+Artikolu 383a Mudell regolatorju ta' CVA
---+Artikolu 383a 1.
---+Artikolu 383a 2.
---+Artikolu 383a 3.
---+Artikolu 383a 4.
---+Artikolu 383a 5.

Artikolu 383a Mudell regolatorju ta' CVA

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 383a 1.

Mudell regolatorju ta' CVA użat għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA f'konformità mal-Artikolu 383 għandu jkun validu kunċettwalment, jiġi implimentat b'integrità, u jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

il-mudell regolatorju ta' CVA huwa kapaċi jimmudella s-CVA ta' kontroparti partikolari, filwaqt li jirrikonoxxi ftehimiet ta' netting u dwar il-marġni fil-livell tas-sett ta' netting, fejn rilevanti, f'konformità ma' dan l-Artikolu;

(b) 

l-istituzzjoni tistma l-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti mill-firxiet ta' kreditu tal-kontroparti u mit-telf fil-każ ta' inadempjenza skont il-kunsens tas-suq mistenni għal dik il-kontroparti;

(c) 

it-telf mistenni f'inadempjenza msemmi fil-punt (a) għandu jkun l-istess bħat-telf fil-każ ta' inadempjenza skont il-kunsens tas-suq mistenni msemmi fil-punt (b), sakemm l-istituzzjoni ma tkunx tista' turi li l-prijorità tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' dik il-kontroparti tkun differenti mill-prijorità ta' bonds superjuri mhux iggarantiti maħruġin minn dik il-kontroparti;

(d) 

f'kull mument fil-futur, l-iskopertura futura skontata simulata tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' kontroparti tiġi kkalkulata b'mudell ta' skopertura billi jiġu pprezzati mill-ġdid it-tranżazzjonijiet kollha f'dak il-portafoll, fuq il-bażi tal-bidliet konġunti ssimulati tal-fatturi tar-riskju tas-suq li huma materjali għal dawk it-tranżazzjonijiet bl-użu ta' numru xieraq ta' xenarji, u l-iskontar tal-prezzijiet sad-data tal-kalkolu bl-użu ta' rati tal-imgħax mingħajr riskju;

(e) 

il-mudell regolatorju ta' CVA ikun kapaċi jimmudella dipendenza sinifikanti bejn l-iskopertura futura skontata simulata tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet u l-firxiet ta' kreditu tal-kontroparti;

(f) 

meta t-tranżazzjonijiet tal-portafoll jiġu inklużi f'sett ta' netting soġġett għal ftehim dwar il-marġni u għal valwazzjoni ta' kuljum skont il-valur fis-suq, il-kollateral depożitat u riċevut bħala parti minn dak il-ftehim jiġi rrikonoxxut bħala mitigant tar-riskju fl-iskpertura futura skontata simulata, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i) 

l-istituzzjoni tiddetermina l-perjodu ta' riskju tal-marġni għal dak is-sett ta' netting f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 285(2) u (5), u tirrifletti dak il-perjodu ta' marġni fil-kalkolu tal-iskopertura futura skontata simulata;

(ii) 

il-karatteristiċi applikabbli kollha tal-ftehim dwar il-marġni, inkluż il-frekwenza tas-sejħiet ta' marġni, it-tip ta' kollateral eliġibbli kuntrattwalment, l-ammonti ta' limitu, l-ammonti minimi ta' trasferiment, l-ammonti indipendenti u l-marġni inizjali kemm għall-istituzzjoni kif ukoll għall-kontroparti jkunu riflessi kif xieraq fil-kalkolu tal-skopertura futura skontata simulata;

(iii) 

l-istituzzjoni tkun stabbiliet unità ta' ġestjoni tal-kollateral li tikkonforma mal-Artikolu 287 għall-kollateral kollu rrikonoxxut għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA bl-użu tal-approċċ standardizzat.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), CVA għandu jkollu sinjal pożittiv u għandu jiġi kkalkulat bħala funzjoni tat-telf fil-każ ta' inadempjenza mistenni tal-kontroparti, sett xieraq tal-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti f'punti ta' żmien futuri u sett xieraq ta' skoperturi futuri skontati simulati tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' dik il-kontroparti f'punti ta' żmien futuri sal-maturità tal-itwal tranżazzjoni f'dak il-portafoll.

