Artikolu 15
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2009. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn il-miżuri minnufih lill-Kummissjoni.
Minkejja l-ewwel paragrafu, l-Istati Membri li fl-1 ta’ Lulju 2006 kellhom fis-seħħ miżuri nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu l-ħatra ta’ prokuratur fil-każ ta’ l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, punt (ii), għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 10(3) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din il-limitazzjoni jew projbizzjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2012.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni n-numru ta’ ġranet speċifikat skond l-Artikolu 6(3) u 7(3), u kull bidla sussegwenti għalih lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom mehmuz magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta’ tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.