+Artikolu 124 Skoperturi ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli
---+Artikolu 124 1.
---+Artikolu 124 2.
---+Artikolu 124 3.
---+Artikolu 124 4.
---+Artikolu 124 5.
---+Artikolu 124 6.
---+Artikolu 124 7.
---+Artikolu 124 8.
---+Artikolu 124 9.
---+Artikolu 124 10.
---+Artikolu 124 11.
---+Artikolu 124 12.
---+Artikolu 124 13.
---+Artikolu 124 14.
|
Artikolu 124 Skoperturi ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli
-
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 124 1.
|
Skopertura mhux ADC li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 3, jew kwalunkwe parti minn skopertura mhux ADC li taqbeż l-ammont nominali tar-rahan fuq il-proprjetà, għandha tiġi ttrattata kif ġej:
(a)
skopertura mhux IPRE għandha tiġi ponderata għar-riskju bħala skopertura għall-kontroparti li mhijiex iggarantita permezz tal-proprjetà immobbli kkonċernata;
(b)
skopertura IPRE għandha tiġi assenjata piż tar-riskju ta' 150 %.
|
|
Artikolu 124 2.
|
Skopertura mhux ADC, sal-ammont nominali tar-rahan fuq il-proprjetà, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandha tiġi ttrattata kif ġej:
(a)
meta l-iskopertura tkun iggarantita permezz ta' proprjetà residenzjali,
(i)
skopertura mhux IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(1):
(ii)
skopertura IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(1) meta tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(1)
il-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tkun ir-residenza primarja tad-debitur, jew meta l-proprjetà immobbli kollha kemm hi tikkostitwixxi unità ta' abitazzjoni waħda jew inkella meta l-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tkun unità ta' abitazzjoni li tkun parti separata fil-proprjetà immobbli;
(2)
l-iskopertura tkun għal persuna fiżika u tkun iggarantita minn unità ta' abitazzjoni residenzjali li tipproduċi introjtu, jew meta l-proprjetà immobbli kollha kemm hi tikkostitwixxi unità ta' abitazzjoni waħda jew inkella meta l-unità ta' abitazzjoni tkun parti separata fil-proprjetà immobbli, u l-iskoperturi totali tal-istituzzjoni għal dik il-persuna fiżika ma jkunux iggarantiti permezz ta' aktar minn erba' proprjetajiet immobbli, inkluż dawk li ma jkunux proprjetajiet residenzjali jew li ma jissodisfaw l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti f'dan il-punt, jew unitajiet ta' abitazzjoni separati fil-proprjetajiet immobbli;
(3)
l-iskopertura tkun għal assoċjazzjonijiet jew kooperattivi ta' persuni fiżiċi li jkunu rregolati skont il-liġi nazzjonali u li jeżistu bl-għan uniku li joffru lill-membri tagħhom l-użu ta' residenza primarja fil-proprjetà li tiggarantixxi s-self;
(4)
l-iskopertura tkun għal kumpaniji ta' djar tal-gvern jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jkunu rregolati bil-liġi u li jeżistu biex jaqdu skopijiet soċjali u joffru abitazzjoni fit-tul lill-inkwilini;
(iii)
skopertura IPRE li ma tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (ii) ta' dan il-punt għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(2);
(b)
meta l-iskopertura tkun iggarantita permezz ta' proprjetà immobbli kummerċjali, din għandha tiġi ttrattata kif ġej:
(i)
skopertura mhux IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 126(1);
(ii)
skopertura IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 126(2).
|
|
Artikolu 124 3.
|
Sabiex tkun eliġibbli għat-trattament imsemmi fil-paragrafu 2, skopertura ggarantita permezz ta' proprjetà immobbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
il-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i)
il-proprjetà immobbli tkun tlestiet bis-sħiħ;
(ii)
il-proprjetà immobbli tkun foresta jew raba';
(iii)
is-self ikun għal persuna fiżika u l-proprjetà immobbli tkun jew proprjetà residenzjali li għadha qed tinbena jew tkun art li fuqha jkun ippjanat li tinbena proprjetà residenzjali meta dak il-pjan ikun ġie approvat legalment mill-awtoritajiet rilevanti kollha, kif applikabbli, u meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(1)
il-proprjetà immobbli ma jkollhiex aktar minn erba' unitajiet ta' abitazzjoni residenzjali u ser tkun ir-residenza primarja tad-debitur u s-self lill-persuna fiżika ma jkunx qed jiffinanzja skoperturi ADC indirettament;
(2)
ikunu involuti gvern ċentrali, gvern reġjonali jew awtorità lokali jew entità tas-settur pubbliku, li l-iskoperturi għalihom jiġu ttrattati f'konformità mal-Artikolu 115(2) jew l-Artikolu 116(4), rispettivament, u dawn ikollhom is-setgħat u l-kapaċità legali li jiżguraw li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli u jkunu meħtieġa, jew ikunu ħadu impenn legalment vinkolanti, li jiżguraw it-tlestija meta l-kostruzzjoni kieku ma titlestiex f'tali perjodu ta' żmien raġonevoli; inkella jkun hemm mekkaniżmu legali ekwivalenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli;
(b)
l-iskopertura tkun iggarantita bl-ewwel rahan miżmum mill-istituzzjoni fuq il-proprjetà immobbli, jew l-istituzzjoni żżomm l-ewwel rahan u kwalunkwe rahan sekwenzjali ta' klassifikazzjoni aktar baxxa fuq dik il-proprjetà;
(c)
il-valur tal-proprjetà ma jkunx materjalment dipendenti fuq il-kwalità kreditizja tad-debitur;
(d)
l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-oriġinazzjoni tal-iskopertura u għall-finijiet ta' monitoraġġ tkun iddokumentata kif xieraq, inkluż informazzjoni dwar il-kapaċità tad-debitur li jħallas lura u dwar il-valwazzjoni tal-proprjetà;
(e)
ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 208 ikunu ssodisfati u jiġu rispettati r-regoli dwar il-valwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 229(1).
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-istituzzjonijiet jistgħu jeskludu sitwazzjonijiet fejn fatturi purament makroekonomiċi jaffettwaw kemm il-valur tal-proprjetà kif ukoll il-prestazzjoni tad-debitur. Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu politiki ta' sottoskrizzjoni fir-rigward tal-oriġinazzjoni ta' skoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli li jinkludu l-valutazzjoni tal-kapaċità tal-mutwatarju li jħallas lura. Il-politiki ta' sottoskrizzjoni għandhom jinkludu l-metrika rilevanti għal dik il-valutazzjoni u l-livelli massimi rispettivi tagħhom.
|
|
Artikolu 124 4.
|
B'deroga mill-paragrafu 3, il-punt (b), f'ġuriżdizzjonijiet li fihom irhna subordinati jipprovdu lid-detentur bi pretensjoni fuq kollateral li jkun legalment infurzabbli u jikkostitwixxi mitigant effettiv tar-riskju ta' kreditu, l-irhna subordinati miżmuma minn istituzzjoni li ma tkunx dik li żżomm ir-rahan prijoritarju jistgħu jiġu rrikonoxxuti wkoll, inkluż meta l-istituzzjoni ma żżommx ir-rahan prijoritarju jew ma żżommx rahan bi klassifikazzjoni bejn rahan aktar prijoritarju u rahan aktar subordinat it-tnejn li huma miżmuma mill-istituzzjoni. Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-regoli li jirregolaw l-irhna għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:
(a)
kull istituzzjoni li jkollha rahan fuq proprjetà tista' tibda l-bejgħ tal-proprjetà b'mod indipendenti minn entitajiet oħrajn li jkollhom rahan fuq il-proprjetà;
(b)
meta l-bejgħ tal-proprjetà ma jsirx permezz ta' rkant pubbliku, l-entitajiet li jkollhom rahan prijoritarju jieħdu passi raġonevoli biex jiksbu valur tas-suq ġust jew l-aħjar prezz li jista' jinkiseb fiċ-ċirkostanzi meta jeżerċitaw kwalunkwe setgħa ta' bejgħ waħedhom.
|
|
Artikolu 124 5.
|
Għall-fini tal-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju għal faċilitajiet mhux miġbuda, l-irhna li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà kollha stabbiliti fil-paragrafu 3 u, fejn applikabbli, il-paragrafu 4, jistgħu jiġu rikonoxxuti meta l-ġbid skont il-faċilità jkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni preċedenti jew simultanja ta' rahan sal-punt tal-interess tal-istituzzjoni fir-rahan ladarba tinġibed il-faċilità, b'tali mod li l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda interess fir-rahan sal-punt li l-faċilità ma tinġibidx.
|
|
Artikolu 124 6.
|
Għall-finijiet tal-Artikolu 125(2) u l-Artikolu 126(2), il-proporzjon tal-iskopertura għall-valur (“ETV”) għandu jiġi kkalkulat billi l-ammont gross tal-iskopertura jiġi diviż bil-valur tal-proprjetà soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat bħala l-valur kontabilistiku tal-element ta' assi relatat mal-iskopertura ggarantita permezz tal-proprjetà immobbli u kwalunkwe ammont mhux miġbud iżda impenjat li, ladarba jinġibed, iżid il-valur tal-iskopertura li tkun iggarantita permezz tal-proprjetà immobbli; dak l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma jitqiesu:
(i)
aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 110;
(ii)
aġġustamenti għall-valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 relatati man-negozju tal-portafoll mhux tan-negozjar tal-istituzzjoni;
(iii)
l-ammonti mnaqqsa f'konformità mal-Artikolu 36(1), il-punt (m); u
(iv)
tnaqqis ieħor ta' fondi proprji relatat mal-element ta' assi;
(b)
l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma jitqies kwalunkwe tip ta' protezzjoni ta' kreditu finanzjata jew mhux iffinanzjata, ħlief għal kontijiet ta' depożiti mirhuna mal-istituzzjoni mutwanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għan-netting fil-karta tal-bilanċ, jew skont ftehimiet ewlenin ta' netting f'konformità mal-Artikoli 196 u 206 jew skont ftehimiet oħra ta' netting fil-karta tal-bilanċ f'konformità mal-Artikoli 195 u 205 u jkunu ġew mirhuna mingħajr kundizzjonijiet u b'mod irrevokabbli għall-għan uniku li jiġi ssodisfat l-obbligazzjoni ta' kreditu relatat mal-iskopertura ggarantita permezz ta' proprjetà immobbli;
(c)
għal skoperturi li jeħtieġ jiġu ttrattati f'konformità mal-Artikolu 125(2) jew l-Artikolu 126(2) meta parti li mhijiex l-istituzzjoni żżomm rahan prijoritarju u rahan subordinat miżmum mill-istituzzjoni jkun rikonoxxut skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma tal-ammont gross tal-iskopertura tar-rahan miżmum mill-istituzzjoni u tal-ammonti gross tal-iskopertura għall-irhna kollha l-oħra bi klassifikazzjoni ugwali jew ogħla mir-rahan miżmum mill-istituzzjoni.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), meta istituzzjoni jkollha aktar minn skopertura waħda ggarantita permezz tal-istess proprjetà immobbli u dawk l-iskoperturi jkunu ggarantiti permezz ta' irhna fuq dik il-proprjetà immobbli li jkunu sekwenzjali f'ordni ta' klassifikazzjoni mingħajr l-ebda rahan miżmum minn parti terza fi klassifikazzjoni xi mkien fin-nofs, l-iskoperturi għandhom jiġu ttrattati bħala skopertura waħda kombinata u l-ammonti gross tal-iskopertura għall-iskoperturi individwali għandhom jingħaddu flimkien biex jiġi kkalkulat l-ammont gross tal-iskopertura għall-iskopertura unika kombinata. Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), meta ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni biex tkun tista' tiġi aċċertata l-klassifikazzjoni ta' irhna l-oħra, l-istituzzjoni għandha tittratta lil dawk l-irhna bħala bi klassifikazzjoni pari passu mar-rahan subordinat miżmum mill-istituzzjoni. L-istituzzjoni għandha l-ewwel tiddetermina l-piż tar-riskju f'konformità mal-Artikolu 125(2) jew l-Artikolu 126(2) (“piż tar-riskju bażi”), kif ikun applikabbli. Imbagħad, għandha taġġusta dan il-piż tar-riskju b’multiplikatur ta’ 1,25 , għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti ponderati għar-riskju ta’ irhna subordinati. Meta l-piż tar-riskju bażi jikkorrispondi għall-bucket l-aktar baxx tal-iskopertura għall-valur, il-multiplikatur m’għandux jiġi applikat. Il-piż tar-riskju li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-piż tar-riskju bażi b’1,25 għandu jkun limitat għall-piż tar-riskju li jkun applikat għall-iskopertura li kieku ma jkunux ġew issodisfati r-rekwiżiti fil-paragrafu 3.
|
|
Artikolu 124 7.
|
Skoperturi għal inkwilin skont tranżazzjoni ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li skontha l-istituzzjoni tkun il-lokatur u l-inkwilin ikollu l-għażla li jixtri għandhom jikkwalifikaw bħala skoperturi ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli u għandhom jiġu ttrattati f’konformità mat-trattament stabbilit fl-Artikolu 125 jew 126 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti f’dan l-Artikolu, dment li l-iskopertura tal-istituzzjoni tkun iggarantita mis-sjieda tagħha tal-proprjetà.
|
|
Artikolu 124 8.
|
L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 9. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità maħtura. Meta l-awtorità maħtura mill-Istat Membru għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tkun l-awtorità kompetenti, din għandha tiżgura li l-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti li jkollhom mandat makroprudenzjali jiġu informati kif xieraq bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li tagħmel użu minn dan l-Artikolu, u li jiġu involuti kif jixraq fil-valutazzjoni tat-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħha f'konformità mal-paragrafu 9. Meta l-awtorità maħtura mill-Istat Membru għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tkun differenti mill-awtorità kompetenti, l-Istat Membru għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni xierqa bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità maħtura għall-applikazzjoni xierqa ta' dan l-Artikolu. B'mod partikolari, l-awtoritajiet għandhom jintalbu jikkooperaw mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni kollha li tista' tkun meħtieġa għat-twettiq adegwat tad-dmirijiet imposti fuq l-awtorità maħtura skont dan l-Artikolu. Dik il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tevita kwalunkwe forma ta' azzjoni duplikata jew inkonsistenti bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità maħtura, kif ukoll li tiżgura li titqies kif xieraq l-interazzjoni ma' miżuri oħra, b'mod partikolari miżuri meħuda skont l-Artikolu 458 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE.
|
|
Artikolu 124 9.
|
Abbażi tad-data miġbura skont l-Artikolu 430a u abbażi ta' kwalunkwe indikatur rilevanti ieħor, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandha tivvaluta perjodikament, u tal-inqas darba fis-sena, jekk il-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikoli 125 u 126 għall-iskoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità jkunux ibbażati kif xieraq fuq:
(a)
l-esperjenza ta' telf ta' skoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli;
(b)
żviluppi prospettivi fis-swieq tal-proprjetà immobbli.
