Is-superviżur tal-grupp jista’ jiddeċiedi każ każ biex ma jinkludix impriża fis-superviżjoni tal-grupp imsemmija fl-Artikolu 213 fejn:
(a)
l-impriża tkun tinstab f’pajjiż terz fejn hemm impedimenti legali għat-trasferiment tal-informazzjoni neċessarja, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 229;
(b)
l-impriża li għandha tiġi inkluża hija ta’ interess negliġibbli fir-rigward tal-għanijiet tas-superviżjoni tal-grupp; jew
(ċ)
l-inklużjoni tal-impriża ma tkunx xierqa jew tiżgwida fir-rigward tal-għanijiet tas-superviżjoni tal-grupp.
Madankollu, fejn bosta impriżi tal-istess grupp, meħuda individwalment, jistgħu jiġu esklużi skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, dawn għandhom manadanakollu jiġu inklużi, jekk kollettivament, ikunu ta’ interess mhux negliġġibli.
Fejn is-superviżur tal-grupp ikun tal-fehma li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni m’għandhiex tkun inkluża taħt il-punti (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati qabel jieħu deċiżjoni.
Fejn is-superviżur tal-grupp ma jinkludix impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fis-superviżjoni tal-grupp taħt il-punti (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru li fih tkun tinsab dik l-impriża jistgħu jitolbu l-impriża li tkun fit-tmexxija tal-grupp għal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiffaċilita s-superviżjoni tagħhom tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata.