formola LE2 (li fiha grupp ta’ klijenti konnessi jiġi rrapportat bħala skopertura waħda).

8. L-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw fil-formoli LE3 data dwar l-iskoperturi għal klijenti individwali li jappartjenu għall-gruppi ta’ klijenti konnessi, li jkunu rapportati fil-formola LE2. Ir-rapportar ta’ skopertura għal klijent individwali fil-formola LE2 ma għandux jiġi dduplikat fil-formola LE3.

2.    Struttura tal-formola LE

9. Il-kolonni tal-formola LE1 għandhom jippreżentaw l-informazzjoni relatata mal-identifikazzjoni ta’ klijenti individwali jew ta’ gruppi ta’ klijenti konnessi li istituzzjoni jkollha skopertura għalihom.

10. Il-kolonni tal-formoli LE2 u LE3 għandhom jippreżentaw dawn il-blokok ta’ informazzjoni:

(a) 

il-valur tal-iskopertura qabel l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet u qabel ma jitqies l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, inkluż skoperturi addizzjonali diretti, indiretti u l-iskoperturi addizzjonali li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti;

(b) 

l-effett tal-eżenzjonijiet u tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu;

(c) 

il-valur tal-iskopertura wara l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u wara li jitqies l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu kkalkulat għall-finijiet tal-Artikolu 395(1) tas-CRR.

3.    Definizzjonijiet u struzzjonijiet ġenerali għall-iskopijiet tar-rapportar tal-LE

11. “Grupp ta’ klijenti konnessi” hija definita fl-Artikolu 4(1), punt (39) tas-CRR.

12. “Istituzzjonijiet” hija definita fl-Artikolu 4(1), punt (3) tas-CRR.

13. Skoperturi għal “assoċjazzjonijiet taħt id-dritt ċivili” għandhom jiġu rrapportati. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet għandhom iżidu l-ammonti ta’ kreditu tal-assoċjazzjoni taħt id-dritt ċivili mad-dejn ta’ kull sieħeb. Skoperturi lejn l-assoċjazzjonijiet tad-dritt ċivili li jkollhom kwoti għandhom jiġu diviżi jew allokati lis-sħab skont il-kwoti rispettivi tagħhom. Ċerti kostruzzjonijiet (eż. kontijiet konġunti, komunitajiet tal-werrieta, teħid ta’ self f’isem ħaddieħor) li jaħdmu bħala assoċjazzjonijiet tad-dritt ċivili jridu jiġu rrapportati bħalhom.

14. Assi u entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali għandhom jintużaw mingħajr ponderazzjonijiet tar-riskju jew gradi ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 389 tas-CRR. Speċifikament, fatturi tal-konverżjoni ta’ kreditu ma għandhomx ikunu applikati għal entrati li huma barra l-karta bilanċjali.

15. “Skoperturi” huma definiti fl-Artikolu 389 tas-CRR.

(a) 

“skoperturi” huma kwalunkwe assi jew entrata barra l-karta bilanċjali fil-portafoll tan-negozjar u mhux tan-negozjar inklużi entrati stabbiliti fl-Artikolu 400 tas-CRR, iżda esklużi entrati li jaqgħu taħt l-Artikolu 390(6), il-punti (a) sa (d) tas-CRR.

(b) 

“skoperturi indiretti” huma dawk l-iskoperturi allokati lill-garanti jew lill-emittent tal-kollateral minflok lill-mutwatarju immedjat skont l-Artikolu 403 tas-CRR. Id-definizzjonijiet hawnhekk ma jistgħu jvarjaw mill-ebda aspett possibbli mid-definizzjonijiet previsti fl-att bażiku.

16. L-iskoperturi għal gruppi ta’ klijenti konnessi għandhom jiġu kkalkolati skont l-Artikolu 390(1) tas-CRR.

17. Il-“ftehimiet ta’ netting” għandhom ikunu jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-effetti tal-valur tal-iskoperturi l-kbar kif stabbilit fl-Artikolu 390(3), (4) u (5) tas-CRR. Il-valur tal-iskopertura tal-kuntratti tad-derivattivi elenkati fl-Anness II tas-CRR u tal-kuntratti tad-derivattivi ta’ kreditu li jsiru direttament ma’ klijent għandu jiġi ddeterminat skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 6 tas-CRR bl-effetti tal-kuntratti ta’ novazzjoni u ftehimiet oħra ta’ netting li jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ dawk il-metodi skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 3 sat-Taqsima 5 tas-CRR. Il-valur tal-iskopertura ta’ tranżazzjonijiet ta’ riakkwist, tranżazzjonijiet ta’ għoti jew teħid b’self ta’ titoli jew komoditajiet, tranżazzjonijiet ta’ saldu twil u tranżazzjonijiet mutwanti b’marġini jista’ jiġi ddeterminat jew skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 4 jew il-Kapitolu 6 tas-CRR. B’konformità mal-Artikolu 296 tas-CRR, il-valur tal-iskopertura ta’ obbligu legali wieħed li jirriżulta mill-ftehim kuntrattwali ta’ netting bejn prodotti differenti ma’ kontroparti tal-istituzzjoni tar-rapportar jiġi rrapportat bħala “impenji oħrajn” fil-formoli LE.

