+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1)
,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1)
|
L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jistabbilixxi suq intern li jaħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, ibbażat fost affarijiet oħra fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent.
|
|
(2)
|
Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-‘Aġenda 2030’). L-Aġenda 2030 għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) u tkopri t-tliet dimensjonijiet ta’ sostenibbiltà: dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli torbot l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-livell dinji, jieħdu inkonsiderazzjoni l-SDGs mill-bidu nett. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effettiv, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab u partijiet ikkonċernati oħrajn. Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’.
|
|
(3)
|
Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) kien ġie approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (3). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi għandu l-objettiv li jsaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima billi jagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors li jwassal għal livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għall-klima, fost metodi oħra. F’dak il-kuntest, fit-12 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar it-tibdil fil-klima. Fid-dawl ta’ dan, dan ir-Regolament jirrappreżenta pass ewlieni lejn l-objettiv li l-Unjoni ssir newtrali għall-klima sal-2050.
|
|
(4)
|
Is-sostenibbiltà u t-transizzjoni lejn ekonomija sigura, newtrali għall-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, li tkun aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li tkun ċirkolari, huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sostenibbiltà ilha ħafna fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni, u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirriflettu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha.
|
|
(5)
|
F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni nkarigat Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli biex jiżviluppa strateġija globali u komprensiva tal-Unjoni għall-finanzjament sostenibbli. Ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ppubblikat fil-31 ta’ Jannar 2018 jappella għall-ħolqien ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni teknikament robusta fil-livell tal-Unjoni biex tiġi stabbilita ċarezza dwar liema attivitajiet jikkwalifikaw bħala “ekoloġiċi” jew “sostenibbli”, bl-ewwel waħda fosthom li tkun il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
|
|
(6)
|
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, li vara strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti f’dak il-pjan ta’ azzjoni huwa r-riorjentament tal-flussi tal-kapital lejn investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklussiv. L-istabbiliment ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata għal attivitajiet sostenibbli hija l-azzjoni l-aktar importanti u urġenti prevista mill-pjan ta’ azzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi li l-bidla fid-direzzjoni tal-flussi tal-kapital lejn attivitajiet iktar sostenibbli trid tkun mirfuda minn fehim kondiviż, olistiku tas-sostenibbiltà ambjentali ta’ attivitajiet u investimenti. Bħala l-ewwel pass, gwida ċara dwar l-attivitajiet li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali tgħin biex l-investituri jiġu infurmati dwar l-investimenti li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Gwida ulterjuri dwar attivitajiet li jikkontribwixxu għal objettivi oħrajn marbutin mas-sostenibbiltà, inklużi objettivi soċjali, tista’ tiġi żviluppata fi stadju aktar tard.
|
|
(7)
|
Minħabba n-natura sistemika tal-isfidi ambjentali globali, hemm il-ħtieġa ta’ approċċ sistemiku u li jħares ’il quddiem lejn sostenibbiltà ambjentali, li jindirizza xejriet negattivi li qed jikbru, bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, il-konsum żejjed globali tar-riżorsi, l-iskarsezza ta’ ikel, it-tnaqqis tal-ożonu, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, id-deterjorazzjoni tas-sistema tal-ilma ħelu, u l-bidla fis-sistema tal-art kif ukoll id-dehra ta’ theddid ġdid, bħal sustanzi kimiċi perikolużi u l-effetti kkombinati tagħhom.
|
|
(8)
|
Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tagħmel sejħa għal żieda fil-finanzjament mis-settur privat għal infiq ambjentali u dak marbut mal-klima, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ inċentivi u metodoloġiji li jixprunaw lill-kumpaniji biex ikejlu l-kost ambjentali tan-negozju tagħhom u l-profitt derivat mill-użu ta’ servizzi ambjentali.
|
|
(9)
|
Il-kisba tal-SDGs fl-Unjoni teħtieġ li l-flussi ta’ kapital jiġu kanalizzati lejn investimenti sostenibbli. Huwa importanti li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq intern għall-kisba ta’ dawk l-għanijiet. F’dak il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew ostakli għall-moviment effiċjenti ta’ kapital f’investimenti sostenibbli fis-suq intern u li ma jitħallewx jitfaċċaw ostakli ġodda.
|
|
(10)
|
Fid-dawl tal-iskala tal-isfida u l-ispejjeż assoċjati ma’ nuqqas ta’ azzjoni jew ma’ azzjoni tardiva, jenħtieġ li s-sistema finanzjarja tiġi adattata gradwalment biex tappoġġa l-funzjonament sostenibbli tal-ekonomija. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-finanzjament sostenibbli jsir ewlieni fil-proċess u jenħtieġ li jitqies l-impatt fir-rigward tas-sostenibbiltà ta’ prodotti u s-servizzi finanzjarji.
