+Artikolu 3 Definizzjonijiet
---+Artikolu 3 1.
---+Artikolu 3 2.
|
Artikolu 3 Definizzjonijiet
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 3 1.
|
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“teknoloġija ta’ reġistru distribwit” jew “DLT” tfisser teknoloġija li tippermetti l-operat u l-użu ta’ reġistri distribwiti;
(2)
“reġistru distribwit” tfisser repożitorju ta’ informazzjoni li jżomm rekords tat-tranżazzjonijiet u li jkun kondiviż ma’ sett sħiħ ta’ nodi ta’ network ta’ DLT, u sinkronizzat bejniethom, bl-użu ta’ mekkaniżmu ta’ kunsens;
(3)
“mekkaniżmu ta’ kunsens” tfisser ir-regoli u l-proċeduri li permezz tagħhom jintlaħaq ftehim, bejn in-nodi ta’ network ta’ DLT, li tranżazzjoni tkun ġiet ivvalidata;
(4)
“nodu ta’ network ta’ DLT” tfisser apparat jew proċess li jkun parti minn network u li jżomm replika sħiħa jew parzjali tar-rekords tat-tranżazzjonijiet kollha fuq reġistru distribwit;
(5)
“kriptoassi” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur jew ta’ dritt li jistgħu jiġu ttrasferiti u maħżuna elettronikament bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili;
(6)
“token irreferenzjat ma’ assi” tfisser tip ta’ kriptoassi li ma jkunx token tal-flus elettroniċi u li jkollu l-għan li jżomm valur stabbli billi jagħmel referenza għal valur jew dritt ieħor jew kombinazzjoni tagħhom, inklużi munita uffiċjali waħda jew aktar;
(7)
“token tal-flus elettroniċi” tfisser tip ta’ kriptoassi li jkollu l-għan li jżomm valur stabbli billi jagħmel referenza għall-valur ta’ munita uffiċjali waħda;
(8)
“munita uffiċjali” tfisser munita uffiċjali ta’ pajjiż li tkun maħruġa minn bank ċentrali jew awtorità monetarja oħra;
(9)
“token ta’ utilità” tfisser tip ta’ kriptoassi li huwa maħsub biss biex jipprovdi aċċess għal prodott jew għal servizz fornit mill-emittent tiegħu;
(10)
“emittent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew impriża oħra, li toħroġ kriptoassi;
(11)
“emittent li japplika” tfisser emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi li japplika għal awtorizzazzjoni biex joffri lill-pubbliku jew ifittex l-ammissjoni għan-negozjar ta’ dawk il-kriptoassi;
(12)
“offerta lill-pubbliku” tfisser komunikazzjoni lil persuni fi kwalunkwe forma, u bi kwalunkwe mezz, li tippreżenta biżżejjed informazzjoni dwar it-termini tal-offerta u l-kriptoassi li jkunu se jiġu offruti sabiex id-detenturi prospettivi jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jixtrux dawk il-kriptoassi;
(13)
“offerent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew impriża oħra, jew l-emittent, li joffri kriptoassi lill-pubbliku;
(14)
“fondi” tfisser fondi kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (25), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
(15)
“fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi” tfisser persuna ġuridika jew impriża oħra li l-okkupazzjoni jew in-negozju tagħha jkunu l-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi lill-klijenti fuq bażi professjonali, u li jkollha l-permess tipprovdi servizzi tal-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 59;
(16)
“servizz tal-kriptoassi” tfisser kwalunkwe servizz u attività minn dawn li ġejjin relatati ma’ kwalunkwe kriptoassi:
(a)
il-forniment tal-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti;
(b)
l-operat ta’ pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi;
(c)
l-iskambju ta’ kriptoassi ma’ fondi;
(d)
l-iskambju ta’ kriptoassi ma’ kriptoassi oħrajn;
(e)
l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti;
(f)
it-tqegħid tal-kriptoassi;
(g)
ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti;
(h)
il-forniment ta’ pariri dwar il-kriptoassi;
(i)
il-forniment ta’ mmaniġġjar ta’ portafolli tal-kriptoassi;
(j)
il-forniment ta’ servizzi ta’ trasferiment għal kriptoassi f’isem il-klijenti;
(17)
“il-forniment tal-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti” tfisser is-salvagwardja jew il-kontroll, f’isem il-klijenti, ta’ kriptoassi jew tal-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, meta applikabbli fil-forma ta’ kjavijiet kriptografiċi privati;
(18)
“l-operat ta’ pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi” tfisser l-immaniġġjar ta’ sistema multilaterali waħda jew aktar, li jlaqqgħu jew jiffaċilitaw it-tlaqqigħ ta’ interessi multipli ta’ xiri u ta’ bejgħ minn partijiet terzi fil-kriptoassi, fis-sistema u f’konformità mar-regoli tagħha, b’mod li jirriżulta f’kuntratt, jew billi jsir skambju ta’ kriptoassi ma’ fondi, inkella billi jsir skambju ta’ kriptoassi ma’ kriptoassi oħrajn;