18. Il-“valur ta’ skopertura” għandu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 390 tas-CRR.

19. L-effett tal-applikazzjoni sħiħa jew parzjali tal-eżenzjonijiet u l-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu eliġibbli (CRM) għall-finijiet tal-kalkolu tal-iskoperturi għall-finijiet tal-Artikolu 395(1) tas-CRR huwa speċifikat fl-Artikoli 399 sa 403 tas-CRR.

20. L-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw skoperturi li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ retroriakkwist f’konformità mal-Artikolu 402(3) tas-CRR. Sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji fl-Artikolu 402(3) tas-CRR, l-istituzzjoni għandha tirrapporta l-iskoperturi kbar għal kull parti terza għall-ammont tal-pretensjoni li l-kontroparti tat-tranżazzjoni jkollha fuq din il-parti terza u mhux għall-ammont tal-iskopertura għall-kontroparti.

4.    C 26.00 — Formola tal-limitu tal-LE

4.1.   Struzzjonijiet dwar ringieli speċifiċi



Ringieli

Referenzi legali u struzzjonijiet

010

Mhux istituzzjonijiet

L-Artikolu 395(1), l-Artikolu 458(2), il-punt (d)(ii), l-Artikolu 458(10) u l-Artikolu 459, il-punt (b) tas-CRR

L-ammont tal-limitu applikabbli għal kontropartijiet minbarra l-istituzzjonijiet għandu jiġi rrapportat. Dan l-ammont huwa 25 % tal-kapital tal-Grad 1, li huwa rrapportat fir-ringiela 015 tal-formola C 01.00 tal-Anness I, sakemm ma japplikax perċentwal aktar restrittiv minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 458 tas-CRR jew l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 462 fir-rigward tar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 459, il-punt (b) tas-CRR.

020

Istituzzjonijiet

L-Artikolu 395(1), l-Artikolu 458(2), il-punt (d)(ii), l-Artikolu 458(10) u l-Artikolu 459, il-punt (b) tas-CRR

L-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw l-ammont tal-limitu applikabbli għall-kontropartijiet li huma istituzzjonijiet. F’konformità mal-Artikolu 395(1) tas-CRR, dan l-ammont ikun dan li ġej:

— jekk il-25 % tal-kapital tal-Grad 1 ikun akbar minn EUR 150 miljun (jew limitu aktar baxx minn EUR 150 miljun stabbilit mill-awtorità kompetenti skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tas-CRR), għandu jiġi rrapportat 25 % tal-kapital tal-Grad 1;

— jekk EUR 150 miljun (jew limitu aktar baxx stabbilit mill-awtorità kompetenti skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 395(1) tas-CRR) ikun akbar minn 25 % tal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni, għandhom jiġu rrapportati EUR 150 miljun (jew il-limitu aktar baxx jekk stabbilit mill-awtorità kompetenti). Jekk l-istituzzjoni tkun iddeterminat limitu aktar baxx f’termini tal-kapital tal-Grad 1 tagħha, meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tas-CRR, dak il-limitu għandu jiġi rrapportat.

Dawn il-limiti jistgħu jkunu aktar stretti f’każ ta’ applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 395(6) jew l-Artikolu 458 tas-CRR jew l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 462 fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 459, punt (b) tas-CRR.

030

Istituzzjonijiet f’%

L-Artikoli 395(1) u 459, il-punt (a) tas-CRR

L-ammont li għandu jiġi rrapportat huwa l-limitu assolut (irrapportat fir-ringiela 020) espress bħala perċentwal tal-kapital tal-Grad 1.

040

Istituzzjonijiet Globali Sistemikament Importanti (G-SIIs)

L-Artikoli 395(1) tas-CRR

Għandu jiġi rrapportat l-ammont tal-limitu applikabbli għall-kontropartijiet li huma istituzzjoni jew grupp identifikati bħala G-SII jew bħala G-SII mhux tal-UE. F’konformità mal-Artikolu 395(1) tas-CRR, dan il-limitu għandu jkun dan li ġej:

— G-SII ma għandhiex iġġarrab skopertura għal istituzzjoni jew grupp ieħor identifikat bħala G-SII jew G-SII mhux tal-UE, li l-valur tagħha, wara li jitqies l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, jaqbeż il-15 % tal-kapital tal-Grad 1 tagħha.