|
|
(11)
|
Mod effettiv kif l-investiment privat jiġi kanalizzat lejn attivitajiet sostenibbli huwa li jsiru disponibbli prodotti finanzjarji li għandhom l-għan li jiksbu objettivi ambjentalment sostenibbli. Ir-rekwiżiti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi bħala investimenti ambjentalment sostenibbli, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Unjoni biex jippermettu lil parteċipanti fis-swieq finanzjarji u emittenti jużaw tikketti nazzjonali, għandhom l-għan li jsaħħu l-fiduċja tal-investituri u s-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt ambjentali ta’ dawk il-prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi, li joħolqu viżibbiltà u jindirizzaw it-tħassib dwar “greenwashing”. Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, il-greenwashing hija prattika fejn jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust permezz tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott finanzjarju bħala ekoloġiku, meta fil-fatt ma jkunux sodisfatti standards ambjentali bażiċi. Bħalissa ftit Stati Membri għandhom fis-seħħ skemi ta’ tikkettar. Dawk l-iskemi eżistenti huma bbażati fuq sistemi differenti ta’ klassifikazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Fid-dawl tal-impenji politiċi taħt il-Ftehim ta’ Pariġi u fil-livell tal-Unjoni, huwa probabbli li aktar u aktar Stati Membri ser jistabbilixxu skemi ta’ tikkettar jew jimponu rekwiżiti oħrajn fil-konfront ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew ta’ emittenti fir-rigward tal-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi bħala ambjentalment sostenibbli. F’tali każijiet, l-Istati Membri jużaw is-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tagħhom stess sabiex jiddeterminaw liema investimenti jikkwalifikaw bħala sostenibbli. Jekk dawk l-iskemi nazzjonali ta’ tikkettar jew rekwiżiti nazzjonali jużaw kriterji differenti biex jiġi determinat liema attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli, l-investituri jkunu skoraġġuti milli jinvestu fil-livell transkonfinali minħabba diffikultajiet fil-paragun ta’ opportunitajiet differenti ta’ investiment. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jattiraw l-investiment minn madwar l-Unjoni jkollhom jissodisfaw kriterji differenti fi Stati Membri differenti sabiex l-attivitajiet tagħhom jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli. In-nuqqas ta’ kriterji komuni b’hekk iżid l-ispejjeż u jiskoraġġixxi b’mod sinifikanti lill-operaturi ekonomiċi milli jaċċessaw swieq kapitali transkonfinali għall-iskop ta’ investiment sostenibbli.
|
|
(12)
|
Il-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli jenħtieġ li jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex jitneħħew l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta’ fondi għal proġetti ta’ sostenibbiltà, u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jitfaċċaw ostakli għal tali proġetti. B’din l-armonizzazzjoni, l-operaturi ekonomiċi jsibuha aktar faċli li jiġġeneraw finanzjament, fil-livell transkonfinali, għall-attivitajiet ambjentalment sostenibbli tagħhom, minħabba li l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ikunu jistgħu jiġu pparagunati ma’ kriterji uniformi sabiex jintgħażlu bħala assi sottostanti għal investimenti ambjentalment sostenibbli. B’hekk tali armonizzazzjoni tiffaċilita l-investiment sostenibbli fil-livell transkonfinali fi ħdan l-Unjoni.
|
|
(13)
|
Jekk il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji ma jagħtu l-ebda spjegazzjoni lill-investituri dwar kif l-attivitajiet li jinvestu fihom jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali, jew jekk il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jużaw kunċetti differenti fl-ispjegazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ xi tkun attività ekonomika ambjentalment sostenibbli, l-investituri ser isibuha ta’ piż b’mod sproporzjonat li jivverifikaw u jipparagunaw prodotti finanzjarji differenti. Instab li tali prattiki jiskoraġġixxu lill-investituri milli jinvestu fi prodotti finanzjarji ambjentalment sostenibbli. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ fiduċja tal-investituri għandu impatt negattiv kbir fuq is-suq għall-investiment sostenibbli. Intwera wkoll li regoli nazzjonali u inizjattivi bbażati fuq is-suq meħudin biex tiġi indirizzata dik il-kwistjoni fi ħdan il-fruntieri nazzjonali jwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern. Jekk il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jiddivulgaw kif u sa liema punt il-prodotti finanzjarji li jsiru disponibbli bħala ambjentalment sostenibbli jinvestu f’attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli taħt dan ir-Regolament, u jekk il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għal tali divulgazzjoni jużaw kriterji komuni madwar l-Unjoni, dan jgħin lill-investituri jipparagunaw opportunitajiet bejn il-fruntieri u jinċentiva lil kumpanniji li jsir investiment fihom biex jagħmlu l-mudelli kummerċjali tagħhom aktar ambjentalment sostenibbli. Barra minn hekk, l-investituri jinvestu fi prodotti finanzjarji ambjentalment sostenibbli b’aktar fiduċja madwar l-Unjoni, u b’hekk jitjieb il-funzjonament tas-suq intern.
|
|
(14)
|
Biex jindirizzaw l-ostakli eżistenti fil-funzjonament tas-suq intern u biex jevitaw li tali ostakli jitfaċċaw fil-futur, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jiġu rikjesti jużaw kunċett komuni ta’ investiment ambjentalment sostenibbli meta jintroduċu rekwiżiti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni fir-rigward ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew ta’ emittenti għall-finijiet ta’ tikkettar ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi li jkunu kummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli. Sabiex ikunu evitati l-frammentazzjoni tas-suq u ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u tal-investituri bħala riżultat ta’ ideat diverġenti ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, rekwiżiti nazzjonali li magħhom il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew l-emittenti ikollhom jikkonformaw biex jikkummerċjalizzaw prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi bħala ambjentalment sostenibbli jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kriterji uniformi għall-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Tali parteċipanti fis-swieq finanzjarji u emittenti jinkludu parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jagħmlu disponibbli prodotti finanzjarji ambjentalment sostenibbli u kumpanniji mhux finanzjarji li joħorġu bonds korporattivi ambjentalment sostenibbli.
|
|
(15)
|
L-istabbiliment ta’ kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli jista’ jħeġġeġ lill-atturi ekonomiċi li mhumiex koperti b’dan ir-Regolament biex, fuq bażi volontarja, jippubblikaw u jiddivulgaw fis-siti web tagħhom informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli li huma jwettqu. Dik l-informazzjoni tgħin mhux biss lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u atturi rilevanti oħrajn fis-swieq finanzjarji biex jidentifikaw faċilment liema operaturi ekonomiċi jwettqu attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, iżda tagħmilha wkoll aktar faċli għal dawk l-operaturi ekonomiċi biex jiġġeneraw finanzjament għall-attivitajiet ambjentalment sostenibbli tagħhom.
