+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53 u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-twaqqif ta’ strateġija komprensiva biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-self improduttiv (NPLs) hija prijorità għall-Unjoni. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija biex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ NPLs tibqa’ tal-banek u tal-Istati Membri, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-UE biex jitnaqqsu l-ħażniet attwali ta’ NPLs, kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta’ NPLs fil-ġejjieni. Minħabba l-interkonnettività tas-sistemi bankarji u finanzjarji madwar l-Unjoni, fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joperaw f’diversi ġurisdizzjonijiet u Stati Membri, hemm potenzjal sinifikanti għal effetti konsegwenzjali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni inġenerali, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja.

(2)

Sistema finanzjarja integrata żżid ir-reżiljenza tal-unjoni ekonomika u monetarja għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-riskju privat bejn il-fruntieri, filwaqt li fl-istess waqt tnaqqas il-ħtieġa ta’ kondiviżjoni pubblika tar-riskji. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-Unjoni tlesti l-unjoni bankarja u tkompli tiżviluppa unjoni tas-swieq kapitali (CMU). L-indirizzar ta’ ħażniet għolja ta’ NPLs u tal-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni huwa essenzjali biex tissaħħaħ l-unjoni bankarja peress li dan huwa indispensabbli biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-settur bankarju, u b’hekk tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jitħeġġeġ is-self sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa (il-“Pjan ta’ Azzjoni”) stiednu lil diversi istituzzjonijiet sabiex jieħdu miżuri xierqa biex ikomplu jindirizzaw l-għadd għoli ta’ NPLs fl-Unjoni u jipprevjenu l-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet komplementari ta’ politika f’erba’ oqsma: (i) is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja, (ii) ir-riforma tal-oqfsa tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) t-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjoni f’dawk l-oqsma għandha tittieħed fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni ħabbret intenzjoni simili fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2017 dwar l-ikkompletar tal-unjoni bankarja, li sejħet għal pakkett komprensiv dwar it-trattar tal-NPLs fl-Unjoni.

(4)

Din id-Direttiva, flimkien ma’ miżuri oħra li qiegħda tressaq il-Kummissjoni, kif ukoll l-azzjoni meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kuntest tas-superviżjoni bankarja taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), se joħolqu l-ambjent li jixraq għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jittrattaw l-NPLs li għandhom fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, u se jnaqqsu r-riskju tal-akkumulazzjoni ta’ NPLs fil-ġejjieni.

(5)

Meta jiżviluppaw approċċi makroprudenzjali biex jipprevjeni l-ħolqien ta’ riskji għas-sistema kollha assoċjati mal-NPLs, jeħtieġ li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, li ġie stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jiġi rikjest, fejn xieraq, joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet makroprudenzjali relatati mas-suq sekondarju għall-NPLs.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) introduċa regoli ġodda fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jwarrbu riżorsi suffiċjenti meta s-self ġdid li jingħata jsir improduttiv, li suppost se jwasslu biex jinħolqu inċentivi xierqa biex jiġu indirizzati l-NPLs fi stadju bikri u jipprevjenu akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom. Jekk is-self isir improduttiv, mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni iktar effiċjenti għal self garantit se jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimplimentaw strateġija olistika biex jinfurzaw l-NPLs, b’mod li jkunu soġġetti għal salvagwardji b’saħħithom u effettivi għall-mutwatarji. Madankollu, jekk il-ħażniet tal-NPLs isiru għoljin wisq, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu jistgħu jbigħuhom lil operaturi oħra fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiggwidawhom jagħmlu dan, abbażi tas-setgħat eżistenti speċifiċi tagħhom, l-hekk imsejħa setgħat tal-Pilastru 2, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fil-każijiet li fihom l-NPLs isiru problema sinifikanti u wiesgħa, l-Istati Membri huma kapaċi jistabbilixxu kumpaniji maniġerjali tal-assi nazzjonali jew miżuri alternattivi oħrajn fil-qafas tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-istat u r-riżoluzzjoni bankarja.

(7)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jittrattaw aħjar is-self li jsir improduttiv, billi ttejjeb l-kundizzjonijiet għall-bejgħ tal-kreditu lil partijiet terzi. Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jaffaċċjaw akkumulazzjoni kbira ta’ NPLs u ma jkollhomx persunal jew kompetenzi esperti biżżejjed għas-servizzjar kif suppost tagħhom, jenħtieġ li jkunu kapaċi jew li jesternalizzaw is-servizzjar ta’ dan is-self lil servizzjant speċjalizzat fis-servizzi tal-kreditu jew li jittrasferixxu l-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu li jkollu l-predispożizzjoni għar-riskju u l-kompetenza meħtieġa biex jimmaniġġjah.

(8)

Filwaqt li t-termini “self” u “banek” jintużaw b’mod komuni fid-dibattitu pubbliku f’xi Stati Membri, minn hawn ’il quddiem se jintużaw it-termini “kreditu” jew “kuntratti ta’ kreditu” u “istituzzjoni ta’ kreditu”. Barra minn hekk, din id-Direttiva tkopri kemm id-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv kif ukoll il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

(9)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tirregola l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs fl-Unjoni billi tneħħi l-impedimenti għat-trasferimenti ta’ NPLs, kif ukoll tistabbilixxi salvagwardji għalihom, minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil xerrejja tal-kreditu, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarji. Kwalunkwe miżura adottata jenħtieġ li tarmonizza r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni għas-servizzjanti tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ għalhekk li tistabbilixxi qafas għall-Unjoni kollha kemm għax-xerrejja kif ukoll għas-servizzjanti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, li bih is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tagħhom-.