5.    C 27.00 — Identifikazzjoni tal-kontroparti (LE1)

5.1.   Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi



Kolonna

Referenzi legali u struzzjonijiet

010-070

Identifikazzjoni tal-Kontroparti:

L-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe kontroparti li għaliha qed tiġi sottomessa informazzjoni fi kwalunkwe waħda mill-formoli C 28.00 sa C 29.00. L-identifikazzjoni tal-grupp ta’ klijenti konnessi ma għandhiex tiġi rrapportata, sakemm is-sistema ta’ rapportar nazzjonali ma tipprovdix kodiċi uniku għall-grupp tal-klijenti konnessi.

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 394(1) tas-CRR, l-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw l-identifikazzjoni tal-kontroparti li għaliha għandhom skoperturi ta’ valur akbar minn jew ugwali għal EUR 300 miljun iżda anqas minn 10 % tal-kapital tal-Grad 1 tagħhom.

Skont l-Artikolu 394(1), il-punt (a) tas-CRR, l-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw l-identifikazzjoni tal-kontroparti li għaliha għandhom skopertura kbira kif definit fl-Artikolu 392 tas-CRR.

Skont l-Artikolu 394(2), il-punt (a) tas-CRR, l-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw l-identifikazzjoni tal-kontroparti li għaliha għandhom l-akbar skoperturi (fil-każijiet fejn il-kontroparti tkun istituzzjoni jew entità bankarja parallela).

011

Kodiċi

Il-kodiċi bħala parti minn identifikatur tar-ringiela jrid ikun uniku għal kull entità rrapportata. Għall-istituzzjonijiet u għall-impriżi tal-assigurazzjoni, il-kodiċi għandu jkun il-kodiċi LEI. Għal entitajiet oħrajn, il-kodiċi għandu jkun il-kodiċi LEI, jew jekk mhux disponibbli, kodiċi nazzjonali. Il-kodiċi għandu jkun uniku u użat b’mod konsistenti fil-formoli kollha u tul iż-żmien. Il-kodiċi għandu dejjem ikollu valur.

015

Tip ta’ kodiċi

L-istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw it-tip ta’ kodiċi rrapportat fil-kolonna 010 bħala “kodiċi LEI” jew “Kodiċi mhux LEI”.

It-tip ta’ kodiċi għandu dejjem jiġi rrapportat.

021

Isem

L-isem għandu jikkorrispondi għall-isem tal-grupp kull meta jiġi rrapportat grupp ta’ klijenti konnessi. Fi kwalunkwe każ ieħor, l-isem għandu jikkorrispondi għal kontroparti individwali.

Għal grupp ta’ klijenti konnessi, l-isem li għandu jiġi rrapportat għandu jkun l-isem tal-kumpanija prinċipali jew, meta l-grupp ta’ klijenti konnessi ma jkollux kumpanija prinċipali, ikun l-isem kummerċjali tal-grupp.

035

Kodiċi nazzjonali

L-istituzzjonijiet jistgħu jirrapportaw ukoll il-kodiċi nazzjonali meta jirrapportaw il-kodiċi LEI bħala identifikatur fil-kolonna “Kodiċi”.

040

Residenza tal-kontroparti

Il-kodiċi ISO 3166–1-alfa-2 tal-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tal-kontroparti għandu jintuża (inklużi kodiċijiet pseudo-ISO għal organizzazzjonijiet internazzjonali, disponibbli fl-aħħar edizzjoni ta’ “Vademecum Bilanċ tal-Pagamenti” tal-Eurostat)

Għal gruppi ta’ klijenti konnessi, l-ebda residenza ma għandha tiġi rrapportata.

050

Settur tal-kontroparti

Settur wieħed jiġi allokat lil kull kontroparti fuq il-bażi tal-FINREP, l-Anness V, il-Parti 1, il-paragrafu 42, il-klassijiet tas-settur ekonomiku u l-qsim ta’ korporazzjonijiet finanzjarji oħrajn f’ditti tal-investiment u korporazzjonijiet finanzjarji oħra kif ġej:

(i)  Banek Ċentrali;

(ii)  Gvernijiet Ġenerali;

(iii)  Istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(iv)  Ditti tal-investiment kif definit fl-Artikolu 4(1)(2) tas-CRR;

(v)  Korporazzjonijiet finanzjarji oħrajn (għajr ditti tal-investiment);

(vi)  Korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(vii)  Unitajiet domestiċi.