|
|
(16)
|
Klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli fil-livell tal-Unjoni mistennija tiffaċilita l-iżvilupp ta’ politiki futuri tal-Unjoni f’appoġġ għall-finanzjament sostenibbli, inklużi standards fl-Unjoni kollha għal prodotti finanzjarji ambjentalment sostenibbli u l-istabbiliment eventwali ta’ tikketti li jirrikonoxxu formalment il-konformità ma’ dawk l-istandards madwar l-Unjoni. Din tista’ wkoll isservi bħala l-bażi għal miżuri ekonomiċi u regolatorji oħra. Rekwiżiti legali uniformi għad-determinazzjoni tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-investimenti, abbażi ta’ kriterji uniformi għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, huma meħtieġa bħala referenza għal-liġi futura tal-Unjoni li jkollha l-għan li tiffaċilita l-bidla direzzjonali tal-investiment lejn attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.
|
|
(17)
|
Fil-kuntest tal-kisba tal-SDGs fl-Unjoni, l-għażliet ta’ politika, bħall-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kienu effettivi biex jikkontribwixxu għall-kanalizzazzjoni ta’ investiment privat, flimkien man-nefqa pubblika, lejn investimenti sostenibbli. Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jispeċifika mira ta’ investiment relatat mal-klima ta’ 40 % għal proġetti ta’ infrastruttura u ta’ innovazzjoni taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-kriterji komuni biex jiġi determinat jekk attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikawx bħala sostenibbli, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, jistgħu jservu ta’ pedament għal inizjattivi futuri simili tal-Unjoni għall-mobilizzazzjoni ta’ investiment li jkollu objettivi marbuta mal-klima jew objettivi ambjentali oħra.
|
|
(18)
|
Sabiex tiġi evitata ħsara lill-interessi tal-investituri, il-maniġers tal-fondi u l-investituri istituzzjonali li jagħmlu disponibbli prodotti finanzjarji jenħtieġ li jiddivulgaw kif u sa fejn huma jużaw il-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli biex tiġi determinata s-sostenibbiltà ambjentali tal-investimenti tagħhom. L-informazzjoni ddivulgata jenħtieġ li tgħin lill-investituri jifhmu l-proporzjon tal-investimenti sottostanti għall-prodott finanzjarju f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli bħala perċentwal tal-investimenti kollha sottostanti għal dak il-prodott finanzjarju, u b’hekk tgħin lill-investituri jifhmu l-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-investiment. Fejn l-investimenti sottostanti għall-prodott finanzjarju jkunu f’attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għal objettiv ambjentali, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata jenħtieġ li tispeċifika l-objettiv jew objettivi ambjentali li għalihom jikkontribwixxi l-investiment sottostanti għall-prodott finanzjarju, kif ukoll kif u sa liema punt l-investimenti sottostanti għall-prodott finanzjarju jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u jenħtieġ li tinkludi dettalji dwar il-proporzjonijiet rispettivi tal-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni u transizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi ddivulgata f’dak ir-rigward. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jivverifikaw faċilment il-konformità ma’ dak l-obbligu ta’ divulgazzjoni, u jinfurzaw tali konformità taħt il-liġi nazzjonali applikabbli. Fejn il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji ma jiħdux kont tal-kriterji għal investimenti ambjentalment sostenibbli, jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni għal dak il-għan. Sabiex l-obbligu ta’ divulgazzjoni ma jiġix evitat, jenħtieġ li dak l-obbligu japplika wkoll fejn il-prodotti finanzjarji jkunu kummerċjalizzati bħala li jippromwovu karatteristiċi ambjentali, inklużi dawk il-prodotti finanzjarji li l-objettiv tagħhom ikun il-protezzjoni ambjentali fis-sens wiesa’.
|
|
(19)
|
L-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament jissupplimentaw ir-regoli dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Biex tissaħħaħ it-trasparenza u jiġi pprovdut punt ta’ paragun oġġettiv għall-investituri aħħarin mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji dwar il-proporzjon ta’ investimenti li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli dwar it-trasparenza f’divulgazzjonijiet prekuntrattwali u f’rapporti perjodiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Id-definizzjoni ta’ “investiment sostenibbli” fir-Regolament (UE) 2019/2088 tinkludi investimenti f’attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għal objettiv ambjentali li, fost l-oħrajn, jenħtieġ li jinkludi investimenti f’“attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli” fis-sens ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/2088 jikkunsidra investiment bħala investiment sostenibbli jekk ma jagħmel ħsara sinifikanti lil ebda objettiv ambjentali jew soċjali kif stipulat f’dak ir-Regolament.
|
|
(20)
|
Sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà, il-konsistenza u l-komparabbiltà ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji, id-divulgazzjonijiet taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jużaw indikaturi tas-sostenibbiltà eżistenti sa fejn ikun fattibbli kif propost mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzjament sostenibbli (7). F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, sa fejn ikun fattibbli, ikunu bbażati fuq l-indikaturi tas-sostenibbiltà li huma msemmija fir-Regolament (UE) 2019/2088.
