Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha bażi għalfejn tqis li intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jaġixxi fit-territorju tagħha skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi qiegħed jikser xi obbligu stabbilit f’din id-Direttiva, din għandha tikkomunika dawn il-kunsiderazzjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.
Wara li tivvaluta l-informazzjoni li tkun irċiviet skont l-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fejn applikabbli, u, f’ dak il-każ, mal-ewwel opportunità, tieħu l-miżuri adegwati biex tirrimedja s-sitwazzjoni. Għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar kull tali miżura meħuda.
Fejn, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tad-domiċilju jew minħabba li dawk il-miżuri jirriżultaw li mhumiex adegwati jew mhumiex biżżejjed, jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa biċ-ċar ta’ detriment għall-interessi tal-konsumaturi tal-Istat Membru ospitanti fuq skala kbira, jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, tieħu miżuri adegwati biex tevita aktar irregolaritajiet, inkluż jekk ikun strettament neċessarju, iżżomm lil dak l-intermedjarju milli jkompli jeżerċita negozju ġdid fit-territorju tagħha.
Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew dak l-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F’dak il-każ, l-EIOPA tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.