(19)
“l-iskambju ta’ kriptoassi ma’ fondi” tfisser il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xiri jew ta’ bejgħ li jikkonċernaw il-kriptoassi mal-klijenti għal fondi bl-użu ta’ kapital proprjetarju;
(20)
“l-iskambju ta’ kriptoassi ma’ kriptoassi oħrajn” tfisser il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xiri jew ta’ bejgħ li jikkonċernaw il-kriptoassi mal-klijenti għal kriptoassi oħrajn bl-użu ta’ kapital proprjetarju;
(21)
“l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti” tfisser il-konklużjoni ta’ ftehimiet, f’isem il-klijenti, għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ kriptoassi wieħed jew aktar jew l-abbonament f’isem il-klijenti għal kriptoassi wieħed jew aktar, u tinkludi l-konklużjoni ta’ kuntratti għall-bejgħ ta’ kriptoassi fil-mument li fih jiġu offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar;
(22)
“it-tqegħid tal-kriptoassi” tfisser il-kummerċjalizzazzjoni, f’isem l-offerent jew parti relatata mal-offerent jew akkont tagħhom, ta’ kriptoassi lix-xerrejja;
(23)
“ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti” tfisser ir-riċeviment minn persuna ta’ ordni għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ kriptoassi wieħed jew aktar jew biex tabbona għal kriptoassi wieħed jew aktar u t-trażmissjoni ta’ dik l-ordni lill-parti terza għall-eżekuzzjoni;
(24)
“il-forniment ta’ pariri dwar il-kriptoassi” tfisser l-offerta, l-għoti jew il-qbil għall-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet personalizzati lil klijent, jew fuq talba tal-klijent inkella fuq l-inizjattiva tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jipprovdi l-parir, fir-rigward ta’ tranżazzjoni waħda jew aktar relatati mal-kriptoassi, jew l-użu ta’ servizzi tal-kriptoassi;
(25)
“il-forniment ta’ mmaniġġjar ta’ portafolli tal-kriptoassi” tfisser l-immaniġġjar ta’ portafolli f’konformità mal-mandati mogħtija mill-klijenti fuq bażi diskrezzjonali u ta’ klijent bi klijent meta tali portafolli jinkludu kriptoassi wieħed jew iktar;
(26)
“il-forniment ta’ servizzi ta’ trasferiment għal kriptoassi f’isem il-klijenti” tfisser il-forniment ta’ servizzi ta’ trasferiment, f’isem persuna fiżika jew ġuridika, ta’ kriptoassi minn indirizz jew kont ta’ reġistru distribwit għall-ieħor;
(27)
“korp maniġerjali” tfisser il-korp jew il-korpi ta’ emittent, offerent jew persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar, jew ta’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, li jkunu nħatru f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali fl-entità u tinkludi l-persuni li jmexxu b’mod effettiv in-negozju tal-entità;
(28)
“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE;
(29)
“ditta ta’ investiment” tfisser ditta ta’ investiment kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt 2, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE;
(30)
“investituri kwalifikati” tfisser persuni jew entitajiet li huma elenkati fit-Taqsima I, il-punti (1) sa (4), tal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE;
(31)
“rabtiet mill-qrib” tfisser rabtiet mill-qrib kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (35), tad-Direttiva 2014/65/UE;
(32)
“riżerva ta’ assi” tfisser il-basket ta’ assi ta’ riżerva li jiggarantixxu l-pretensjoni kontra l-emittent;
(33)
“Stat Membru domiċiljari” tfisser:
(a)
meta l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi għajr it-tokens irreferenzjati ma’ assi jew it-tokens tal-flus elettroniċi, ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn l-offerent jew il-persuna jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom;
(b)
meta l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi għajr it-tokens irreferenzjati ma’ assi jew it-tokens tal-flus elettroniċi ma jkollhomx uffiċċju reġistrat fl-Unjoni iżda jkollhom fergħa waħda jew aktar fl-Unjoni, l-Istat Membru magħżul minn dak l-offerent jew minn dik il-persuna minn fost dawk l-Istati Membri fejn ikollhom il-fergħat tagħhom;
(c)
meta l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi għajr it-tokens irreferenzjati ma’ assi jew it-tokens tal-flus elettroniċi ikunu stabbiliti f’pajjiż terz u ma jkollhomx fergħa fl-Unjoni, jew l-Istat Membru fejn ikun maħsub li l-kriptoassi ser jiġu offruti lill-pubbliku għall-ewwel darba inkella, skont l-għażla tal-offerent jew tal-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar, l-Istat Membru fejn issir l-ewwel applikazzjoni għall-ammissjoni għan-negozjar ta’ dawk il-kriptoassi;