|
|
(21)
|
Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn impriżi li mhumiex meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni taħt dan ir-Regolament, jista’ jkun hemm każijiet eċċezzjonali fejn il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji ma jistgħux jiksbu b’mod raġonevoli l-informazzjoni rilevanti biex jiddeterminaw b’mod affidabbli l-allinjament mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti taħt dan ir-Regolament. F’tali każijiet eċċezzjonali u unikament għal dawk l-attivitajiet ekonomiċi li għalihom ma setgħetx tinkiseb informazzjoni kompluta, affidabbli u f’waqtha, jenħtieġ li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkunu jistgħu jwettqu valutazzjonijiet u stimi komplementari abbażi ta’ informazzjoni minn sorsi oħra. Tali valutazzjonijiet u stimi jenħtieġ li jikkumpensaw biss għal partijiet limitati u speċifiċi tal-elementi tad-data mixtieqa, u jipproduċu eżitu prudenti. Sabiex jiġi żgurat li d-divulgazzjoni lill-investituri tkun ċara u mhux qarrieqa, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li jispjegaw b’mod ċar il-bażi għall-konklużjonijiet tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn kellhom jagħmlu tali valutazzjonijiet u stimi komplementari għall-finijiet ta’ divulgazzjoni lill-investituri aħħarin.
|
|
(22)
|
Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar “Linji gwida dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju: Suppliment dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni relatata mal-klima”, il-Kummissjoni tirrakkomanda li ċerti kumpanniji kbar jirrappurtaw dwar ċerti indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin relatati mal-klima (KPIs, key performance indicators) li huma bbażati fuq il-qafas stabbilit minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-proporzjon tal-fatturat, in-nefqa tal-kapital (CapEx, capital expenditure) jew in-nefqa operattiva (OpEx, operating expenditure) ta’ tali kumpanniji mhux finanzjarji kbar li jkunu assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, kif ukoll il-KPIs li jkunu mfassla apposta għal kumpanniji finanzjarji kbar, hija utli għall-investituri li huma interessati f’kumpanniji li l-prodotti u s-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi ambjentali stabbiliti f’dan ir-Regolament. Huwa għalhekk xieraq li tkun meħtieġa l-pubblikazzjoni annwali ta’ tali KPIs minn tali kumpanniji kbar u li dak ir-rekwiżit jiġi definit aktar f’atti delegati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpanniji finanzjarji kbar. Filwaqt li jkun ta’ piż sproporzjonat li tali rekwiżit jiġi estiż għal kumpanniji li jkunu iżgħar, il-kumpanniji li jkunu iżgħar jistgħu volontarjament jiddeċiedu li jippubblikaw tali informazzjoni.
|
|
(23)
|
Sabiex tiġi determinata s-sostenibbiltà ambjentali ta’ attività ekonomika speċifika, jenħtieġ li titwaqqaf lista eżawrjenti ta’ objettivi ambjentali. Is-sitt objettivi ambjentali li dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri huma: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil fil-klima; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; it-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.
|
|
(24)
|
Attività ekonomika li għandha bħala objettiv ambjentali l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jenħtieġ li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi tevitahom jew tnaqqashom jew billi ssaħħaħ l-assorbimenti ta’ gassijiet serra. L-attività ekonomika jenħtieġ li tkun konsistenti mal-mira fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak l-objettiv ambjentali jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).
|
|
(25)
|
Attività ekonomika li għandha bħala objettiv ambjentali l-adattament għat-tibdil fil-klima jenħtieġ li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tnaqqis jew il-prevenzjoni tal-impatt negattiv tal-klima attwali jew mistennija fil-futur, jew tar-riskji ta’ tali impatt negattiv, kemm jekk fuq dik l-attività nnifisha kif ukoll jekk fuq persuni, in-natura jew assi. Dak l-objettiv ambjentali jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030.
|
|
(26)
|
L-objettiv ambjentali tal-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttivi 2000/60/KE (10), 2006/7/KE (11), 2006/118/KE (12), 2008/56/KE (13) u 2008/105/KE (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE (15), 91/676/KEE (16) u 98/83/KE (17) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848 (18) u skont il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 bit-titolu “Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perijodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea”, tal-14 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” u tal-11 ta’ Marzu 2019 bit-titolu “Approċċ strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-farmaċewtiċi fl-ambjent”.
|
|
(27)
|
L-objettiv ambjentali tat-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma tal-ekonomija ċirkolari, tal-iskart u tas-sustanzi kimiċi, inklużi r-Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 (19), (KE) Nru 1907/2006 (20) u (UE) 2019/1021 (21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi 94/62/KE (22), 2000/53/KE (23), 2006/66/KE (24), 2008/98/KE (25), 2010/75/UE (26), 2011/65/UE (27), 2012/19/UE (28), (UE) 2019/883 (29) u (UE) 2019/904 (30) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (31), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 (32) u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2000/532/KE (33) u 2014/955/UE (34), u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 bit-titolu “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari” u tas-16 ta’ Jannar 2018 bit-titolu “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari”.
|
|
(28)
|
Attività ekonomika tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettiv ambjentali ta’ transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz ta’ diversi modi. Hija tista’, pereżempju, iżżid id-durabbiltà, ir-riparabbiltà, il-kapaċità ta’ titjib fil-kwalità u l-kapaċità tal-użu mill-ġdid ta’ prodotti, jew tista’ tnaqqas l-użu ta’ riżorsi permezz tad-disinn u l-għażla ta’ materjali, tiffaċilita l-użu għal skop ġdid, iż-żarmar u d-dekostruzzjoni fis-settur tal-bini u tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari għat-tnaqqis tal-użu ta’ materjali tal-bini u l-promozzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ materjali tal-bini. Hija tista’ wkoll tikkontribwixxi sostanzjalment għall-objettiv ambjentali ta’ transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tiżviluppa mudelli ta’ negozju “prodott bħala servizz” u ktajjen ċirkolari ta’ valur, bil-għan li l-prodotti, il-komponenti u l-materjali jinżammu fl-ogħla utilità u valur tagħhom għall-itwal żmien possibbli. Jenħtieġ li kwalunkwe tnaqqis tal-kontenut ta’ sustanzi perikolużi fil-materjali u l-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż billi jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar sikuri, ikun, bħala minimu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Attività ekonomika tista’ wkoll tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettiv ambjentali ta’ transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas il-ħela tal-ikel fil-produzzjoni, l-ipproċessar, il-manifattura jew id-distribuzzjoni tal-ikel.