(10)

Bħalissa, ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu ma jistgħux jiksbu l-benefiċċji tas-suq intern minħabba l-ostakli maħluqa minn reġimi nazzjonali diverġenti fin-nuqqas ta’ reġim regolatorju u superviżorju ddedikat u koerenti. Attwalment, ma jeżistux standards minimi Ewropew komuni biex jiġu rregolati s-servizzjanti tal-kreditu. B’mod partikolari, ma ġewx stabbiliti standards komuni biex jiġi rregolat il-ġbir tad-dejn. L-Istati Membri għandhom regoli differenti ħafna dwar kif ix-xerrejja tal-kreditu jistgħu jakkwistaw kuntratti ta’ kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu li jixtru kreditu maħruġ minn istituzzjonijiet ta’ kreditu mhumiex irregolati f’xi Stati Membri, filwaqt li f’oħrajn dawn huma soġġetti għal diversi rekwiżiti, li xi drabi jinvolvu r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Dawk id-differenzi bejn ir-rekwiżiti regolatorji rriżultaw f’ostakli konsiderevoli għax-xiri legali ta’ kreditu f’kuntest transfruntier fl-Unjoni prinċipalment billi żiedu l-ispejjeż tal-konformità li jiġu ffaċċjati fix-xiri ta’ portafolli ta’ kreditu. B’riżultat ta’ dan, ix-xerrejja tal-kreditu joperaw biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri, u dan irriżulta f’kompetizzjoni dgħajfa fis-suq intern minħabba li l-għadd ta’ xerrejja tal-kreditu interessati baqa’ baxx. Dan, min-naħa l-oħra, wassal għal suq sekondarju ineffiċjenti għall-NPLs. Barra minn hekk, is-swieq essenzjalment nazzjonali għall-NPLs għandhom it-tendenza li jibqgħu ta’ volum żgħir.

(11)

Il-parteċipazzjoni limitata tax-xerrejja tal-kreditu rriżultat f’domanda baxxa, f’kompetizzjoni dgħajfa u fi prezzijiet baxxi għall-portafolli ta’ kuntratti ta’ kreditu fi swieq sekondarji, u dan huwa diżinċentiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ibigħu l-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. Għalhekk, hemm dimensjoni ċara tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ swieq għal krediti mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u mibjugħa lix-xerrejja tal-kreditu. Min-naħa waħda, jenħtieġ li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jbigħu kuntratti ta’ kreditu improduttiv fuq l-iskala tal-Unjoni fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. Min-naħa l-oħra, it-tlestija tal-unjoni bankarja u s-CMU tagħmilha neċessarja li tittieħed azzjoni sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija. Għalhekk, din id-Direttiva tkopri x-xerrejja tal-kreditu fl-eżerċizzju tal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom meta jakkwistaw kuntratt ta’ kreditu f’każ biss meta l-kuntratt ta’ kreditu jkun kuntratt ta’ kreditu improduttiv.

(12)

Kreditu improduttiv oriġinarjament mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu jista’ jsir produttiv fil-proċess tas-servizzjar tal-kreditu. F’dak il-każ, jenħtieġ li s-servizzjanti tal-kreditu jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet tagħhom, abbażi tal-awtorizzazzjoni tagħhom bħala servizzjanti tal-kreditu f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(13)

Ċerti Stati Membri jirregolaw l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, iżda bi gradi differenti. L-ewwel nett, ftit Stati Membri biss jirregolaw dawk l-attivitajiet, u dawk li jagħmlu dan jiddefinixxuhom b’mod differenti ħafna. Iż-żieda fl-ispejjeż ta’ konformità regolatorja tirrappreżenta ostaklu għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ espansjoni permezz ta’ stabbiliment sekondarju jew tal-forniment ta’ servizzi b’mod transfruntiera. It-tieni, numru konsiderevoli ta’ Stati Membri jirrikjedu awtorizzazzjonijiet għal uħud mill-attivitajiet li dawk is-servizzjanti tal-kreditu jinvolvu ruħhom fihom. Dawk l-awtorizzazzjonijiet jimponu rekwiżiti differenti u ma jipprevedux għal possibiltajiet ta’ espansjoni transfruntiera. Għal darb’oħra, dan jopera bħala ostakolu għall-provvista ta’ servizzi transfruntiera. Fl-aħħar nett, f’xi każijiet, l-istabbiliment lokali huwa meħtieġ bil-liġi, u dan ixekkel l-eżerċitar tal-libertà fundamentali ta’ forniment ta’ servizzi b’mod transfruntier.

(14)

Filwaqt li s-servizzjanti tal-kreditu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lil istituzzjonijiet ta’ kreditu u lil xerrejja tal-kreditu li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu, suq kompetittiv u integrat għas-servizzjanti tal-kreditu huwa marbut mal-iżvilupp ta’ suq kompetittiv u integrat għax-xerrejja tal-kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu spiss jiddeċiedu li jesternalizzaw attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu lil entitajiet oħra, għaliex huma ma jkollhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw il-kreditu huma stess, u għalhekk jista’ jkun li joqogħdu lura milli jixtru kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, jekk ma jkunux jistgħu jesternalizzaw ċerti servizzi.

(15)

In-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva fis-suq tax-xiri tal-kreditu u tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jwassal biex ditti tas-servizzjar tal-kreditu jimponu fuq ix-xerrejja tal-kreditu tariffi għoljin għas-servizzi tagħhom, u dan iwassal għal prezzijiet baxxi fi swieq sekondarji tal-kreditu. Dak inaqqas l-inċentivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiskarikaw il-ħażna għolja tagħhom ta’ NPLs.

(16)

Għalhekk, jeħtieġ tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-qagħda tax-xerrejja tal-kreditu u tas-servizzjanti tal-kreditu fir-rigward ta’ kreditu improduttiv oriġinarjament mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali li jirregolaw l-oriġini tal-kreditu, inkluż f’każijiet fejn is-servizzjanti tal-kreditu jistgħu jiġu kkunsidrati li qed jidħlu fl-intermedjazzjoni tal-kreditu. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali li jimponu rekwiżiti addizzjonali għal xerrej tal-kreditu jew servizzjant tal-kreditu fir-rigward ta’ negozjar mill-ġdid tat-termini u l-kundizzjonijiet fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu.

(17)

Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw l-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bħal servizzi offruti għal kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu jew attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu mwettqa minn persuni fiżiċi, inkluż billi jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk taħt din id-Direttiva. Dawk l-entitajiet u l-persuni fiżiċi, madankollu, ma jibbenefikawx mill-possibbiltà ta’ passaportar ta’ dawn is-servizzi fi Stati Membri oħra.

