|
+Artikolu 2 1. |
Artikolu 2 1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ jew ‘CSD’ tfisser persuna ġuridika li tħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli msemmija fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u tipprovdi tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;
(2)
‘CSD ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz li jipprovdi servizz simili għas-servizz ewlieni msemmi fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u li twettaq tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;
(3)
‘immobilizzazzjoni’ tfisser l-att li jikkonċentra l-post tat-titoli fiżiċi f’CSD b’mod li jippermetti trasferimenti sussegwenti permezz ta’ entrati fil-kotba;
(4)
‘forma dematerjalizzata’ tfisser il-fatt li strumenti finanzjarji jeżistu biss bħala rekords ta’ entrati fil-kotba;
(5)
‘is-CSD li jirċievi t-talba’ tfisser is-CSD li jirċievi t-talba ta’ CSD ieħor, sabiex ikollu aċċess għas-servizzi tiegħu permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;
(6)
‘CSD li jagħmel it-talba’ tfisser is-CSD li jitlob aċċess għas-servizzi ta’ CSD ieħor permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;
(7)
‘saldu’ tfisser it-tlestija ta’ transazzjoni ta’ titoli fejn tiġi konkluża bil-għan li jitwettqu l-obbligi tal-partijiet għal dik it-transazzjoni permezz tat-trasferiment ta’ flus kontanti jew titoli, jew it-tnejn;
(8)
‘strumenti finanzjarji’ jew ‘titoli’ tfisser strumenti finanzjarji kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.
(9)
‘ordni ta’ trasferiment’ tfisser ordni ta’ trasferiment kif definit fit-tieni inċiż tal-punt (i) jew l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;
(10)
‘sistema ta’ saldu tat-titoli’ tfisser sistema skont l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE li mhijiex imħaddma minn kontroparti ċentrali li l-attività tagħha tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment;
(11)
‘internalizzatur tas-saldu’ tfisser kwalunkwe istituzzjoni, inkluża waħda awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew mad-Direttiva 2014/65/UE li teżegwixxi ordnijiet tat-trasferimenti f’isem il-klijenti jew f’isimha minbarra permezz ta’ sistema tas-saldu tat-titoli;
(12)
‘data prevista tas-saldu’ tfisser id-data li tiġi entrata fis-sistema ta’ saldu tat-titoli bħala d-data tas-saldu u li fiha l-partijiet għal transazzjoni ta’ titoli jaqblu li ser isir is-saldu;
(13)
‘perijodu ta’ saldu’ tfisser il-perijodu ta’ żmien bejn id-data tan-negozjar u d-data prevista tas-saldu;
(14)
‘jum ta’ xogħol’ tfisser jum ta’ xogħol kif definit fil-punt (n) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;
(15)
’ nuqqas ta’ saldu’ tfisser li s-saldu jew s-saldu parzjali ta’ transazzjoni ta’ titoli ma jseħħx fid-data prevista tas-saldu minħabba nuqqas ta’ titoli jew flus kontanti u irrilevanti mill-kawża sottostanti;
(16)
‘kontroparti ċentrali’ jew’ CCP ’ tfisser CCP kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;
(17)
‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità nominata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 11, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament;
(18)
‘awtorità rilevanti’ tfisser kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 12;
(19)
‘parteċipant’ tfisser kwalunkwe parteċipant, kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE f’sistema ta’ saldu tat-titoli;
(20)
‘parteċipazzjoni’ tfisser parteċipazzjoni skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE, jew is-sjieda, diretta jew indiretta, ta’ 20 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża;
(21)
‘kontroll’ tfisser ir-relazzjoni bejn żewġ impriżi kif deskritt fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;
(22)
‘sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;
(23)
‘Stat Membru tad-domiċilju’ tfisser l-Istat Membru li fih ikun stabbilit CSD;
(24)
‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih CSD ikollu fergħa jew jipprovdi servizzi ta’ CSD;
(25)
‘fergħa’ tfisser post tan-negozju li mhijiex l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn CSD, li ma għandux personalità ġuridika u li jipprovdi servizzi ta’ CSD li għalihom ġie awtorizzat is-CSD;