|
|
(29)
|
L-objettiv ambjentali ta’ prevenzjoni u kontroll tat-tniġġis jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi 2000/60/KE, 2004/35/KE (35), 2004/107/KE (36), 2006/118/KE, 2008/50/KE (37), 2008/105/KE, 2010/75/UE, (UE) 2016/802 (38) u (UE) 2016/2284 (39) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
|
|
(30)
|
L-objettiv ambjentali tal-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi jenħtieġ li jiġi interpretat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-Regolamenti (UE) Nru 995/2010 (40), (UE) Nru 511/2014 (41) u (UE) Nru 1143/2014 (42) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (44), id-Direttivi tal-Kunsill 91/676/KEE u 92/43/KEE (45), u skont il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 bit-titolu “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT)”, tat-3 ta’ Mejju 2011 bit-titolu “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, tas-6 ta’ Mejju 2013 bit-titolu “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”, tas-26 ta’ Frar 2016 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi” u tat-23 ta’ Lulju 2019 bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”.
|
|
(31)
|
Attività ekonomika tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettiv ambjentali tal-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, permezz ta’ diversi modi, inkluż billi tipproteġi, tikkonserva jew tirrestawra l-bijodiversità u l-ekosistemi, u b’hekk billi ttejjeb is-servizzi tal-ekosistema. Tali servizzi huma miġbura f’erba’ kategoriji, jiġifieri servizzi ta’ proviżjonament, bħall-proviżjonament tal-ikel u tal-ilma; servizzi ta’ regolamentazzjoni, bħall-kontroll tal-klima u tal-mard; servizzi ta’ appoġġ, bħaċ-ċikli tan-nutrijenti u l-produzzjoni tal-ossiġenu; u servizzi kulturali, bħall-għoti ta’ benefiċċji spiritwali u rikreattivi.
|
|
(32)
|
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ġestjoni sostenibbli tal-foresti” jenħtieġ li jinftiehem billi jittieħed kont tal-prattiki u l-użu ta’ foresti u art tal-foresti li jikkontribwixxu għat-titjib tal-bijodiversità jew għat-twaqqif jew il-prevenzjoni tad-degradazzjoni tal-ekosistemi, id-deforestazzjoni u t-telf ta’ ħabitats, billi jittieħed kont tal-amministrazzjoni u l-użu tal-foresti u tal-art tal-foresti b’mod u b’rata li jħarsu l-bijodiversità, il-produttività, il-kapaċità ta’ riġenerazzjoni, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jissodisfaw, issa u fil-futur, il-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti, fil-livell lokali, nazzjonali u dak globali, u li ma jikkawżawx ħsara lil ekosistemi oħrajn, kif definit fir-Riżoluzzjoni H1 tat-Tieni Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa ta’ 16-17 ta’ Ġunju 1993 f’Helsinki dwar il-Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa kif ukoll billi jittieħed kont tar-Regolamenti (UE) Nru 995/2010 u (UE) 2018/841 (46) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2013 dwar “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”.
|
|
(33)
|
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “effiċjenza fl-użu tal-enerġija” jintuża b’mod wiesa’ u jenħtieġ li jinftiehem billi jittieħed kont tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48) u d-Direttivi 2012/27/UE (49) u (UE) 2018/844 (50) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati taħt id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (51).
|
|
(34)
|
Għal kull objettiv ambjentali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji uniformi biex jiġi determinat jekk attivitajiet ekonomiċi jagħtux kontribut sostanzjali għal dak il-għan. Jenħtieġ li element wieħed tal-kriterji uniformi jkun li tiġi evitata ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali previsti f’dan ir-Regolament. Dan sabiex jiġi evitat li ċerti investimenti jitqiesu ambjentalment sostenibbli f’każijiet fejn l-attivitajiet ekonomiċi li jgawdu minn dawk l-investimenti jikkawżaw ħsara lill-ambjent li taqbeż il-kontribut tagħhom għal objettiv ambjentali. Jenħtieġ li tali kriterji jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi pprovduti minn dik l-attività ekonomika minbarra l-impatti ambjentali tal-istess attività ekonomika, inkluż billi jittieħed kont ta’ evidenza minn valutazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, b’mod partikolari billi jitqiesu l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja tagħhom.
|
|
(35)
|
Filwaqt li jitfakkar l-impenn konġunt tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jiġu segwiti l-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b’appoġġ tat-tkabbir sostenibbli u inklussiv, u b’rikonoxximent tar-rilevanza tal-istandards u d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol minimi internazzjonali, jenħtieġ li l-konformità mas-salvagwardji minimi tkun kundizzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi biex jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli. Għal dik ir-raġuni l-attivitajiet ekonomiċi jenħtieġ li jikkwalifikaw biss bħala ambjentalment sostenibbli fejn jitwettqu f’allinjament mal-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”) dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol, it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO jiddefinixxu d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol li l-impriżi jenħtieġ li jirrispettaw. Bosta minn dawn l-istandards internazzjonali huma minquxa wkoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol furzat u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dawk is-salvagwardji minimi huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti aktar stretti relatati mal-ambjent, is-saħħa, is-sigurtà u s-sostenibbiltà soċjali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, fejn japplikaw. Meta jikkonformaw ma’ dawk is-salvagwardji minimi, jenħtieġ li l-impriżi jaderixxu mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” msemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088, u jieħdu kont tal-istandards tekniċi regolatorji adottati taħt dak ir-Regolament li jispeċifikaw aktar dak il-prinċipju.