(18)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-restrizzjonijiet skont il-liġijiet nazzjonali dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, li ma jintemmx skont il-liġi ċivili nazzjonali bl-effett li l-ammonti kollha pagabbli taħt il-kuntratt ta’ kreditu jsiru dovuti immedjatament, fejn dan ikun meħtieġ għat-trasferiment lejn entità barra s-sistema bankarja. Għaldaqstant, se jkun hemm Stati Membri fejn, filwaqt li jitqiesu r-regoli nazzjonali, l-akkwist ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv li ma jkunux skadew, jew li jkunu ilhom li skadew inqas minn 90 jum, jew li ma jintemmux skont il-liġi ċivili nazzjonali minn kredituri mhux irregolati, se jibqa’ jkun limitat. Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu produttivi, fosthom billi jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk skont din id-Direttiva.

(19)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-liġi tal-Unjoni rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, notevolment lid-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni, inkluża l-applikazzjoni ta’ dawk l-atti u dispożizzjonijiet f’każijiet individwali skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (8) u (UE) Nru 1215/2012 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-kredituri kollha u kull persuna li tirrappreżentahom huma obbligati li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni fit-trattattivi tagħhom mal-konsumatur u mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu protetti.

(20)

Is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu jenħtieġ li dejjem jaġixxu in bona fide, jittrattaw lill-mutwatarji b’mod ġust u jirrispettaw il-privatezza tagħhom. Dawn jenħtieġ li la jagħmlu ħsara u lanqas jagħtu informazzjoni qarrieqa lill-mutwatarji. Qabel l-ewwel ġbir tad-dejn u kull meta jintalbu mill-mutwatarji, jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-mutwatarji dwar, fost l-oħrajn, it-trasferiment li seħħ, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu u tas-servizzjant tal-kreditu, fejn jinħatar wieħed, kif ukoll informazzjoni dwar l-ammonti dovuti mill-mutwatarju u dikjarazzjoni li tgħid li l-liġijiet rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali jibqgħu japplikaw.

(21)

Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tnaqqasx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u, sal-punt sa fejn ix-xerrejja tal-kreditu jikkwalifikaw bħala kredituri skont id-Direttivi 2008/48/KE (10) u 2014/17/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE u l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/17/UE, rispettivament. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li tipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti inkluż dawk imwettqa matul l-infurzar tal-kuntratt fejn konsumatur jiġi mqarraq dwar id-drittijiet jew l-obbligi tal-konsumatur, jew inkella jkun soġġett għal fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita inkluż f’termini ta’ ħin, post, natura jew persistenza ta’ azzjonijiet ta’ infurzar, f’termini tal-użu ta’ theddid jew lingwaġġ jew imġiba abbużivi, jew f’termini tat-theddid li tittieħed kwalunkwe azzjoni li ma tistax tittieħed legalment.

(22)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiżgura d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal indipendenti u imparzjali u l-possibbiltà li wieħed jingħata parir, jiġi difiż u rappreżentat minn avukat. Dan jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari għall-fehim sħiħ u komplet tal-kwistjonijiet u l-argumenti legali kollha li jkunu qed jiġu indirizzati u biex tiġi żgurata tħejjija komprensiva tar-rappreżentanza tal-qorti għall-każ inkwistjoni. Il-mutwatarji li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikorru għall-għajnuna legali, fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali applikabbli.

(23)

L-istituzzjonijiet tal-kreditu tal-Unjoni jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu bħala parti min-negozju normali tagħhom. Dawn għandhom l-istess obbligi fir-rigward tal-kuntratti tal-kreditu li jkunu ħarġu huma stess bħal dawk li jkunu xtraw minn istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Peress li huma diġà rregolati u ssir superviżjoni tagħhom, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-attivitajiet tagħhom ta’ servizzjar jew ta’ xiri ta’ kreditu tkun tfisser duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż tal-awtorizzazzjoni u tal-konformità u għalhekk dawn mhumiex koperti b’din id-Direttiva. L-esternalizzazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu kemm produttiv kif ukoll improduttiv, lis-servizzjanti tal-kreditu jew lil partijiet terzi oħra, lanqas ma tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu diġà huma meħtieġa josservaw ir-regoli tal-esternalizzazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, il-kredituri li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu iżda li madankollu huma ssorveljati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE u li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu għal kreditu mogħti lil konsumaturi bħala parti min-negozju normali tagħhom mhumiex koperti minn din id-Direttiva meta jwettqu attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu f’dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv, kumpaniji maniġerjali u kumpaniji tal-investiment (sakemm il-kumpanija tal-investiment ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali) awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jenħtieġ li ma jaqgħux lanqas fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fl-aħħar nett, hemm xi professjonijiet li jwettqu attivitajiet anċillari simili għal attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu bħala parti mill-professjoni tagħhom, jiġifieri nutara pubbliċi, avukati u bailiffs li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom skont il-liġi nazzjonali, u li jimplimentaw l-infurzar ta’ miżuri vinkolanti u, għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lil dawk il-professjonijiet mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(24)

Sabiex ix-xerrejja u s-servizzjanti tal-kreditu eżistenti jitħallew jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u, b’mod partikolari, biex is-servizzjanti tal-kreditu jitħallew jiġu awtorizzati, din id-Direttiva tippermetti lill-entitajiet li bħalissa qed jipprevedu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu skont il-liġi nazzjonali, ikomplu jagħmlu dan fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom għal perjodu ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt xhur, is-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati taħt il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva biss jenħtieġ li jkunu permessi joperaw fis-suq.

(25)

L-Istati Membri li diġà għandhom fis-seħħ regoli ekwivalenti jew iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għal attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonoxxu fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-Direttiva l-possibbiltà li l-entitajiet eżistenti li jipprevedu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jkunu awtomatikament rikonoxxuti bħala servizzjanti tal-kreditu awtorizzati.

(26)

L-awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fl-Unjoni kollha jenħtieġ li tkun soġġetta għal sett uniformi u armonizzat ta’ kundizzjonijiet li jenħtieġ li jiġu applikati b’mod proporzjonat mill-awtoritajiet kompetenti.

