+Artikolu 47a Skoperturi improduttivi
---+Artikolu 47a 1.
---+Artikolu 47a 2.
---+Artikolu 47a 3.
---+Artikolu 47a 4.
---+Artikolu 47a 5.
---+Artikolu 47a 6.
---+Artikolu 47a 7.

Artikolu 47a Skoperturi improduttivi

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 47a 1.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), “skopertura” għandha tinkludi kwalunkwe wieħed mill-elementi li ġejjin, dment li ma jkunux inklużi fil-portafoll tan-negozjar tal-istituzzjoni:

(a) 

strument ta' dejn, inkluż garanzija ta' dejn, self, avvanz u depożitu ta' domanda;

(b) 

impenn ta' dejn mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti, irrispettivament minn jekk ikunx revokabbli jew irrevokabbli, bl-eċċezzjoni ta' faċilitajiet ta' kreditu mhux utilizzati li jistgħu jiġu kkanċellati mingħajr kondizzjoni fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż, jew li effettivament jipprevedu kanċellazzjoni awtomatika minħabba deterjorament fl-affidabbiltà kreditizja ta' min jissellef.

Artikolu 47a 2.
Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskoperturi ta' strument tad-dejn għandu jkun il-valur ta' kontabbiltà tiegħu mkejjel mingħajr ma jittieħed kont ta' ebda aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustament ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammont imnaqqas f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-iskopertura jew tħassir parzjali magħmul mill-istituzzjoni mill-aħħar darba li l-iskopertura kienet klassifikata bħala improduttiva.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskopertura ta' strument tad-dejn li nxtara bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur għandu jinkludi d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskoperturi ta' impenn ta' self mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun il-valur nominali tagħhom, li għandu jirrappreżenta l-iskoperturi massimi ta' istituzzjoni għar-riskju tal-kreditu mingħajr ma jittieħed kont ta' ebda protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata. Il-valur nominali ta' impenn ta' self mogħti għandu jkun l-ammont mhux utilizzat li l-istituzzjoni tkun impenjat ruħha li ssellef u l-valur nominali ta' garanzija finanzjarja mogħtija għandu jkun l-ammont massimu li l-entità jista' jkollha tħallas jekk tiġi eżerċitata l-garanzija;

Il-valur nominali msemmi fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandu jieħu kont ta' ebda aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustament ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammont imnaqqas f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) jew tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-iskopertura.

Artikolu 47a 3.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), l-iskoperturi li ġejjin għandhom jiġu klassifikati bħala improduttivi:

(a) 

skopertura li fir-rigward tagħha jitqies li seħħet inadempjenza f'konformità mal-Artikolu 178;

(b) 

skopertura li tkun meqjusa bħala deprezzata skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli;

(c) 

skopertura taħt prova skont il-paragrafu 7, fejn jingħataw miżuri ta' tolleranza addizzjonali jew fejn l-iskopertura taqbeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum;

(d) 

skopertura fil-forma ta' impenn li, kieku nġibdet jew intużat b'mod ieħor, probabbilment ma titħallasx lura għalkollox mingħajr ir-realizzazzjoni tal-kollateral;

(e) 

skopertura f'forma ta' garanzija finanzjarja li probabbilment tissejjaħ mill-parti garantita, inkluż fejn l-iskopertura garantita sottostanti tissodisfa l-kriterji biex titqies bħala improduttiva.

Għall-fini tal-punt (a), fejn istituzzjoni jkollha skoperturi li jidhru fuq il-karta bilanċjali lil debitur li jkunu qabżu d-data tal-għeluq b'aktar minn 90 jum u li jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-iskoperturi kollha li jidhru fuq il-karta bilanċjali lil dak id-debitur, l-iskoperturi kollha li jidhru fuq il-karta bilanċjali u dawk li ma jidhrux fuq il-karta bilanċjali għandhom jitqiesu bħala improduttivi.

Artikolu 47a 4.

L-iskoperturi li ma jkunux ġew soġġetti għal miżura ta' tolleranza ma għandhomx jibqgħu jiġu klassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-iskopertura tissodisfa l-kriterji ta' ħruġ applikati mill-istituzzjoni biex ma tibqax tiġi klassifikata bħala deprezzata skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli u biex ma tibqax tiġi klassifikata bħala inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178;

(b) 

is-sitwazzjoni tal-kreditur tkun tjiebet sal-punt li l-istituzzjoni tkun issodisfata li probabbilment isir ripagament sħiħ u fil-ħin;

(c) 

id-debitur ma jkollu l-ebda ammont li jkun qabeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 90 jum.

Artikolu 47a 5.
Il-klassifikazzjoni ta' skopertura improduttiva bħala assi mhux kurrenti miżmuma għall-bejgħ f'konformità mal-qafas ta' kontabbiltà applikabbli ma għandhiex twaqqaf il-klassifikazzjoni tagħha bħala skopertura improduttiva għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1).
Artikolu 47a 6.

L-iskoperturi improduttivi soġġetti għal miżuri ta' tolleranza ma għandhomx ikompli jiġu klassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-iskoperturi ma jkunux għadhom f'sitwazzjoni li twassal għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala improduttivi skont il-paragrafu 3;

(b) 

tkun għaddiet tal-anqas sena minn mid-data meta jkunu ngħataw il-miżuri ta' tolleranza u d-data meta l-iskoperturi jkunu ġew klassifikati bħala improduttivi, skont liema data tiġi l-aħħar;

(c) 

ma jkunx hemm l-ebda ammont li jkun qabeż id-data tal-għeluq wara l-miżuri ta' tolleranza u l-istituzzjoni, fuq il-bażi tal-analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur, tkun issodisfata bil-probabbiltà tar-ripagament sħiħ u fil-ħin tal-iskopertura.

Ir-ripagament sħiħ u fil-ħin jista’ jitqies li jkun probabbli fejn id-debitur ikun għamel pagamenti regolari u fil-ħin ta’ ammonti ekwivalenti għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-ammont li kien qabeż id-data tal-għeluq qabel ma ngħatat il-miżura ta' tolleranza, fejn kien hemm ammonti li qabżu d-data tal-għeluq;

(b) 

l-ammont li tħassar skont il-miżuri ta' tolleranza mogħtija, fejn ma kien hemm ebda ammont li qabeż id-data tal-għeluq.

Artikolu 47a 7.

Fejn skopertura improduttiva ma baqgħetx tiġi klassifikata bħala improduttiva skont il-paragrafu 6, tali skopertura għandha tkun taħt prova sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ikunu għaddew tal-anqas sentejn mid-data li fiha l-kopertura soġġetta għal miżuri ta' tolleranza ġiet klassifikata mill-ġdid bħala produttiva;

(b) 

ikunu saru pagamenti regolari u fil-ħin matul tal-anqas nofs il-perjodu li fih l-iskopertura tkun taħt prova, li jwasslu għall-pagament ta' ammont ta' aggregat sostanzjali ta' kapital jew interessi;

(c) 

l-ebda waħda mill-iskoperturi għad-debitur ma tkun qabżet id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32013R0575
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.