|
|
(36)
|
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2019/2088, jenħtieġ li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 biex jagħti mandat lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbiliti mir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 (52), (UE) Nru 1094/2010 (53) u (UE) Nru 1095/2010 (54) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (kollettivament, l-“ESAs”, European Supervisory Authorities) biex b’mod konġunt jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji biex jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-indikaturi ta’ sostenibbiltà b’rabta mal-impatti negattivi kif msemmija fir-Regolament (UE) 2019/2088. Jenħtieġ li jkunu konsistenti wkoll mal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
|
|
(37)
|
Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/2088 jiġi emendat aktar sabiex jagħti mandat lill-ESAs biex permezz tal-Kumitat Konġunt jabbozzaw standards tekniċi regolatorji biex jissupplimentaw ir-regoli dwar it-trasparenza fil-promozzjoni ta’ karatteristiċi ambjentali u ta’ investimenti ambjentalment sostenibbli f’divulgazzjonijiet prekuntrattwali u f’rapporti perjodiċi.
|
|
(38)
|
Fid-dawl tad-dettalji tekniċi speċifiċi meħtieġa biex jiġi vvalutat l-impatt ambjentali ta’ attività ekonomika u n-natura li qed tinbidel b’rata mgħaġġla kemm tax-xjenza kif ukoll tat-teknoloġija, jenħtieġ li l-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli jiġu adattati regolarment biex jirriflettu tali tibdil. Biex il-kriterji jkunu aġġornati, abbażi tal-evidenza xjentifika u l-kontribut minn esperti kif ukoll minn partijiet ikkonċernati rilevanti, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għal “kontribut sostanzjali” u “ħsara sinifikanti” jiġu speċifikati b’aktar granularità għal attivitajiet ekonomiċi differenti u jenħtieġ li jiġu aġġornati regolarment. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar granulari u kalibrati, għall-attivitajiet ekonomiċi differenti, abbażi ta’ input tekniku minn pjattaforma dwar il-finanzjament sostenibbli b’diversi partijiet ikkonċernati.
|
|
(39)
|
Ċerti attivitajiet ekonomiċi għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent, u t-tnaqqis ta’ tali impatt negattiv jista’ jagħti kontribut sostanzjali għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar. Għal dawk l-attivitajiet ekonomiċi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jeħtieġu titjib sostanzjali fil-prestazzjoni ambjentali meta mqabbla ma’, fost l-oħrajn, il-medja tal-industrija, iżda li fl-istess ħin jevitaw effetti ta’ intrappolament ambjentalment dannuż, inklużi effetti ta’ intrappolament intensiv ta’ karbonju, matul il-ħajja ekonomika tal-attività ekonomika ffinanzjata. Jenħtieġ li dawk il-kriterji jikkunsidraw ukoll l-impatt fit-tul ta’ attività ekonomika speċifika.
|
|
(40)
|
Jenħtieġ li attività ekonomija ma tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli jekk tikkawża aktar ħsara lill-ambjent mill-benefiċċji li ġġib magħha. Jenħtieġ li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jidentifikaw ir-rekwiżiti minimi meħtieġa biex tiġi evitata ħsara sinifikanti għal objettivi oħra, inkluż billi jibnu fuq kwalunkwe rekwiżit minimu stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni. Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq l-evidenza xjentifika disponibbli, jiġu żviluppati billi jittieħed kont ta’ kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi valutazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, u jiġu aġġornati b’mod regolari. Fejn l-evalwazzjoni xjentifika ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ riskju b’ċertezza suffiċjenti, jenħtieġ li japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni, f’konformità mal-Artikolu 191 TFUE.
|
|
(41)
|
Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-objettiv ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont ta’, u tipprovdi inċentivi għal, it-transizzjoni kurrenti u meħtieġa lejn ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament. Minbarra l-użu tal-enerġija newtrali għall-klima u aktar investimenti f’attivitajiet u setturi ekonomiċi li diġà għandhom livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, it-transizzjoni tirrikjedi tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’attivitajiet u setturi ekonomiċi oħra fejn m’hemmx alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju teknoloġikament u ekonomikament vijabbli. Dawk l-attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jekk l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra jkunu sostanzjalment aktar baxxi mill-medja tas-settur jew tal-industrija, ma jfixklux l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ma jwasslux għal intrappolament ta’ assi inkompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika, b’qies tal-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal tali attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-attivitajiet ta’ transizzjoni jkollhom perkors kredibbli lejn in-newtralità klimatika, u jenħtieġ li jiġu aġġustati kif meħtieġ f’intervalli regolari.
|
|
(42)
|
Jenħtieġ li attività ekonomika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali stabbiliti f’dan ir-Regolament fejn hija direttament tiffaċilita attivitajiet oħra li jagħmlu kontribut sostanzjali għal wieħed jew aktar minn dawk l-objettivi. Jenħtieġ li tali attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ma jwasslux għal intrappolament ta’ assi li jimmina l-għanijiet ambjentali fit-tul, b’qies tal-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi, u jenħtieġ li jkollhom impatt ambjentali pożittiv sostanzjali fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja.