(27)

Sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-protezzjoni tal-mutwatarju u sabiex tiġi promossa l-fiduċja, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li jiżguraw li servizzjanti tal-kreditu, persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fid-ditta tas-servizzjant tal-kreditu, u l-membri tal-organu tal-ġestjoni jew amministrattiv tiegħu, ikollhom kondotta tal-pulizija nadifa fir-rigward ta’ reati kriminali rilevanti marbuta ma’, fost affarijiet oħra, reati kontra l-proprjetà, reati relatati ma’ attivitajiet finanzjarji, ħasil tal-flus, ma’ frodi jew ma’ reati kontra l-integrità fiżika, u li mhumiex soġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza jew li ma jkunux ġew iddikjarati falluti fl-imgħoddi, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali. Il-konformità mar-rekwiżit li l-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tas-servizzjanti tal-kreditu jkunu trasparenti, miftuħa u kooperattivi fin-negozji tal-imgħoddi tagħhom mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-awtorità kompetenti jew fl-għarfien tagħha fiż-żmien meta tingħata l-awtorizzazzjoni. Jekk l-ebda informazzjoni ma tkun disponibbli, jew jekk ma jkun hemm l-ebda għarfien ta’ xi informazzjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda interazzjoni fl-imgħoddi mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji f’dak iż-żmien, ir-rekwiżit jitqies issodisfat.

(28)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ġestjoni, kollha kemm hi, ta’ servizzjant tal-kreditu jkollha għarfien u esperjenza adegwati biex twettaq in-negozju b’mod kompetenti u responsabbli, skont l-attività li għandha titwettaq. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jistabbilixxi r-rekwiżiti rigward reputazzjoni tajba, l-għarfien adegwat u l-esperjenza, iżda jenħtieġ li dawn ma jfixklux il-moviment liberu tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-EBA jenħtieġ li tiżviluppa linji gwida biex tnaqqas ir-riskju ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tar-rekwiżiti dwar l-għarfien u l-esperjenza adegwati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-debitur kif ukoll mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ governanza u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, kif ukoll proċeduri xierqa għar-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti u li dawn ikunu soġġetti għal superviżjoni. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri adegwati kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jinnominaw is-servizzjanti tal-kreditu bħala entitajiet marbuta b’obbligu għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkunu obbligati li jaġixxu b’mod ġust u bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji. Fejn servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn li jiffaċilitaw ir-ripagament tad-dejn ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw li jirreferu lill-mutwatarji għand servizzi bħal dawn.

(29)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw, fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-Direttiva, jekk is-servizzjanti tal-kreditu fit-territorju tagħhom għandhomx il-permess li jirċievu u jżommu fondi mingħand mutwatarji waqt li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu. F’każijiet fejn ir-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi minn mutwatarji jkunu permessi fi Stat Membru u s-servizzjanti tal-kreditu jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu dan bħala parti mill-mudell tan-negozju tagħhom, jenħtieġ li japplikaw rekwiżiti addizzjonali għal dawk is-servizzjanti tal-kreditu, sabiex jiġu indirizzati r-riskji li jistgħu jinqalgħu f’każijiet ta’ insolvenza, jiġifieri segregazzjoni tal-kontijiet u tal-fondi, kif ukoll f’każijiet tal-ħelsien mill-mutwatarju. Meta Stat Membru ta’ domiċilju ta’ servizzjant tal-kreditu jipprojbixxi lis-servizzjanti tal-kreditu milli jirċievu u jżommu fondi mingħand mutwatarji, servizzjant tal-kreditu ma jistax jagħmel dan, la fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u lanqas fi kwalunkwe Stat Membru ospitanti, anki jekk Stat Membru ospitanti jippermetti r-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi, preċiżament minħabba li s-servizzjant tal-kreditu ma kienx awtorizzat għal dak l-iskop mill-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu. B’kuntrast, meta Stat Membru ta’ domiċilju jippermetti lis-servizzjanti tal-kreditu jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji u jinkludi fil-liġi nazzjonali tiegħu r-rekwiżiti rilevanti, servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li jkun jista’ jirċievi u jżomm fondi mingħand mutwatarji fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu kif ukoll fi kwalunkwe Stat Membru ospitanti li jippermetti wkoll li jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji.

(30)

Sabiex jiġu evitati proċeduri twal u inċertezzi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward l-informazzjoni li l-applikanti se jintalbu jressqu għal awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu, kif ukoll skadenzi raġonevoli għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni u ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi rtirata. Meta l-awtoritajiet kompetenti jirtiraw awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu li jipprovdi attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta jkunu differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak tad-domiċilju, jenħtieġ li jiġu infurmati. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi stabbilit reġistru pubbliku jew lista aġġornati fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tan-numru u tal-identità tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati.

(31)

Ir-relazzjoni kuntrattwali bejn is-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditur u l-obbligi tas-servizzjant tal-kreditu lejn il-kreditur jenħtieġ li ma jinbidlux bl-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu jew lil fornituri tas-servizzi tal-kreditu. Is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkunu responsabbli milli jiżguraw li l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tagħhom lil fornituri ta’ servizzi tal-kreditu ma jirriżultax f’riskju operattiv mhux xieraq, lanqas f’nuqqas ta’ konformità mill-fornitur tas-servizz tal-kreditu ma’ kwalunkwe rekwiżit tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, u lanqas jirrestrinġi l-kapaċità tas-superviżur regolatorju li jwettaq dmiru u jissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarji.

(32)

Meta xerrej tal-kreditu jafda lil servizzjant tal-kreditu l-ġestjoni u l-infurzar ta’ kuntratt ta’ kreditu, ix-xerrej tal-kreditu jiddelega d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu kif ukoll il-kuntatt dirett tiegħu mal-mutwatarju lis-servizzjant tal-kreditu filwaqt li jibqa’ finalment responsabbli. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn ix-xerrej tal-kreditu u s-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li tkun stabbilita b’mod ċar fi ftehim ta’ servizzjar tal-kreditu bil-miktub u jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw kif tiġi ddeterminata tali relazzjoni. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jaġixxu b’mod ġust u bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji. Sal-punt li xerrej tal-kreditu ma jwettaqx huwa stess is-servizzjar ta’ kuntratti tal-kreditu li jakkwista, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu li s-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditu huma meħtieġa jaqblu fil-ftehim ta’ servizzjar tal-kreditu li s-servizzjant tal-kreditu jinnotifika lix-xerrej tal-kreditu qabel ma jesternalizza l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu.