Meta, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tikkonkludi li l-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 125 jew 126 ma jirriflettux b'mod adegwat ir-riskji reali relatati ma' skoperturi għal segment wieħed jew aktar tal-proprjetà ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà residenzjali jew fuq proprjetà immobbli kummerċjali li tinsab f'parti waħda jew aktar mit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità, u jekk tqis li l-inadegwatezza tal-piżijiet tar-riskju jista' jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja attwali jew futura fl-Istat Membru tagħha, din tista' żżid il-piżijiet tar-riskju applikabbli għal dawk l-iskoperturi fi ħdan il-meded iddeterminati fir-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew timponi kriterji aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. L-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandha tinnotifika lill-EBA u l-BERS bi kwalunkwe aġġustament għall-piżijiet tar-riskju u l-kriterji applikati skont dan il-paragrafu. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dik in-notifika, l-EBA u l-BERS għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom lill-Istat Membru kkonċernat u jistgħu jindikaw f'dik l-opinjoni, fejn meħtieġ, jekk iqisux li l-aġġustamenti għall-piżijiet tar-riskju u l-kriterji humiex rakkomandati wkoll għal Stati Membri oħra. L-EBA u l-BERS għandhom jippubblikaw il-piżijiet tar-riskju u l-kriterji għall-iskoperturi msemmija fl-Artikoli 125 u 126 u fl-Artikolu 199(1), il-punt (a), kif implimentati mill-awtorità rilevanti. Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tista' żżid il-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 125(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 125(2), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 126(1), l-ewwel subparagrafu, jew l-Artikolu 126(2), l-ewwel subparagrafu, jew inkella timponi kriterji aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għal skoperturi għal segment wieħed jew aktar ta' proprjetà ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli li tinsab f'parti waħda jew aktar tat-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità. Dik l-awtorità m'għandhiex iżżid dawk il-piżijiet tar-riskju għal aktar minn 150 %. Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tista' tnaqqas ukoll il-perċentwali tal-valur tal-proprjetà msemmija fl-Artikolu 125(1) jew l-Artikolu 126(1) jew il-perċentwali tal-iskopertura għall-valur li jiddefinixxu l-bucket tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur stabbilit fl-Artikolu 125(2), it-Tabella 1, jew fl-Artikolu 126(2), it-Tabella 1. L-awtorità rilevanti għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-buckets tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur kollha, b'tali mod li l-piż tar-riskju ta' bucket tal-piż tar-riskju ta' skopertura għall-valur aktar baxx ikun dejjem aktar baxx jew daqs il-piż tar-riskju ta' bucket tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur superjuri.
|
|
Artikolu 124 10.
|
Meta l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 tistabbilixxi piżijiet tar-riskju ogħla jew kriterji aktar stretti skont il-paragrafu 9, l-istituzzjonijiet għandu jkollhom perjodu tranżitorju ta' sitt xhur biex japplikawhom.
|
|
Artikolu 124 11.
|
L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BERS, għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika t-tipi ta' fatturi li għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-piżijiet tar-riskju msemmija fil-paragrafu 9. L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
|
|
Artikolu 124 12.
|
Il-BERS, permezz ta' rakkomandazzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, jista' jagħti gwida lill-awtoritajiet maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu dwar dawn it-tnejn li ġejjin:
(a)
fatturi li jista' jkollhom “effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja attwali jew futura” msemmija fil-paragrafu 9, it-tieni subparagrafu;
(b)
punti ta' riferiment indikattivi li l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 għandha tqis meta tiddetermina piżijiet tar-riskju ogħla.
|
|
Artikolu 124 13.
|
L-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru għandhom japplikaw il-piżijiet tar-riskji u l-kriterji li jkunu ġew iddeterminati mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor f'konformità mal-paragrafu 9 għall-iskoperturi korrispondenti kollha tagħhom iggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà residenzjali jew fuq proprjetà immobbli kummerċjali li jinsabu f'parti waħda jew aktar ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.
|
|
Artikolu 124 14.
|
L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika x'jikkostitwixxi “mekkaniżmu legali ekwivalenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli”, f'konformità mal-paragrafu 3, il-punt (a)(iii)(2). L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Lulju 2025. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 01.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32013R0575
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|