+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) Nru 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 94(2) tagħha,

Billi:

(1)

Remunerazzjoni varjabbli mogħtija fi strumenti għandha tippromwovi mmaniġġjar sod u effettiv tar-riskji u ma għandhiex tħeġġeġ it-teħid ta' riskji li jaqbżu l-livell ta' riskju tollerat tal-istituzzjoni. Għaldaqstant, il-klassijiet ta' strumenti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tar-remunerazzjoni varjabbli għandhom jallinjaw l-interessi tal-persunal mal-interessi tal-azzjonisti, il-kredituri u partijiet interessati oħrajn billi jipprovdu inċentivi sabiex il-persunal jaġixxi fl-interess fit-tul tal-istituzzjoni u ma jiħux riskji żejda.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li hemm rabta soda mal-kwalità kredizja ta' istituzzjoni bħala negozju avvjat, l-istrumenti użati għall-finijiet ta' remunerazzjoni varjabbli għandu jkun fihom avvenimenti skattaturi xierqa għal-likwidazzjoni jew konverżjoni li jnaqqsu l-valur tal-istrumenti f'sitwazzjonijiet fejn tkun tgħarrqet il-kwalità kredizja tal-istituzzjoni bħala negozju avvjat. L-avvenimenti skattaturi użati għall-finijiet ta' remunerazzjoni ma għandhomx jibdlu l-livell ta' subordinazzjoni tal-istrumenti u għalhekk ma għandhomx iwasslu għal skwalifika ta' strumenti tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 Addizzjonali bħala strumenti ta' fondi proprji.

(3)

Filwaqt li l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-istrumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali huma speċifikati fl-Artikoli 52 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-istrumenti l-oħrajn imsemmijin fil-punt (l)(ii) tal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE li jistgħu jiġu konvertiti bis-sħiħ fi strumenti tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni jew jitniżżlu fil-valur mhumiex soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi skont dak ir-Regolament peress li ma humiex klassifikati bħala strumenti ta' fondi proprji għal skopijiet prudenzjali. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għal klassijiet differenti ta' strumenti biex jiġi żgurat li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta' remunerazzjoni varjabbli, filwaqt li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-għamla differenti tal-istrumenti. L-użu tal-istrumenti għall-finijiet ta' remunerazzjoni varjabbli ma għandux iżomm minnu nnifsu lill-istrumenti milli jikkwalifikaw bħala fondi proprji ta' istituzzjoni diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. It-tali użu lanqas ma għandu jinftiehem huwa stess bħala wieħed li jipprovdi inċentiv ta' tifdija tal-istrument, peress li wara l-perjodi ta' diferiment u retenzjoni b'mod ġenerali l-membri tal-persunal ikunu jistgħu jirċievu fondi likwidi b'mezzi oħrajn apparti tifdija.

(4)

Strumenti Oħrajn jinkludu strumenti tad-dejn mhux fi flus jew strumenti marbutin mad-dejn li ma jikkwalifikawx bħala fondi proprji. Strumenti Oħrajn mhumiex limitati għal strumenti finanzjarji kif definiti fil-punt 50 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, iżda jistgħu jinkludu wkoll strumenti differenti mhux fi flus, li jistgħu jiġu inklużi fil-ftehimiet bejn l-istituzzjoni u l-membri tal-persunal. Biex jiġi żgurat li dawn l-istrumenti jirriflettu l-kwalità kredizja ta' istituzzjoni bħala negozju avvjat, ir-rekwiżiti adatti għandhom jiżguraw li ċ-ċirkustanzi li fihom it-tali strumenti jitniżżlu fil-valur jew jiġu konvertiti jestendu lil hinn minn sitwazzjonijiet ta' rkupru jew riżoluzzjoni.

(5)

Meta l-istrumenti użati għall-finijiet ta' remunerazzjoni varjabbli jiġu eżerċitati, jinfdew, jiġu riakkwistati jew konvertiti, b'mod ġenerali t-tali tranżazzjonijiet ma għandhomx iżidu l-valur tar-remunerazzjoni mogħtija bil-ħlas tal-ammonti li huma ogħla mill-valur tal-istrument jew billi jiġu konvertiti fi strumenti li għandhom valur ogħla mill-istrument mogħti għall-ewwel. Dan huwa sabiex jiġi żgurat li r-remunerazzjoni ma titħallasx permezz ta' veikoli jew metodi li jħaffu n-nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(6)

Meta tingħata remunerazzjoni varjabbli u meta l-istrumenti użati għal remunerazzjoni varjabbli jinfdew, jiġu eżerċitati, riakkwistati jew konvertiti, dawk it-tranżazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valuri li ġew stabbiliti skont l-istandard kontabilistiku applikabbli. Għalhekk għandha tkun meħtieġa valwazzjoni tal-istrumenti f'dawn is-sitwazzjonijiet kollha sabiex jiġi żgurat li ma jiġux evitati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/36/UE dwar ir-remunerazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-proporzjon bejn il-komponenti varjabbli u fissi tar-remunerazzjoni u l-allinjament mat-teħid ta' riskji.