Għal gruppi ta’ klijenti konnessi, l-ebda settur ma għandu jiġi rrapportat.

060

Kodiċi NACE

Għas-settur ekonomiku, għandhom jintużaw il-kodiċijiet tan-NACE (Nomenclature statistique des activités économiques dans l’Union européenne = Klassifikazzjoni Statistika ta’ Attivitajiet Ekonomiċi tal-UE).

Din il-kolonna tapplika biss għall-kontropartijiet “Korporazzjonijiet finanzjarji oħrajn (esklużi ditti tal-investiment)” u “Korporazzjonijiet mhux finanzjarji”. Il-kodiċijiet tan-NACE jintużaw għal “Korporazzjonijiet mhux finanzjarji” b’dettall ta’ livell wieħed (eż. “F — Kostruzzjoni”) u għal “Korporazzjonijiet finanzjarji oħrajn (esklużi ditti tal-investiment)” b’dettall ta’ żewġ livelli, li jipprovdi informazzjoni separata dwar l-attivitajiet tal-assigurazzjoni (eż. “K65 — Assigurazzjoni, riassigurazzjoni u finanzjament tal-pensjoni, ħlief sigurtà soċjali obbligatorja”).

Is-setturi ekonomiċi “Korporazzjonijiet finanzjarji oħrajn (esklużi ditti tal-investiment)” u “Korporazzjonijiet mhux finanzjarji” għandhom jiġu derivati minn diżaggregazzjoni tal-kontroparti FINREP.

Għal gruppi ta’ klijenti konnessi, l-ebda kodiċi NACE ma għandu jiġi rrapportat.

070

Tip ta’ kontroparti

L-Artikolu 394(2) tas-CRR

It-tip ta’ kontroparti tal-akbar għaxar skoperturi għall-istituzzjonijiet u l-akbar għaxar skoperturi għal entitajiet bankarji paralleli għandhom jiġu speċifikati bl-użu ta’ “I” għall-istituzzjonijiet jew “S” għal entitajiet bankarji paralleli, li jwettqu attivitajiet bankarji barra mill-qafas regolat.

6.    C 28.00 - Skoperturi fil-portafoll tan-negozjar u mhux tan-negozjar (LE2)

6.1.   Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi



Kolonna

Referenzi legali u struzzjonijiet

010

Kodiċi

Għal grupp ta’ klijenti konnessi, jekk ikun disponibbli kodiċi uniku fuq livell nazzjonali, dan il-kodiċi għandu jiġi rrapportat bħala l-kodiċi tal-grupp ta’ klijenti konnessi. Fejn ma hemmx kodiċi uniku fil-livell nazzjonali, il-kodiċi li għandu jiġi rrapportat għandu jkun il-kodiċi tal-kumpanija prinċipali f’C 27.00.

Fil-każijiet fejn grupp ta’ klijenti konnessi ma jkollux kumpanija prinċipali, il-kodiċi li għandu jiġi rrappurtat huwa l-kodiċi tal-entità individwali li tkun meqjusa mill-istituzzjoni bħala l-iżjed sinifikanti fil-grupp tal-klijenti konnessi. Fi kwalunkwe każ ieħor, il-kodiċi għandu jikkorrispondi għal kontroparti individwali.

Dan il-kodiċi jintuża b’mod konsistenti tul iż-żmien.

Il-kompożizzjoni tal-kodiċi tiddependi fuq is-sistema ta’ rappurtar nazzjonali, sakemm ma jkunx hemm kodifikazzjoni uniformi disponibbli fl-UE.

020

Grupp jew individwu

L-istituzzjoni tirrapporta “1” għar-rappurtar ta’ skoperturi għal klijenti individwali u “2” għar-rappurtar ta’ skoperturi għal gruppi ta’ klijenti konnessi.

030

Tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti

L-Artikolu 390(7) tas-CRR

Skont speċifikazzjonijiet tekniċi ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, meta l-istituzzjoni jkollha skoperturi għall-kontroparti rrapportata permezz ta’ tranżazzjoni fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti, għandha tiġi rrapportata l-ekwivalenti għal “Iva”; inkella għandha tiġi rrapportata l-ekwivalenti għal “Le”.

040-180

Skoperturi oriġinali

L-Artikoli 24, 389, 390 u 392 tas-CRR

L-istituzzjoni għandha tirrapporta f’dan il-blokk ta’ kolonni l-iskoperturi oriġinali ta’ skoperturi diretti, skoperturi indiretti, u skoperturi addizzjonali li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti.

