Mingħajr preġudizzju għar-regoli settorali, fejn japplika l-Artikolu 5(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk l-entitajiet regolati, li l-impriża prinċipali tagħhom ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’pajjiż terz humiex soġġetti għal superviżjoni mill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz, li hija ekwivalenti għal dik prevista minn din id-Direttiva dwar is-superviżjoni supplementari ta’ entitajiet regolati msemmija fl-Artikolu 5(2). Il-verifika għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti li tkun il-koordinatur kieku kellhom japplikaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 10(2), fuq it-talba tal-impriża prinċipali jew fuq it-talba ta’ xi waħda mill-korpi regolati awtorizzati fl-Unjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess.
L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra, u għandha tagħmel kull sforz biex tikkonforma ma’ kwalunkwe linji gwida ppreparati permezz tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikoli 16 u 56 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 rispettivament.