(7)

L-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' tniżżil fil-valur u konverżjoni għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali. Barra minn hekk, il-punt (l)(ii) tal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jeħtieġ li l-Istrumenti l-Oħrajn ikunu jistgħu jiġu konvertiti fi strumenti tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni jew jitniżżlu fil-valur. Peress li l-eżitu ekonomiku ta' konverżjoni jew tniżżil fil-valur ta' Strumenti Oħrajn huwa l-istess bħal dak għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, il-mekkaniżmi ta' tniżżil fil-valur jew konverżjoni għal Strumenti Oħrajn għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-mekkaniżmi li japplikaw għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, bl-adattamenti biex jieħdu kont tal-fatt li Strumenti Oħrajn ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-fondi proprji minn perspettiva prudenzjali. Strumenti tal-Grad 2 mhumiex soġġetti għal rekwiżiti regolatorji rigward it-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex jiġi żgurat li l-valur tat-tali strumenti kollha, meta użati għal remunerazzjoni varjabbli, jonqos meta tiddgħajjef il-kwalità kredizja tal-istituzzjoni, iridu jiġu speċifikati s-sitwazzjonijiet li fihom tniżżil fil-valur jew konverżjoni tal-istrument ikunu neċessarji. Il-mekkaniżmi ta' tniżżil fil-valur, tlugħ fil-valur u konverżjoni għal Strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħrajn għandhom jiġu speċifikati sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti.

(8)

Distribuzzjonijiet li ġejjin minn strumenti jistgħu jieħdu diversi forom. Jistgħu jkunu varjabbli jew fissi u jistgħu jitħallsu b'mod perjodiku jew fil-maturità finali ta' strument. B'konformità mal-linji gwida dwar il-politiki u l-prattiki ta' remunerazzjoni maħruġin mill-Kumitat ta' Superviżuri Bankarji Ewropej (3), sabiex jiġi promoss immaniġġjar sod u effettiv tar-riskji ma għandha titħallas ebda distribuzzjoni lill-persunal matul il-perjodi ta' diferiment. Il-membri tal-persunal għandhom jirċievu biss distribuzzjonijiet fir-rigward tal-perjodi ta' wara l-investiment tal-istrument. Għalhekk, huma biss l-istrumenti b'distribuzzjonijiet li jitħallsu b'mod perjodiku lis-sid tal-istrument li huma xierqa sabiex jintużaw bħala remunerazzjoni varjabbli; bonds bla kupun jew strumenti li jżommu l-qligħ ma għandhomx jingħaddu fis-sehem sostanzjali tar-remunerazzjoni li jrid ikun jikkonsisti f'bilanċ tal-istrumenti msemmijin fil-punt (l) tal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. Dan għaliex il-persunal jibbenefika matul il-perjodu ta' diferiment minn valuri li jiżdiedu, u dan jista' jinftiehem bħala ekwivalenti għar-riċevuta ta' distribuzzjonijiet.

(9)

Distribuzzjonijiet għoljin ħafna jistgħu jnaqqsu l-inċentiv fit-tul għat-teħid ta' riskji prudenti peress li effettivament iżidu l-parti varjabbli tar-remunerazzjoni. B'mod partikolari, id-distribuzzjonijiet ma għandhomx jitħallsu f'intervalli itwal minn sena peress li dan ikun iwassal għal distribuzzjonijiet li jakkumulaw effettivament matul il-perjodi ta' diferiment u li jitħallsu mal-vestiment tar-remunerazzjoni varjabbli. Akkumulazzjoni ta' distribuzzjonijiet tkun qed tevita l-punt (g) tal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE rigward il-proporzjon bejn il-komponenti varjabbli u fissi tar-remunerazzjoni u l-prinċipju fil-punt (m) ta' dak l-Artikolu li r-remunerazzjoni pagabbli skont arranġamenti ta' diferiment ma tiġix vestita b'rata ogħla minn bażi prorata. Għaldaqstant, distribuzzjonijiet li jsiru wara l-vestiment tal-istrument ma għandhomx jaqbżu r-rati tas-suq. Dan għandu jiġi żgurat billi jintalab li l-istrumenti użati għar-remunerazzjoni varjabbli, jew l-istrumenti li huma marbutin magħhom, jinħarġu l-iktar għal investituri oħrajn, jew billi jintalab li t-tali strumenti jkunu soġġetti għal limitu massimu fuq id-distribuzzjonijiet.