Skont l-Artikolu 389 tas-CRR, assi u entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali għandhom jintużaw mingħajr ponderazzjonijiet tar-riskju jew gradi ta’ riskju. Speċifikament, fatturi tal-konverżjoni ta’ kreditu ma għandhomx ikunu applikati għal entrati li huma barra l-karta bilanċjali.

Dawn il-kolonni jinkludu l-iskopertura oriġinali, jiġifieri l-valur tal-iskopertura mingħajr ma jitqiesu aġġustamenti fil-valur u l-provvedimenti, li għandhom jitnaqqsu fil-kolonna 210.

Id-definizzjoni u l-kalkolu tal-valur tal-iskopertura huma stabbiliti fl-Artikoli 389 u 390 tas-CRR. Il-valwazzjoni tal-assi u l-entrati barra l-karta bilanċjali għandha ssir skont il-qafas kontabilistiku li għalih hija soġġetta l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 24 tas-CRR.

Skoperturi mnaqqsa minn entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew entrati ta’ Grad 1 Addizzjonali, li mhumiex skoperturi msemmija fl-Artikolu 390(6), il-punt (e) tas-CRR, għandhom jiġu inklużi f’dawn il-kolonni. Dawn l-iskoperturi għandhom jitnaqqsu fil-kolonna 200.

Skoperturi msemmijin fl-Artikolu 390(6), il-punti (a) sa (d) tas-CRR ma għandhomx jiġu inklużi f’dawn il-kolonni.

L-iskoperturi oriġinali għandhom jinkludu kwalunkwe assi u entrata li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ. L-eżenzjonijiet tal-Artikolu 400 tas-CRR għandhom jitnaqqsu għall-finijiet tal-Artikolu 395(1) tas-CRR fil-kolonna 320.

Skoperturi mill-portafoll tan-negozjar u mhux tan-negozjar għandhom ikunu inklużi.

Il-pożizzjoni netta kkalkolata skont il-punt (b) tal-Artikolu 390(3) tas-CRR għandha tkun irrapportata bħala skopertura diretta u inkluża fil-kolonna (060 jew 070 jew 080), li tikkorrispondi għat-tip ta’ strument dominanti.

L-istrument dominanti għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-pożizzjoni netta f’kull tip ta’ strument.

Għad-diżaggregazzjoni ta’ skoperturi fi strumenti finanzjarji, fejn skoperturi differenti li jirriżultaw minn ftehim ta’ netting jikkostitwixxu skopertura waħda, din tal-aħħar tiġi allokata lill-istrument finanzjarju korrispondenti mal-assi prinċipali inkluż fil-ftehim ta’ netting (barra minn hekk, ara s-sezzjoni introduttorja).

040

Total tal-iskopertura oriġinali

L-istituzzjoni għandha tirrapporta s-somma ta’ skoperturi diretti u skoperturi indiretti kif ukoll skoperturi addizzjonali li jirriżultaw minn skopertura għal tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti.

050

Li minnu: inadempjenti

Artikolu 178 tas-CRR

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-parti tal-iskopertura oriġinali totali li tikkorrispondi għal skoperturi li saru inadempjenti.

060-110

Skoperturi diretti

Skoperturi diretti tfisser l-iskoperturi fuq il-bażi tal-“mutwatarju immedjat”.

060

Strumenti ta’ dejn

Ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (“ECB/2013/33”) Anness II, Parti 2, tabella, kategoriji 2 u 3

Strumenti ta’ dejn għandhom jinkludu titoli ta’ dejn, u self u avvanzi.

L-istrumenti inklużi f’din il-kolonna għandhom ikunu dawk ikkwalifikati bħala “self b’maturità oriġinali sa u tinkludi sena/aktar minn sena, u sa u tinkludi ħames snin/aktar minn ħames snin”, jew bħala “titoli ta’ dejn”, skont BĊE/2013/33.

Tranżazzjonijiet ta’ riakkwist, tranżazzjonijiet ta’ għoti jew teħid b’self ta’ titoli jew komoditajiet (tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli) u tranżazzjonijiet mutwanti b’marġini għandhom jiġu inklużi f’din il-kolonna.

70

Strumenti ta’ ekwità

BĊE/2013/33 l-Anness II, il-Parti 2, it-tabella, il-kategoriji 4 u 5

L-istrumenti inklużi f’din il-kolonna għandhom ikunu dawk ikkwalifikati bħala “Ekwità” jew bħala “ishma/unitajiet ta’ fondi ta’ investiment” skont BĊE/2013/33.