|
|
(43)
|
Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-Regolamenti (KE) Nru 1221/2009 (55) u (KE) 66/2010 (56) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE (57) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar”. Sabiex jiġu evitati inkonsistenzi mhux neċessarji bil-klassifikazzjonijiet tal-attivitajiet ekonomiċi li diġà jeżistu għal għanijiet oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont ukoll tal-klassifikazzjonijiet tal-istatistika marbuta mas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, prinċipalment il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet għall-protezzjoni ambjentali (CEPA, classification of environmental protection activities) u l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi (CReMA, classification of resource management activities) tar-Regolament (UE) Nru 538/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (58). Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont tal-indikaturi ambjentali eżistenti u l-oqfsa tar-rapportar, żviluppati minn, fost l-oħrajn, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u l-istandards internazzjonali eżistenti, bħal dawk żviluppati minn, fost l-oħrajn, l-OECD.
|
|
(44)
|
Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont ukoll l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-infrastruttura, u jenħtieġ li tieħu kont ta’ esternalitajiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi f’analiżi li tqis il-kost vis-à-vis l-benefiċċju. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi 2001/42/KE (59), 2011/92/UE (60), 2014/23/UE (61), 2014/24/UE (62) u 2014/25/UE (63) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-istandards u l-metodoloġija attwali, kif ukoll il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jippromwovu l-oqfsa ta’ governanza adatti li jintegraw il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza kif imsemmija fil-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli li huma appoġġati min-Nazzjonijiet Uniti f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett.
|
|
(45)
|
Jenħtieġ li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jiżguraw li l-attivitajiet ekonomiċi f’settur speċifiku jistgħu jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli u jiġu trattati indaqs jekk jikkontribwixxu b’mod indaqs lejn wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-kapaċità potenzjali ta’ kontribuzzjoni lejn dawk l-objettivi ambjentali tista’ tvarja fost is-setturi, u dan jenħtieġ li jiġi rifless f’dawk il-kriterji. Madankollu, fi ħdan kull settur, jenħtieġ li dawk il-kriterji ma jiżvantaġġawx inġustament lil ċerti attivitajiet ekonomiċi fil-konfront ta’ oħrajn jekk dawk tal-ewwel jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali bl-istess mod bħal dawk tal-aħħar.
|
|
(46)
|
Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal attivitajiet ambjentalment sostenibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk dawk il-kriterji li ġew stabbiliti jwasslux għal assi li ma jibqgħux użabbli jew jirriżultawx f’inċentivi inkonsistenti, jew ikollhomx xi impatt negattiv ieħor fuq is-swieq finanzjarji.
|
|
(47)
|
Sabiex tevita spejjeż għall-konformità wisq onerużi fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jipprevedu ċertezza legali suffiċjenti, li jkunu prattiċi u b’applikazzjoni faċli, u li għalihom tista’ tiġi vverifikata l-konformità f’limiti raġonevoli ta’ spejjeż ta’ konformità, biex b’hekk jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jistgħu jirrikjedu t-twettiq ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fejn prattikabbli u meħtieġ b’mod suffiċjenti.
|
|
(48)
|
Sabiex tiżgura li l-investimenti jkunu kanalizzati lejn attivitajiet ekonomiċi li jkollhom l-akbar impatt pożittiv fuq l-objettivi ambjentali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti prijorità lit-twaqqif ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi li għandhom il-potenzjal li jagħtu l-akbar kontribut lill-objettivi ambjentali.
|
|
(49)
|
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi adegwati ta’ skrinjar għas-settur tat-trasport, inkluż għal assi mobbli. Jenħtieġ li dawk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jieħdu kont tal-fatt li s-settur tat-trasport, inkluż it-trasport marittimu internazzjonali, jikkontribwixxi mas-26 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra totali fl-Unjoni. Kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament ta’ Tkabbir Sostenibbli, is-settur tat-trasport jirrappreżenta madwar 30 % tal-investiment annwali addizzjonali meħtieġ għall-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni, pereżempju għaż-żieda tal-elettrifikazzjoni jew għall-appoġġ ta’ transizzjoni lejn metodi aktar nodfa ta’ trasport permezz tal-promozzjoni ta’ bidla modali u ta’ ġestjoni aħjar tat-traffiku.
|
|
(50)
|
Meta jiġu żviluppati l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa f’konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Jenħtieġ li l-proċess għall-iżvilupp u l-aġġornament tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u jibbaża ruħu fuq il-parir ta’ espertili jkollhom għarfien u esperjenza ppruvata fl-oqsma rilevanti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni twaqqaf Pjattaforma dwar il-Finanzjament Sostenibbli (“il-Pjattaforma”). Jenħtieġ li l-Pjattaforma tkun iffurmata minn esperti li jirrappreżentaw kemm lis-settur privat kif ukoll lis-settur pubbliku. Jenħtieġ li l-esperti tas-settur pubbliku jinkludu rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, mill-ESAs, mill-Bank Ewropew għall-Investiment u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Jenħtieġ li esperti tas-settur privat jinkludu rappreżentanti ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji u mhux finanzjarji u tas-setturi tan-negozju, li jirrappreżentaw l-industriji rilevanti, u persuni b’kompetenza esperta kontabilistika u ta’ rapportar. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tinkludi wkoll esperti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, inklużi esperti fil-qasam ta’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali, tax-xogħol u ta’ governanza. Jenħtieġ li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkunu mħeġġa jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk iqisu li jenħtieġ li attività ekonomika li ma tissodisfax il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jew li għaliha għad ma ġewx stabbiliti kriterji, tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli, biex jgħinu lill-Kummissjoni tevalwa jekk ikunx xieraq tikkumplimenta jew taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar
|
|
(51)
|
Jenħtieġ li l-Pjattaforma tkun kostitwita f’konformità mar-regoli orizzontali applikabbli dwar il-ħolqien u l-operazzjoni tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-proċess tal-għażla. Il-proċess tal-għażla jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ għarfien espert, bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi, kif ukoll rappreżentanza bilanċjata tal-għarfien u l-kompetenzi rilevanti, filwaqt li jittieħed kont tal-kompiti speċifiċi tal-Pjattaforma. Matul il-proċess tal-għażla, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni f’konformità ma’ dawk ir-regoli orizzontali biex tiddetermina jekk jeżistux kunflitti ta’ interess potenzjali u jenħtieġ li tieħu l-miżuri adatti biex tirriżolvi kwalunkwe tali kunflitt.