(d)
fil-każ ta’ emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi, l-Istat Membru fejn l-emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;
(e)
fil-każ ta’ emittent ta’ tokens tal-flus elettroniċi, l-Istat Membru fejn l-emittent ta’ tokens tal-flus elettroniċi jkun awtorizzat bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE jew bħala istituzzjoni tal-flus elettroniċi skont id-Direttiva 2009/110/KE;
(f)
fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;
(34)
“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru fejn offerent jew persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar ikunu għamlu offerta lill-pubbliku ta’ kriptoassi jew ikunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar, jew fejn fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jipprovdi servizzi tal-kriptoassi, meta jkun differenti mill-Istat Membru domiċiljari;
(35)
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità waħda jew aktar:
(a)
iddeżinjata minn kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 93 dwar offerenti, persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi għajr it-tokens irreferenzjati ma’ assi jew it-tokens tal-flus elettroniċi, emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi, jew fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi;
(b)
iddeżinjata minn kull Stat Membru għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/110/KE dwar emittenti ta’ tokens tal-flus elettroniċi;
(36)
“parteċipazzjoni kwalifikanti” tfisser kwalunkwe parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew f’fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li tkun tirrappreżenta tal-anqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
6
), rispettivament, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet għall-aggregazzjoni tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq l-immaniġġjar tal-emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew l-immaniġġjar tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li fihom teżisti dik il-parteċipazzjoni;
(37)
“detentur fil-livell tal-konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tkun qed taġixxi għal finijiet li jkunu esterni għall-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;
(38)
“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, li jkun operat minn jew f’isem offerent jew fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, u li jservi biex jagħti lid-detenturi tal-kriptoassi aċċess għall-kriptoassi tagħhom u li jagħti lill-klijenti aċċess lis-servizzi tal-kriptoassi;
(39)
“klijent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jipprovdilha servizzi tal-kriptoassi;
(40)
“negozjar matched principal” tfisser negozjar matched principal kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (38), tad-Direttiva 2014/65/UE;
(41)
“servizzi ta’ pagament” tfisser servizzi ta’ pagament kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
(42)
“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
(43)
“istituzzjoni tal-flus elettroniċi” tfisser istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE;
(44)
“flus elettroniċi” tfisser flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/110/KE;
(45)
“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;
(46)
“istituzzjoni ta’ pagament” tfisser istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
(47)
“kumpanija tal-maniġment ta’ UCITS” tfisser kumpanija tal-maniġment kif definita fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
7
);
(48)
“maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi” tfisser AIFM kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
8
);
(49)
“strument finanzjarju” tfisser strumenti finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (15), tad-Direttiva 2014/65/UE;
(50)
“depożitu” tfisser depożitu kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (3), tad-Direttiva 2014/49/UE;
(51)
“depożitu strutturat” tfisser depożitu strutturat kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (43), tad-Direttiva 2014/65/UE.
|
|
Artikolu 3 2.
|
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 139 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar l-elementi tekniċi tad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dawk id-definizzjonijiet skont l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1114
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|