080

Derivattivi

Artikolu 272(2) u l-Anness II tas-CRR

L-istrumenti li għandhom jiġu rrapportati f’din il-kolonna għandhom jinkludu derivattivi elenkati fl-Anness II tas-CRR u tranżazzjonijiet ta’ saldu twil, kif definit fl-Artikolu 272(2) tas-CRR.

Derivattivi ta’ kreditu li huma soġġetti għal riskju ta’ kreditu tal-kontroparti għandhom jiddaħħlu f’din il-kolonna.

090-110

Entrati mhux fil-karta bilanċjali

Anness I tas-CRR

Il-valur li għandu jiġi rrapportat f’dawn il-kolonni għandu jkun il-valur nominali qabel kwalunkwe tnaqqis tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu u mingħajr l-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ konverżjoni.

090

Impenji ta’ self

Anness I, il-punti 1(c) u (h), 2(b)(ii), 3(b)(i) u 4(a) tas-CRR

L-impenji ta’ self huma impenji sodi li jiġi pprovdut kreditu skont termini u kundizzjonijiet prespeċifikati, ħlief dawk li huma derivattivi minħabba li jistgħu jiġu saldati netti fi flus jew bil-forniment jew bil-ħruġ ta’ strument finanzjarju ieħor.

100

Garanziji finanzjarji

Anness I, il-punti 1(a), (b) u (f) tas-CRR

Garanziji finanzjarji huma kuntratti li jeħtieġu li l-emittent jagħmel pagamenti speċifiċi biex jirrimborża lid-detentur għal telf li jsofri minħabba li debitur speċifiku jonqos milli jagħmel pagament meta dovut skont it-termini oriġinali jew modifikati ta’ strument ta’ debitu. Derivattivi ta’ kreditu li mhumiex inklużi fil-kolonna “derivattivi” għandhom jiġu rrapportati f’din il-kolonna.

110

Impenji oħrajn

Impenji oħra huma l-entrati fl-Anness I tas-CRR li mhumiex inklużi fil-kategoriji preċedenti. Il-valur tal-iskopertura ta’ obbligu legali wieħed li jirriżulta mill-ftehim kuntrattwali ta’ netting bejn prodotti differenti ma’ kontroparti tal-istituzzjoni għandu jiġi rrapportat f’din il-kolonna.

120-170

Skoperturi indiretti

Artikolu 403 tas-CRR

Skont l-Artikolu 403 tas-CRR, istituzzjoni ta’ kreditu għandha tuża l-approċċ ta’ sostituzzjoni meta skopertura għal klijent tkun garantita minn parti terza, jew garantita b’kollateral maħruġ minn parti terza.

L-istituzzjoni għandha tirrapporta f’dan il-blokk ta’ kolonni l-ammonti tal-iskoperturi diretti li huma riassenjati lill-garanti jew lill-emittent tal-kollateral diment li dan tal-aħħar jiġi assenjat ponderazzjoni tar-riskju daqs jew anqas mill-ponderazzjoni tar-riskju li tkun applikata għall-klijent skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 tas-CRR. Fil-każ ta’ skoperturi ggarantiti b’kollateral maħruġ minn parti terza, l-Artikolu 403(3) tas-CRR joffri trattament alternattiv.

L-iskopertura oriġinarja ta’ referenza protetta (skopertura diretta) titnaqqas mill-iskopertura għall-mutwatarju oriġinali fil-kolonni “Tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu eliġibbli”. L-iskkopertura indiretta għandha żżid l-iskopertura għall-garanti jew għall-emittent ta’ kollateral permezz tal-effett ta’ sostituzzjoni. Dan għandu japplika wkoll għal garanziji mogħtijin fi grupp ta’ klijenti konnessi.

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-ammont oriġinali ta’ skoperturi indiretti fil-kolonna li tikkorrispondi għat-tip ta’ skopertura diretta garantita jew sostnuta b’kollateral bħal, meta l-iskopertura diretta garantita tkun strument ta’ dejn, l-ammont ta’ “Skopertura indiretta” assenjata lill-garanti għandu jkun irrapportat taħt il-kolonna “Strumenti ta’ dejn”.

Skoperturi li jirriżultaw minn noti marbuta ma’ kreditu jiġu rrapportati wkoll f’dan il-blokk ta’ kolonni, skont l-Artikolu 399 tas-CRR.

120

Strumenti ta’ dejn

Ara l-kolonna 060.

130

Strumenti ta’ ekwità

Ara l-kolonna 070.

140

Derivattivi

Ara l-kolonna 080.