(33)

Sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu li jinvolvi ruħu f’attivitajiet transfruntiera u li jipprovdi għas-superviżjoni tagħhom, din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura għall-eżerċitar tad-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu awtorizzat li jinvolvi ruħu f’attivitajiet transfruntiera. Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti kif ukoll mas-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li ssir fi skadenzi raġonevoli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu jenħtieġ li jirċievu wkoll informazzjoni dwar attivitajiet transfruntiera mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

(34)

Servizzjant tal-kreditu li jwettaq attivitajiet fi Stat Membru ospitanti jenħtieġ li jkun soġġett għar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru ospitanti f’konformità ma’ din id-Direttiva, inkluż, fejn applikabbli, il-projbizzjoni fuq ir-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi minn mutwatarji, li mhumiex relatati ma’ rekwiżiti oħra ta’ awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu. Jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ Stat Membru ospitanti li jittrasponu din id-Direttiva, jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali għall-awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu, jenħtieġ li tali rekwiżiti addizzjonali ma japplikawx għas-servizzjanti tal-kreditu li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu transfruntiera f’dak l-Istat Membru ospitanti.

(35)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva u effiċjenti tas-servizzjanti tal-kreditu transfruntiera, jenħtieġ li jinħoloq qafas speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u, fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu. Dak il-qafas jenħtieġ li jippermetti li jsiru l-iskambji tal-informazzjoni filwaqt li jippreserva l-kunfidenzjalità tagħha, is-segretezza professjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwu u tan-negozju, l-ispezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post, il-provvediment ta’ assistenza u n-notifika tar-riżultati tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżura meħuda.

(36)

Prerekwiżit importanti għall-bidu tar-rwol minn xerrejja tal-kreditu u servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti kollha u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu dan possibbli, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. F’dak il-kuntest, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu informazzjoni dettaljata lix-xerrejja prospettivi tal-kreditu sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-valur tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jipprovdu dik l-informazzjoni darba biss matul il-proċess, jew matul il-fażi inizjali jew fil-fażijiet sussegwenti, iżda fi kwalunkwe każ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa neċessarju u ġġustifikat sabiex ix-xerrejja prospettivi ta’ kreditu jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati qabel ma jidħlu fi tranżazzjoni u, għalhekk, huwa leġittimu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqsmu d-data personali ta’ min jissellef ma’ xerrejja prospettivi ta’ kreditu. Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex ix-xerrejja prospettivi tal-kreditu jkunu jistgħu jivvalutaw il-valur tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, u l-probabbiltà ta’ rkupru tal-valur ta’ dak il-kuntratt. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-għoti ta’ informazzjoni lil xerrejja prospettivi tal-kreditu u l-użu sussegwenti tagħha jikkonformaw mal-qafas rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(37)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu tittrasferixxi kuntratti ta’ kreditu improduttiv, din jenħtieġ li tkun meħtieġa tinforma lill-awtorità kompetenti tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ospitanti, fuq bażi biannwali, dwar mill-inqas il-bilanċ pendenti aggregat tal-portafolli ta’ kreditu ttrasferiti, kif ukoll in-numru u d-daqs tal-krediti inklużi u jekk it-trasferiment jinkludix kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi. Għal kull portafoll ta’ kreditu ttrasferit fi tranżazzjoni waħda, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tinkludi l-identifikatur tax-xerrej tal-kreditu, jew fejn applikabbli tar-rappreżentanti tiegħu, jew meta dan ma jkunx disponibbli, l-identità u l-indirizz tax-xerrej u, fejn ikun applikabbli, l-identità tar-rappreżentant tiegħu fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq bażi trimestrali minflok, kull meta jqisu li tkun meħtieġa, inkluż minħabba l-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet matul perjodu ta’ kriżi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li tkun obbligata li tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ssorveljat ix-xerrej tal-kreditu. Tali rekwiżiti ta’ trasparenza jippermettu li jsir monitoraġġ armonizzat u effettiv fuq it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu fi ħdan l-Unjoni. Sabiex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li, sabiex jevitaw id-duplikazzjoni, iqisu l-informazzjoni li hija diġà disponibbli għalihom b’mezzi oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar portafoll ta’ kreditu, ladarba tali portafoll ikun ġie ttrasferit lil xerrej tal-kreditu, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-servizzjant tal-kreditu.

(38)

Il-Pjan ta’ Azzjoni rrikonoxxa li l-infrastruttura tad-data tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu se tiġi msaħħa permezz ta’ data uniformi u standardizzata dwar il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. L-EBA żviluppat mudelli tad-data li jipprovdu informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu fil-portafoll bankarju u jippermettu li x-xerrejja potenzjali jevalwaw il-valur tal-kuntratti ta’ kreditu u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom. Minn naħa waħda, l-applikazzjoni ta’ mudelli tad-data bħal dawn għal kuntratti ta’ kreditu tnaqqas l-asimmetriji fl-informazzjoni bejn xerrejja u bejjiegħa potenzjali ta’ kuntratti ta’ kreditu u, għalhekk, tikkontribwixxi favur l-iżvilupp ta’ suq sekondarju li jiffunzjona fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fejn tali mudelli tad-data jkunu dettaljati żżejjed, dawn jistgħu jiġġeneraw piż eċċessiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu mingħajr ebda gwadann apprezzabbli f’termini ta’ informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-EBA twettaq rieżami tal-mudelli tad-data bil-ħsieb li l-mudelli tad-data jiġu żviluppati iktar fi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu meħtieġa jużaw il-formoli tad-data għat-trasferimenti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv, inklużi trasferimenti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn. Jenħtieġ li dak l-obbligu japplika għal trasferimenti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv biss, u ma jinkludix tranżazzjonijiet kumplessi fejn jiġu inklużi kuntratti ta’ kreditu improduttiv bħala parti minn tali tranżazzjoni, inkluż il-bejgħ ta’ fergħat, il-bejgħ ta’ linji operatorji jew il-bejgħ tal-portafolli tal-klijenti mhux limitati għal kuntratti ta’ kreditu improduttiv u trasferimenti bħala parti minn operazzjoni ta’ ristrutturar kontinwa tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tbigħ fi proċedimenti ta’ insolvenza, riżoluzzjoni jew likwidazzjoni. Sabiex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jenħtieġ li jiġu applikati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mod proporzjonat fir-rigward tan-natura u d-daqs u tal-krediti. Fl-istess ħin, il-firxa tal-obbligu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonformaw mal-formoli tad-data jenħtieġ li tqis id-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. Il-bejjiegħa l-oħra tal-kuntratti ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu kapaċi jużaw dawk l-istandards sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kuntratti ta’ kreditu għall-bejgħ. Barra minn hekk, f’każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, fejn huma pprovduti mudelli ta’ trasparenza obbligatorji, jenħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe rappurtar doppju minħabba din id-Direttiva.

(39)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, żviluppati mill-ABE, sabiex tispeċifika l-mudelli li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(40)

Peress li x-xerrejja tal-kreditu mhumiex joħolqu kreditu ġdid iżda, minflok, u kif previst fid-Direttiva, qed jixtru biss kuntratti ta’ kreditu improduttiv eżistenti b’riskju għalihom, dawn ma jikkawżawx tħassib prudenzjali u l-kontribut potenzjali tagħhom għal riskju sistemiku huwa negliġibbli. Għalhekk ma jkunx iġġustifikat li x-xerrejja tal-kreditu japplikaw għal awtorizzazzjoni iżda madankollu huwa importanti li r-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jibqgħu japplikaw u li d-drittijiet tal-mutwatarji jibqgħu jkunu dawk li jirriżultaw mill-kuntratt tal-kreditu inizjali.

(41)

Ix-xerrejja tal-kreditu minn pajjiżi terzi jistgħu jagħmluha iktar diffiċli lill-mutwatarji tal-Unjoni jistrieħu fuq id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u li l-awtoritajiet nazzjonali jissorveljaw l-infurzar tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu wkoll jiġu skoraġġuti milli jittrasferixxu tali kuntratti ta’ kreditu improduttiv lil xerrejja ta’ kreditu minn pajjiżi terzi minħabba r-riskju reputazzjonali involut. Sa fejn ir-rappreżentant ta’ xerrej minn pajjiż terz ta’ krediti mogħtija lil persuni fiżiċi, inklużi konsumaturi u ħaddiema indipendenti, jew ta’ krediti mogħtija lil intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu sorveljata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew servizzjant tal-kreditu awtorizzat fl-Unjoni, dak ir-rappreżentant jenħtieġ li jaħtar tali entità sabiex jiġi żgurat li l-istess standards tad-drittijiet tal-mutwatarji jiġu ppreservati wara t-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv.

(42)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat aħjar li l-istess standards tad-drittijiet tal-konsumaturi jiġu ppreservati wara t-trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, xerrej tal-kreditu domiċiljat fl-Unjoni, jew li għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma għandu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jaħtru istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew servizzjant tal-kreditu, biex iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv konklużi mal-konsumaturi.

(43)

L-Istati Membri ospitanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jestendu l-obbligu li jinħatar servizzjant tal-kreditu fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu oħrajn. F’każijiet fejn it-trasferiment ta’ portafoll ta’ kreditu jinkludi kemm kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi, persuni fiżiċi oħra jew SMEs li għalihom hija meħtieġa l-ħatra ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, jew ta’ istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew ta’ servizzjant tal-kreditu, u simultanjament tinkludi wkoll kuntratti ta’ kreditu oħra li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda ħatra bħal din, ix-xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu jenħtieġ li jikkonforma mal-obbligu tal-ħatra fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kreditu ma’ konsumaturi, persuni fiżiċi oħra jew SMEs. Is-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditu jenħtieġ li jikkonforma mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri individwali jenħtieġ li jingħataw is-setgħat meħtieġa biex iwettqu superviżjoni tal-attività tagħhom b’mod effettiv.

(44)

Meta xerrej tal-kreditu, jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont din id-Direttiva, ikun meħtieġ jaħtar servizzjant tal-kreditu, jew istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni ta’ kreditu mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, u jagħżel li jimmaniġġja u jinforza huwa stess id-drittijiet u l-obbligi relatati mad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, ix-xerrej tal-kreditu, jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur f’konformità ma’ din id-Direttiva, jitqies bħala servizzjant tal-kreditu, u għalhekk jenħtieġ li jkun awtorizzat skont din id-Direttiva.

(45)

Ix-xerrejja tal-kreditu li jużaw is-servizzi tas-servizzjanti tal-kreditu, jew tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom b’dan sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom fir-rigward tal-kondotta tas-servizzjant tal-kreditu, jew tal-istituzzjoni ta’ kreditu, jew tal-istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, fil-konfront tal-mutwatarju. Ix-xerrejja tal-kreditu jenħtieġ li jinfurmaw ukoll fil-ħin lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tagħhom jekk iqabbdu servizzjant tal-kreditu, istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu differenti taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE.

(46)

Ix-xerrejja tal-kreditu li jinfurzaw il-kuntratt ta’ kreditu mixtri b’mod dirett jenħtieġ li jagħmlu dan f’konformità mal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur applikabbli għall-mutwatarju. Regoli nazzjonali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-infurzar tal-kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-liġi kriminali se jkomplu japplikaw u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw il-konformità tagħhom ma’ dawk ix-xerrejja tal-kreditu b’dawn ir-regoli fuq it-territorju tal-Istati Membri.