(10)

Ir-rekwiżiti ta' diferiment u retenzjoni li japplikaw għall-għotjiet ta' remunerazzjoni varjabbli skont l-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jridu jiġu ssodisfati kull meta jkun urelevanti, inkluż meta l-istrumenti użati għar-remunerazzjoni varjabbli jiġu eżerċitati, jinfdew, jiġu riakkwistati jew konvertiti. Għalhekk, f'dawn is-sitwazzjonijiet l-istrumenti għandhom jitpartu ma' Strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħrajn li jirriflettu l-kwalità kredizja tal-istituzzjoni bħala negozju avvjat, għandhom karatteristiċi ekwivalenti għal dawk tal-istrument mogħti fil-bidu, u huma tal-istess valur, filwaqt li jiġi kkunsidrat kwalunkwe ammont li tniżżel fil-valur. Meta strumenti li mhumiex strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali jkollhom data ta' maturità fissa, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-maturità li jifdal tat-tali strumenti li taw sabiex jiġi żgurat li huma konsistenti mar-rekwiżiti dwar il-perjodi ta' diferiment u retenzjoni għal remunerazzjoni varjabbli.

(11)

Id-Direttiva 2013/36/UE ma tillimitax il-klassijiet ta' strumenti li jistgħu jintużaw għal remunerazzjoni varjabbli lil klassi speċifika ta' strumenti finanzjarji. Għandu jkun possibbli li jintużaw strumenti sintetiċi jew kuntratti bejn membri tal-persunal u istituzzjonijiet li huma marbutin ma' strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali li jistgħu jiġu konvertiti jew jitniżżlu fil-valur bis-sħiħ. Dan jippermetti sabiex jiddaħħlu kundizzjonijiet speċifiċi fit-termini tat-tali strumenti li japplikaw biss għal strumenti mogħtijin lill-persunal, mingħajr il-bżonn li jiġu imposti kundizzjonijiet fuq investituri oħrajn.

(12)

F'kuntest ta' grupp, il-ħarġiet jistgħu jiġu mmaniġġjati b'mod ċentrali fi ħdan impriża prinċipali. L-istituzzjonijiet fi ħdan it-tali grupp ma jistgħux, għalhekk, dejjem joħorġu strumenti li huma xierqa sabiex jintużaw għall-fini ta' remunerazzjoni varjabbli. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti sabiex strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali maħruġin minn entità fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-konsolidazzjoni jagħmlu parti mill-fondi proprji ta' istituzzjoni soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, għandu jkun possibbli li tali strumenti jintużaw għall-fini ta' remunerazzjoni varjabbli, diment li jkun hemm rabta ċara bejn il-kwalità kredizja tal-istituzzjoni li tuża dawn l-istrumenti għall-fini ta' remunerazzjoni varjabbli u l-kwalità kredizja tal-emittent tal-istrument. Normalment jista' jiġi supponut li rabta bħal din teżiti bejn impriża prinċipali u sussidjarja. Strumenti oħrajn li mhumiex strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 li ma jinħarġux direttament minn istituzzjoni għandhom ikunu kapaċi jintużaw għal remunerazzjoni varjabbli, soġġetti għal kundizzjonijiet ekwivalenti. Strumenti li huma marbutin ma' strumenti ta' referenza maħruġin minn impriżi prinċipali f'pajjiżi terzi u li huma ekwivalenti għal strumenti tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 Addizzjonali għandhom ikunu eliġibbli sabiex jintużaw għall-finijiet ta' remunerazzjoni varjabbli jekk l-event skattatur jirreferi għall-istituzzjoni li tuża strument sintetiku bħal dan.

(13)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) lill-Kummissjoni Ewropea.

(14)

L-ABE organizzat konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 20.05.2014 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014R0527
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.