150-170

Entrati mhux fil-karta bilanċjali

Il-valur ta’ dawn il-kolonni għandu jkun il-valur nominali qabel ma jiġi applikat kwalunkwe tnaqqis tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju tal-kreditu u qabel ma jiġu applikatti l-fatturi ta’ konverżjoni.

150

Impenji ta’ self

Ara l-kolonna 090.

160

Garanziji finanzjarji

Ara l-kolonna 100.

170

Impenji oħrajn

Ara l-kolonna 110.

180

Tranżazzjonijiet addizzjonali li jirriżultaw meta jkun hemm skopertura għal assi sottostanti

L-Artikolu 390(7) tas-CRR

Skoperturi addizzjonali li jinħolqu minn tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti.

190

(-) Aġġustamenti tal-valur u provvedimenti

L-Artikoli 34, 24, 110 u 111 tas-CRR

L-aġġustament tal-valur u l-provvedimenti inklużi fil-qafas kontabilistiku korrispondenti (id-Direttiva 86/635/KEE jew ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002) li jaffettwaw il-valwazzjoni tal-iskoperturi għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikoli 24 u 110 tas-CRR.

Il-provvedimenti u l-aġġustament tal-valur kontra skopertura gross mogħtija fil-kolonna 040 għandhom jiġu rrapportati f’din il-kolonna.

200

(-) Skoperturi mnaqqsa mill-entrati tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni jew ta’ Grad 1 Addizzjonali

L-Artikolu 390(6), il-punt (e) tas-CRR

Skoperturi mnaqqsa mill-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew tal-Grad 1 Addizzjonali, li għandhom jiġu inklużi fil-kolonni differenti tal-Iskopertura oriġinali totali, għandhom jiġu rrapportati.

210-230

Valur tal-iskopertura qabel l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet u s-CRM

L-Artikolu 394(1), punt (b) tas-CRR

L-istituzzjonijiet għandhom jirrapportaw il-valur tal-iskopertura qabel ma jittieħed kont tal-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, meta applikabbli.

210

Total

Il-valur tal-iskopertura li jrid jiġi rrapportat f’din il-kolonna għandu jkun l-ammont użat għad-determinazzjoni ta’ jekk l-iskopertura hijiex skopertura kbira skont id-definizzjoni fl-Artikolu 392 tas-CRR.

Dan għandu jinkludi l-iskopertura oriġinali wara li jitnaqqsu l-aġġustamenti tal-valur u l-provvedimenti u wara li l-ammont tal-iskoperturi jitnaqqas mill-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew tal-Grad 1 Addizzjonali.

220

Li minnu: Portafoll mhux tan-negozjar

L-ammont tal-portafoll mhux tan-negozjar mill-iskopertura totali qabel l-eżenzjonijiet u s-CRM

230

% tal-kapital tal-Grad 1

L-Artikoli 392 u 395 tas-CRR

L-ammont li għandu jiġi rrapportat huwa l-perċentwal tal-valur tal-iskopertura qabel l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u s-CRM relatat mal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni, kif definit fl-Artikolu 25 tas-CRR.

240-310

(-) Tekniki eliġibbli ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu (CRM)

L-Artikoli 399 u 401 sa 403 tas-CRR; Tekniki CRM kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (57) tas-CRR

It-tekniki CRM rikonoxxuti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 u 4 tas-CRR għandhom jintużaw f’konformità mal-Artikoli 401 sa 403 tas-CRR.

It-tekniki CRM jista’ jkollhom tliet effetti differenti fir-reġim tal-LE: effett ta’ sostituzzjoni; protezzjoni ta’ kreditu ffinanzjat apparti l-effett ta’ sostituzzjoni; u trattament tal-proprjetà immobbli.

240-290

(-) Effett ta’ sostituzzjoni ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu eliġibbli

L-Artikolu 403 tas-CRR

L-ammont ta’ protezzjoni ffinanzjata u mhux iffinanzjata tal-kreditu li għandu jiġi rrapportat f’dawn il-kolonni jikkorrispondi għall-iskoperturi ggarantiti minn parti terza, jew garantiti b’kollateral maħruġ minn parti terza, fejn l-istituzzjoni għandha tittratta l-porzjon tal-iskopertura li huwa garantit u/jew kollateralizzat bil-valur tas-suq tal-kollateral rikonoxxut bħala mġarrab mill-garanti jew l-emittent tal-kollateral.

240

(-) Strumenti ta’ dejn

Ara l-kolonna 060.

250

(-) Strumenti ta’ ekwità

Ara l-kolonna 070.

260

(-) Derivattivi

Ara l-kolonna 080.