Għall-finijiet tad-dimostrazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-kollateral riċevut mill-kontroparti ma għandux jibdel il-prijorità tal-iskopertura.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (f)(iii), ta’ dan il-paragrafu meta l-istituzzjoni tkun diġà stabbiliet unità ta' ġestjoni tal-kollateral għall-użu tal-metodu tal-mudell intern imsemmi fl-Artikolu 283, l-istituzzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa tistabbilixxi unità ta' ġestjoni tal-kollateral addizzjonali meta dik l-istituzzjoni turi lill-awtorità kompetenti tagħha li tali unità tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 287 għall-kollateral rikonoxxut għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA bl-użu tal-approċċ standardizzat.

Artikolu 383a 2.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), fejn il-firxiet tal-iswaps ta' inadempjenza tal-kreditu tal-kontroparti jkunu osservabbli fis-suq, istituzzjoni għandha tuża dawk il-firxiet. Meta tali firxiet ta' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu ma jkunux disponibbli, istituzzjoni għandha tuża wieħed milli ġejjin:

(a) 

firxiet tal-kreditu minn strumenti oħrajn maħruġin mill-kontroparti li jirriflettu l-kundizzjonijiet kurrenti tas-suq;

(b) 

firxiet ta' approssimazzjoni indiretta li jkunu xierqa meta jitqiesu l-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-kontroparti.

Artikolu 383a 3.

Istituzzjoni li tuża mudell regolatorju ta' CVA għandha tikkonforma mar-rekwiżiti kwalitattivi kollha li ġejjin:

(a) 

il-mudell tal-eskopertura msemmi fil-paragrafu 1 huwa parti mis-sistema interna ta' ġestjoni tar-riskju ta' CVA tal-istituzzjoni li tinkludi l-identifikazzjoni, il-kalkolu, il-ġestjoni, l-approvazzjoni u r-rapportar intern ta' CVA u tar-riskju ta' CVA għal finijiet kontabilistiċi;

(b) 

l-istituzzjoni għandha fis-seħħ proċess sabiex tiżgura l-konformità ma' sett dokumentat ta' politiki interni, ta' kontrolli, ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni u ta' proċeduri tal-mudell li jikkonċernaw il-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafu 1;

(c) 

l-istituzzjoni għandu jkollha unità ta' validazzjoni indipendenti li tkun responsabbli għall-validazzjoni inizjali u kontinwa effettiva tal-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu; dik l-unità għandha tkun indipendenti mill-kreditu tan-negozju u mill-unitajiet tan-negozjar, inkluż l-unità msemmija fl-Artikolu 383(1), il-punt (a), u tirrapporta direttament lill-maniġment superjuri; għandu jkollha għadd suffiċjenti ta' persunal b'livell ta' ħiliet li jkun xieraq sabiex tilħaq dak l-għan;

(d) 

il-maniġment superjuri għandu jkun involut b'mod attiv fil-proċess ta' kontroll tar-riskju u għandu jqis il-kontroll tar-riskju ta' CVA bħala aspett essenzjali tan-negozju, li għalih jeħtieġ li jiġu ddedikati r-riżorsi xierqa;

(e) 

l-istituzzjoni għandha tiddokumenta l-proċess għall-validazzjoni inizjali u kontinwa tal-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafu 1 għal livell ta' dettall li jippermetti lil parti terza tifhem kif joperaw il-mudelli, il-limitazzjonijiet tagħhom u s-suppożizzjonijiet ewlenin tagħhom, u terġa' toħloq l-analiżi; dik id-dokumentazzjoni għandha tistabbilixxi l-frekwenza minima li biha ser titwettaq il-validazzjoni kontinwa, kif ukoll ċirkostanzi oħrajn, bħal bidla f'daqqa fl-imġiba tas-suq, li fihom għandha titwettaq validazzjoni addizzjonali; għandha tiddeskrivi kif titwettaq il-validazzjoni fir-rigward tal-flussi u tal-portafolli tad-data, liema analiżijiet jintużaw u kif jinbnew il-portafolli tal-kontroparti rappreżentattivi;

(f) 

il-mudelli tal-ipprezzar użati fil-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafu 1 għal xenarju partikolari ta' fatturi tar-riskju tas-suq issimulati għandhom jiġu ttestjati skont parametri referenzjarji indipendenti xierqa għal firxa wiesgħa ta' stati tas-suq bħala parti mill-proċess inizjali u kontinwu ta' validazzjoni tal-mudell; mudelli tal-ipprezzar għall-opzjonijiet għandhom jikkunsidraw in-nuqqas ta' linearità tal-valur tal-opzjonijiet rigward il-fatturi tar-riskju tas-suq;

