+Artikolu 9 2.

Artikolu 9 2.

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta' dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

(b) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta' Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(c) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;

(d) 

l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b'salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta' qligħ b'għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta' trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma' persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b'rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data;

(e) 

l-ipproċessar ikun relatat ma' data personali li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

(f) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

(g) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(h) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta' mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta' kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta' sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta' Stat Membru jew skont kuntratt ma' professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;

(i) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta' kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta' prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta' Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b'mod partikulari s-segretezza professjonali;

(j) 

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 04.05.2016 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016R0679
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.