(47)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva, meta x-xerrej tal-kreditu ma jkunx domiċiljat fl-Unjoni, jew ma jkollux l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni, il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva jenħtieġ li tipprovdi, meta jiġi konkluż trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu, li x-xerrej tal-kreditu minn pajjiż terz jaħtar rappreżentant li jkun domiċiljat fl-Unjoni, jew li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni, bil-mandat li jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti flimkien max-xerrej tal-kreditu jew inkella minfloku. Dan ir-rappreżentant ikun responsabbli mill-obbligi imposti fuq ix-xerrejja tal-kreditu skont din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti fuq is-servizzjanti tal-kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu li jittrasferixxu kuntratti ta’ kreditu improduttiv jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fuq bażi biannwali u fuq livell aggregat, ta’ mill-inqas il-bilanċ pendenti aggregat tal-portafolli ta’ kreditu ttrasferiti, kif ukoll in-numru u d-daqs tal-krediti inklużi u jekk jinkludix kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi. Għal kull portafoll ta’ kreditu ttrasferit fi tranżazzjoni waħda, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tinkludi l-identifikatur tax-xerrej tal-kreditu, jew fejn applikabbli tar-rappreżentanti tiegħu fl-Unjoni, jew meta dan ma jkunx disponibbli, l-identità u l-indirizz tax-xerrej tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, l-identità tar-rappreżentant tiegħu fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq bażi trimestrali minflok, kull meta jqisu li tkun meħtieġa, inkluż minħabba l-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet matul perjodu ta’ kriżi.

(48)

Bħalissa, hemm bosta awtoritajiet differenti li huma inkarigati mill-awtorizzazzjoni u mis-superviżjoni tas-servizzjanti tal-kreditu u tax-xerrejja tal-kreditu fl-Istati Membri, u għalhekk huwa essenzjali li l-Istati Membri jiċċaraw ir-rwol ta’ tali awtoritajiet u jallokaw setgħat adegwati, speċjalment peress li dawn jaf ikollhom iwettqu superviżjoni tal-entitajiet involuti fil-forniment ta’ servizzi fi Stati Membri oħra. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u proporzjonata mal-Unjoni kollha, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu s-setgħat neċessarji lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, inklużi s-setgħa li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa, li jiġi investigat kull ksur possibbli ta’ din id-Direttiva, li jiġu ttrattati l-ilmenti tal-mutwatarji u li jiġu imposti penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju, inkluż l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Meta dawn il-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju jiġu applikati, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti japplikawhom b’mod proporzjonat u li jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom, u li barra minn hekk dawk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju inkluż f’każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti ma jaġixxux fil-limiti taż-żmien ippreveduti.

(49)

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ksur ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ intervent ta’ Stat Membru f’każijiet ta’ ksur tal-liġi nazzjonali relatati ma’, pereżempju, protezzjoni tal-konsumatur, għal drittijiet tal-mutwatarji, jew għal attivitajiet kriminali. F’tali każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri fejn il-kreditu ngħata huma dawk kompetenti biex jiddeċiedu jekk kienx hemm ksur tal-liġi nazzjonali u għalhekk is-setgħat tagħhom mhumiex limitati b’din id-Direttiva.

(50)

Peress li l-prestazzjoni tas-swieq sekondarji għall-kreditu se tiddependi fil-biċċa l-kbira mir-reputazzjoni tajba tal-entitajiet involuti, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu effiċjenti li bih jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tax-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jkollhom proċeduri effettivi u aċċessibbli biex jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji.

(51)

Kemm ir-Regolament (UE) 2016/679 (16) u r-Regolament (UE) 2018/1725 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, meta d-data personali tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi speċifikat l-iskop preċiż, li jkun hemm referenza għall-bażi legali rilevanti msemmija u li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679, u jenħtieġ li jiġu rispettati l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità, tal-limitazzjoni tal-iskop, u tal-perjodu proporzjonat u trasparenti għaż-żamma tad-data. Għal dawk il-finijiet, kodiċi ta’ kondotta għall-industrija kollha, skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa preferut. Barra dan, il-protezzjoni tad-data personali mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku jenħtieġ ukoll li jkunu parti integrali fis-sistemi kollha ta’ pproċessar tad-data żviluppati u użati fil-qafas ta’ din id-Direttiva. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, u f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

(52)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali jipprevedu għadd ta’ drittijiet u salvagwardji marbuta mal-kuntratti ta’ kreditu mogħtija lill-konsumaturi. Dawk id-drittijiet u salvagwardji japplikaw b’mod partikolari għan-negozjar u għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, għall-użu ta’ prattiki kummerċjali inġusti min-negozju għall-konsumatur kif stabbilit fid-Direttiva 2005/29/KE u għall-produttività jew għall-inadempjenza tal-kuntratt ta’ kreditu. Dak huwa notevolment il-każ fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu tal-konsumatur fit-tul li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni Direttiva 2014/17/UE, fir-rigward tad-dritt tal-konsumatur li jeħles bis-sħiħ jew b’mod parzjali mill-obbligi tal-konsumatur taħt kuntratt ta’ kreditu qabel l-iskadenza ta’ dak il-kuntratt ta’ kreditu jew li jkun infurmat permezz tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata, fejn ikun applikabbli, dwar it-trasferiment possibbli tal-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu. Jenħtieġ ukoll li d-drittijiet tal-mutwatarji ma jinbidlux, lanqas jekk it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu bejn istituzzjoni ta’ kreditu u xerrej tal-kreditu jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ novazzjoni. Bħala prinċipju ġenerali, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-mutwatarji ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni agħar wara t-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu tagħhom minn istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma timpedixxix lill-Istati Membri milli japplikaw dispożizzjonijiet aktar stretti biex jipproteġu lill-mutwatarji.

(53)

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra skont id-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, dawk id-Direttivi jenħtieġ li jiġu emendati, biex jiġi żgurat li l-konsumatur tingħatalu, fil-mument opportun u qabel kwalunkwe modifika fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu, lista ċara u komprensiva ta’ kull bidla bħal din, l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħha u d-dettalji meħtieġa kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-awtorità nazzjonali fejn il-konsumatur ikun jista’ jressaq ilment.