|
|
(52)
|
Jenħtieġ li l-Pjattaforma tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp, l-analiżi u r-reviżjoni ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar, inkluż l-impatt potenzjali ta’ tali kriterji fuq il-valutazzjoni ta’ assi li jikkwalifikaw bħala assi ambjentalment sostenibbli skont il-prattiki tas-suq attwali. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tagħti pariri wkoll lill-Kummissjoni dwar jekk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar humiex adatti għall-użu f’inizjattivi futuri tal-politika tal-Unjoni mmirati lejn il-faċilitazzjoni ta’ investiment sostenibbli u dwar ir-rwol possibbli ta’ standards ta’ kontabbiltà u rappurtar tas-sostenibbiltà fl-appoġġ tal-applikazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ miżuri ulterjuri biex titjieb id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data filwaqt li jittieħed kont tal-objettiv li jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, dwar kif jiġu indirizzati objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, inklużi objettivi soċjali, u dwar il-funzjonament ta’ salvagwardji minimi u l-ħtieġa possibbli li dawn jiġu supplimentati.
|
|
(53)
|
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli l-Grupp ta’ Esperti eżistenti tal-Istati Membri dwar il-Finanzjament Sostenibbli u tipprovdih bi status formali. Il-kompiti ta’ dak il-grupp ta’ esperti, fost l-oħrajn, ser jikkonsistu fl-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u l-approċċ meħud mill-Pjattaforma fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dawk il-kriterji. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lill-Istati Membri informati permezz ta’ laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzjament Sostenibbli.
|
|
(54)
|
Sabiex tispeċifika r-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament, u b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi u taġġorna, għal attivitajiet ekonomiċi differenti, kriterji tekniċi ta’ skrinjar granulari u kalibrati għal dak li jikkostitwixxi ‘kontribut sostanzjali’ u ‘ħsara sinifikanti’ għall-objettivi ambjentali, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-obbligu ta’ divulgazzjoni taħt dan ir-Regolament, u fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Huwa ta’ importanza partikolari li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa, anke fil-livell tal-esperti, bħal permezz tal-Pjattaforma u l-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzjament Sostenibbli, u li dawk il-konsultazzjonijiet jsiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (64). B’mod partikolari, sabiex tkun żgurata parteċipazzjoni indaqs fil-preparazzjoni tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin mal-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li huma involuti fil-preparazzjoni tal-atti delegati.
|
|
(55)
|
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Sabiex jiżguraw il-monitoraġġ ordnat u effettiv tal-konformità mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddependu fuq l-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/2088. Barra minn hekk, biex tiġi infurzata l-konformità, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar miżuri u penali, li jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-ESAs jeżerċitaw is-setgħat ta’ intervent fuq il-prodotti stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 (65), (UE) Nru 1286/2014 (66) u (UE) 2019/1238 (67) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ukoll fir-rigward ta’ prattiki ta’ bejgħ inadatt jew divulgazzjonijiet qarrieqa ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà, inkluża l-informazzjoni meħtieġa taħt dan ir-Regolament.
|
|
(56)
|
Sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni effiċjenti u sostenibbli tal-ħidma u l-prattiki tal-laqgħat kemm il-Pjattaforma kif ukoll tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzjament Sostenibbli, u sabiex ikunu possibbli parteċipazzjoni wiesgħa u interazzjoni effiċjenti fi ħdan il-gruppi, is-sottogruppi tagħhom, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat aktar użu ta’ teknoloġiji diġitali, inklużi virtwali, fejn ikun xieraq.
|
|
(57)
|
Sabiex jingħata biżżejjed ħin lill-atturi rilevanti biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kriterji għall-kwalifika bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli stabbiliti f’dan ir-Regolament u biex iħejju ruħhom għall-applikazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament isiru applikabbli, għal kull objettiv ambjentali, tnax-il xahar wara li jkunu ġew stabbiliti l-kriterji tekniċi rilevanti ta’ skrinjar.
|
|
(58)
|
Id-dispożizzjoni f’dan ir-Regolament li tirreferi għal skemi ta’ inċentivi tat-taxxa bbażati fuq iċ-ċertifikazzjoni li jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa, kif stipulat mit-Trattati.
|
|
(59)
|
Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi rieżaminata regolarment sabiex jiġu vvalutati, inter alia, il-progress fir-rigward tal-iżvilupp tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli; il-ħtieġa possibbli li jiġu riveduti u kkumplimentati dawk il-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli; l-effettività tas-sistema ta’ klassifikazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli biex l-investiment privat jiġi kkanalizzat f’tali attivitajiet u b’mod partikolari fir-rigward tal-flussi ta’ kapital f’intrapriżi privati u entitajiet legali oħra; u aktar żvilupp ta’ dik is-sistema ta’ klassifikazzjoni, anke billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lil hinn mill-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, sabiex jiġu koperti attivitajiet li jagħmlu dannu sinifikanti lill-ambjentali, kif ukoll objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, inklużi objettivi soċjali.
|
|
(60)
|
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji uniformi fil-livell tal-Unjoni għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,
|
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
N. BRNJAC
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 22.06.2020 00:00:00 -Doknr: CELEX:32020R0852
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|