270-290

(-) Entrati li ma jidhrux fuq il-karta bilanċjali

Il-valur ta’ dawn il-kolonni għandu jkun mingħajr l-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ konverżjoni.

270

(-) Impenji ta’ self

Ara l-kolonna 090.

280

(-) Garanziji finanzjarji

Ara l-kolonna 100.

290

(-) Impenji oħra

Ara l-kolonna 110.

300

(-) Protezzjoni ta’ kreditu ffinanzjat minbarra l-effett ta’ sostituzzjoni

Artikolu 401 tas-CRR

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-ammonti ta’ protezzjoni ta’ kreditu ffinanzjata, kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (58) tas-CRR, li jitnaqqsu mill-valur tal-iskopertura minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 401 tas-CRR.

Skont l-Artikolu 401(1) tas-CRR, l-aġġustamenti għall-volatilità għandhom jiġu applikati għall-valur tal-iskopertura u għandhom jiġu rrapportati bħala żieda fil-valur tal-iskopertura.

310

(-) Proprjetà immobbli

Artikolu 402 tas-CRR

L-istituzzjoni tirrapporta l-ammonti mnaqqsa mill-valur tal-iskopertura minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 402 tas-CRR.

320

(-) Ammonti eżentati

Artikolu 400 tas-CRR

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-ammonti eżentati mir-reġim tal-LE.

330-350

Valur tal-iskopertura wara l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet u CRM

L-Artikolu 394(1), il-punt (d), tas-CRR

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-valur tal-iskopertura wara li tieħu f’kunsiderazzjoni l-effett tal-eżenzjonijiet u tal-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu kkalkolat għall-finijiet tal-Artikolu 395(1) tas-CRR.

330

Total

Din il-kolonna għandha tinkludi l-ammont li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni sabiex ikun hemm konformità mal-limitu tal-iskoperturi l-kbar stabbilit fl-Artikolu 395 tas-CRR.

340

Li minnu: Portafoll mhux tan-negozjar

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-iskopertura totali wara l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u wara li jitqies l-effett tas-CRM li jappartjenu għall-portafoll mhux tan-negozjar.

350

% tal-kapital tal-Grad 1

L-istituzzjoni għandha tirrapporta l-perċentwal tal-valur tal-iskopertura wara l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u s-CRM relatat mal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni, kif definit fl-Artikolu 25 tas-CRR.

7.    C 29.00 - Dettalji tal-iskoperturi għal klijenti individwali fi gruppi ta’ klijenti konnessi (LE3)

7.1.   Struzzjonijiet dwar kolonni speċifiċi



Kolonna

Referenzi legali u struzzjonijiet

010-360

L-istituzzjoni għandha tirrapporta fil-formola LE3 id-data tal-klijenti individwali li jappartjenu għall-gruppi ta’ klijenti konnessi, inklużi fir-ringieli tal-formola LE2.

010

Kodiċi

Il-kolonni 010 u 020 huma identifikatur kompost tar-ringieli, u flimkien iridu jkunu uniċi għal kull ringiela fit-tabella.

Il-kodiċi tal-kontroparti individwali li jappartjeni għall-gruppi tal-klijenti konnessi għandu jiġi rrapportat.

Dan il-kodiċi jintuża b’mod konsistenti tul iż-żmien.

020

Kodiċi tal-grupp

Il-kolonni 010 u 020 huma identifikatur kompost tar-ringieli, u flimkien iridu jkunu uniċi għal kull ringiela fit-tabella.

Jekk kodiċi uniku għal grupp ta’ klijenti konnessi jkun disponibbli fil-livell nazzjonali, dan il-kodiċi għandu jiġi rrapportat. Fejn ma jkunx hemm kodiċi uniku fil-livell nazzjonali, il-kodiċi li għandu jiġi rrapportat għandu jkun il-kodiċi użat għar-rapportar ta’ skoperturi għal Grupp ta’ Klijenti Konnessi f’C 28.00 (LE2).

Meta klijent jkun jappartjeni għal diversi gruppi ta’ klijenti konnessi, dan għandu jiġi rrappurtat bħala membru fil-gruppi kollha ta’ klijenti konnessi.

030

Tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti

Ara l-kolonna 030 tal-formola LE2.

050-360

Meta strumenti finanzjarji fil-formola LE2 jkunu pprovduti għall-grupp kollu ta’ klijenti konnessi dawn jiġu allokati lill-kontropartijiet individwali fil-formola LE3 skont il-kriterji tan-negozju tal-istituzzjoni.

Il-bqija tal-istruzzjonijiet huma l-istess bħal għall-formola LE2.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.09.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R0451
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.