(54)

L-informazzjoni dwar il-modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ kreditu skont id-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, kif introdotta bl-emendi stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li ma taffettwa l-ebda dritt tal-konsumatur stabbilit fid-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, inkluż id-dritt għall-informazzjoni.

(55)

L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-protezzjoni pprovduta lill-konsumaturi fid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (18) u fid-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE tfisser li ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt innifsu lil xerrej tal-kreditu jenħtieġ li ma taffettwax b’xi mod jew ieħor il-livell ta’ protezzjoni mogħti mil-liġi tal-Unjoni lill-konsumaturi. Ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ għalhekk li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, kif applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu inizjali, u l-mutwatarju jenħtieġ li jibqa’ jgawdi mill-istess livell ta’ protezzjoni kif ipprovdut mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli jew kif iddeterminat mir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali rigward il-konflitt tal-liġijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, għajr l-ispejjeż diġà inklużi f’dak il-kuntratt ta’ kreditu, ma tiġi imposta l-ebda spiża relatata mat-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu fuq il-mutwatarju. Fir-rigward tal-imposti fuq il-konsumaturi f’każ ta’ inadempjenza, jenħtieġ li jiġu introdotti emendi għad-Direttiva 2008/48/KE li jirrikjedu li l-Istati Membri jsegwu l-istess regoli bħal fid-Direttiva 2014/17/UE dwar it-tqegħid ta’ limiti massimi fuq tariffi u penali.

(56)

Fir-rigward tal-konsumaturi, jenħtieġ li d- Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE jiġu emendati minn din id-Direttiva sabiex jiġi stabbilit li l-Istati Membri jesiġu li l-kredituri jkollhom politiki u proċeduri adegwati sabiex jagħmlu sforzi biex, meta jkun xieraq, jeżerċitaw tolleranza raġonevoli qabel ma jinbdew proċedimenti ta’ preklużjoni. Jenħtieġ li jittieħed kont tal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-arretrati u l-preklużjoni tad-19 ta’ Awwissu 2015, tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-ġestjoni ta’ skoperturi improduttivi u tollerati tal-31 ta’ Ottubru 2018 u tal-Gwida tal-BĊE lill-banek dwar is-self improduttiv ta’ Marzu 2017. Meta jkunu qed jiddeċiedu liema miżuri ta’ tolleranza għandhom jieħdu, il-kredituri jenħtieġ li jqisu ċ-ċirkustanzi individwali tal-konsumatur, l-interessi u d-drittijiet tal-konsumatur u l-kapaċità tal-konsumatur li jħallas lura l-kreditu, inkluż b’mod partikolari jekk il-kuntratt ta’ kreditu jkunx iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tkun ir-residenza primarja tal-konsumatur. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ tolleranza jkunu jistgħu jikkonsistu f’ċerti konċessjonijiet lill-mutwatarju, bħal rifinanzjament totali jew parzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu jew modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti tiegħu, estensjoni tat-terminu tiegħu, bidla fit-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu, differiment tal-ħlas tar-ripagament parzjali kollu jew parti minnu għal xi perjodu, bidla fir-rata tal-imgħax, offerta ta’ moratorju fuq il-kreditu, ripagamenti parzjali, konverżjonijiet tal-valuta, maħfra parzjali u konsolidazzjoni tad-dejn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ miżuri ta’ tolleranza xierqa fil-livell nazzjonali. Il-lista ta’ miżuri ta’ tolleranza mogħtija f’din id-Direttiva, bħala emendi għad-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, mhijiex eżawrjenti, u għalhekk l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddisponu miżuri addizzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu ma jiddisponux miżura speċifika jekk ikun previst hekk fil-livell nazzjonali, dment li jibqa’ jkun hemm għad-dispożizzjoni għadd raġonevoli ta’ miżuri. F’każ li wara proċedimenti ta’ preklużjoni jifdal xi dejn pendenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ għajxien u jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw il-ħlas lura tad-dejn waqt li jiġi evitat dejn eċċessiv fit-tul. Tal-inqas, meta s-somma miksuba għall-proprjetà immobbli residenzjali taffettwa l-ammont dovut mill-konsumatur, jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-kredituri jieħdu passi raġonevoli biex jiksbu l-aħjar somma possibbli għall-proprjetà immobbli residenzjali prekluża fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tas-suq. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jwaqqfux lill-partijiet għal kuntratt ta’ kreditu milli jaqblu espressament li t-trasferiment tal-garanzija lill-kreditur ikun biżżejjed sabiex jitħallas lura l-kreditu, partikularment meta l-kreditu jkun garantit mir-residenza primarja tal-mutwatarju.

(57)

Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ma jiġix affettwat f’każ ta’ ċessjoni lil parti terza tad-drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu ipotekarju jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, jenħtieġ li tiġi introdotta emenda għad-Direttiva 2014/17/UE biex tistabbilixxi li, f’każi ta’ trasferiment ta’ kreditu kopert minn dik id-Direttiva, il-konsumatur ikun intitolat li jeċċepixxi kontra x-xerrej tal-kreditu kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għall-konsumatur kontra l-kreditur oriġinali u li jkun infurmat biċ-ċessjoni.

(58)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (19), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(59)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Jannar 2019.

(60)

Il-funzjonament effiċjenti ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi rivedut mill-Kummissjoni aktar ma jevolvi l-istabbiliment ta’ suq sekondarju intern għal kuntratti ta’ kreditu improduttivi b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni tajba biex tanalizza kwistjonijiet transfruntiera speċifiċi li ma jistgħux jiġu identifikati jew indirizzati kif xieraq minn Stati Membri individwali, bħar-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jinqalgħu fir-rigward ta’ servizzjar tal-kreditu u attivitajiet tax-xerrejja tal-kreditu u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti. Għalhekk huwa xieraq li fir-rieżami ta’ din id-Direttiva l-Kummissjoni tinkludi wkoll valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-attivitajiet imwettqa mis-servizzjanti tal-kreditu u mix-xerrejja tal-kreditu u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(61)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal NPLs fl-Unjoni filwaqt li tiġi żgurata aktar protezzjoni msaħħa għall-mutwatarji, partikularment il-konsumaturi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 08.12.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021L2167
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.