(g) 

rieżami indipendenti tas-sistema interna ta' ġestjoni tar-riskju ta' CVA tal-istituzzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu għandu jitwettaq mill-proċess ta' awditjar intern tal-istituzzjoni fuq bażi regolari; dak ir-rieżami għandu jinkludi l-attivitajiet kemm tal-unità msemmija fl-Artikolu 383(1), il-punt (a), kif ukoll tal-unità ta' validazzjoni indipendenti msemmija fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu;

(h) 

il-mudell regolatorju ta' CVA użat mill-istituzzjoni għall-kalkolu tal-iskopertura futura skontata simulata imsemmija fil-paragrafu 1, għandu jirrifletti t-termini u l-ispeċifikazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet u l-ftehimiet dwar il-marġni b'mod puntwali, komplut, u konservattiv; it-termini u l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jirrisjedu f'bażi ta' data sigura soġġetta għal awditu formali u perjodiku; it-trażmissjoni tad-data u tal-ftehimiet tal-marġni tat-termini u tal-ispeċifikazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet għall-mudell tal-iskopertura għandha tkun soġġetta wkoll għal awditu intern, u għandhom ikunu fis-seħħ proċessi formali ta' rikonċiljazzjoni bejn il-mudell intern u s-sistemi tad-data tas-sors sabiex jiġi vverifikat fuq bażi kontinwa li t-termini, l-ispeċifikazzjonijiet u l-ftehimiet tal-marġni tat-tranżazzjonijiet ikunu qed jiġu riflessi fis-sistema ta' skopertura b'mod korrett jew, tal-anqas, b'mod konservattiv;

(i) 

l-inputs kurrenti u storiċi tad-data tas-suq użati fil-mudell mill-istituzzjoni għall-kalkolu tal-iskopertura futura skontata simulata msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkisbu indipendentement mil-linji operatorji u jiddaħħlu f'dak il-mudell fil-ħin u b'mod sħiħ u miżmuma f'bażi tad-data sigura soġġetta għal awditu formali u perjodiku; istituzzjoni għandu jkollha proċess żviluppat sew ta' integrità tad-data sabiex tittratta osservazzjonijiet mhux xierqa tad-data; meta l-mudell jiddependi fuq data tas-suq ta' approssimazzjoni, istituzzjoni għandha tfassal politiki interni sabiex tidentifika approssimazzjonijiet xierqa u għandha turi b'mod empiriku fuq bażi kontinwa li l-approssimazzjonijiet jipprovdu rappreżentazzjoni konservattiva tar-riskju sottostanti;

(j) 

il-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafi 1 għandu jkopri l-informazzjoni speċifika għat-tranżazzjonijiet u kuntrattwali neċessarja sabiex jiġu aggregati skoperturi fil-livell tas-sett ta' netting; istituzzjoni għandha tivverifika li t-tranżazzjonijiet jiġu assenjati għas-sett ta' netting adatt fil-mudell.

Għall-fini tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA, il-mudell tal-iskopertura msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista' jkollu speċifikazzjonijiet u suppożizzjonijiet differenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 383a, ħlief li l-inputs tad-data tas-suq u r-rikonoxximent tan-netting tagħha għandhom jibqgħu l-istess bħal dawk użati għall-finijiet kontabilistiċi.

Artikolu 383a 4.

L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) 

kif il-firxiet ta' approssimazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandhom jiġu ddeterminati mill-istituzzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-probabbiltajiet ta' inadempjenza;

(b) 

elementi tekniċi ulterjuri li l-istituzzjonijiet għandhom iqisu meta jikkalkulaw t-telf fil-każ ta' inadempjenza mistenni tal-kontroparti, il-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti u l-iskopertura futura skontata simulata tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' dik il-kontroparti u s-CVA, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(c) 

liema strumenti oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), huma xierqa sabiex jiġu stmati l-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti u kif l-istituzzjonijiet għandhom iwettqu din l-istima.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Lulju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 383a 5.

L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) 

il-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-estensjonijiet u tal-bidliet fl-użu tal-approċċ standardizzat kif imsemmi fl-Artikolu 383(3);

(b) 

il-metodoloġija ta' valutazzjoni li biha l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw il-konformità ta' istituzzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 383 u 383a.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Lulju 2028.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32013R0575
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.