(26)
"inadempjenza" jew tfisser, fir-rigward ta' parteċipant, sitwazzjoni fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (j), tad-Direttiva 98/26/KE, kontra parteċipant, jew tfisser avveniment definit fir-regoli interni tas-CSD bħala wieħed li jikkostitwixxi inadempjenza;
(27)
‘kunsenja kontra ħlas’ (jew ‘DVP - Delivery Versus Payment’) tfisser mekkaniżmu ta’ saldu tat-titoli li jorbot trasferiment ta’ titoli ma’ trasferiment ta’ flus kontanti b’mod li l-kunsenja ta’ titoli sseħħ jekk u biss jekk iseħħ it-trasferiment ta’ flus kontanti korrispondenti u viċeversa;
(28)
‘kont ta’ titoli’ tfisser kont li fih it-titoli jistgħu jiġu kkreditati jew iddebitati;
(29)
‘konnessjoni ma’ CSD’ tfisser arranġament bejn CSDs fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor sabiex jiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli mingħand il-parteċipanti tas-CSD tal-aħħar għal għand il-parteċipanti tas-CSD ta’ qabel jew arranġament li permezz tiegħu CSD jaċċessa CSD ieħor indirettament permezz ta’ intermedjarju. Il-konnessjonijiet tas-CSDs jinkludu konnessjonijiet standard, konnessjonijiet personalizzati, konnessjonijiet indiretti, u konnessjonijiet interoperabbli;
(30)
‘konnessjoni standard’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor taħt l-istess termini u kondizzjonijiet applikabbli lil kwalunkwe parteċipant ieħor fis-sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn dan tal-aħħar;
(31)
‘konnessjoni personalizzata’ tfisser konnessjoni fejn CSD li isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor jiġi mogħti servizzi speċifiċi addizzjonali lis-servizzi mogħtija normalment minn dak is-CSD lil parteċipanti fis-sistema ta’ saldu tat-titoli;
(32)
‘konnessjoni indiretta’ tfisser arranġament bejn CSD u parti terza li ma tkunx CSD, li hija parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor. Tali konnessjoni hija stabbilita minn CSD sabiex tiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli lill-parteċipanti tiegħu mingħand il-parteċipanti ta’ CSD ieħor;
(33)
‘konnessjoni interoperabbli’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn is-CSDs jaqblu li jistabbilixxu soluzzjonijiet tekniċi reċiproċi għas-saldu fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li huma jħaddmu;
(34)
‘proċeduri u standards miftuħa ta’ komunikazzjoni internazzjonali’ tfisser standards aċċettati internazzjonalment għal proċeduri ta’ komunikazzjoni, bħal formats standardizzati biex jintbagħtu l-messaġġi u rappreżentazzjoni tad-data, li huma disponibbli fuq bażi ġusta, miftuħa u nondiskriminatorja lil kwalunkwe parti interessata;
(35)
‘titoli trasferibbli’ tfisser titoli trasferibbli kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(36)
‘ishma’ tfisser titoli speċifikati fil-punt (44)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(37)
‘strumenti tas-suq monetarju’ tfisser strumenti tas-suq monetarju kif definiti fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(38)
‘l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv’ tfisser l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv kif imsemmija fil-punt (3) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE;
(39)
‘kwota tal-emissjonijiet’ tfisser kwalunkwe kwota tal-emissjonijiet kif deskritt fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, minbarra d-derivattivi fil-kwoti tal-emissjonijiet;
(40)
‘suq regolat’ tfisser ‘suq regolat’ kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(41)
‘faċilità multilaterali tan-negozjar’ jew ‘MTF’ tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar kif definita fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(42)
‘ċentru ta’ negozjar’ tfisser ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(43)
‘aġent tas-saldu’ tfisser aġent tas-saldu kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;
(44)
‘suq tal-SMEs li qed jespandi’ tfisser suq tal-SMEs li qed jespandi’ kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(45)
‘korp maniġerjali’ tfisser il-korp jew korpi ta’ CSD, maħtur skont il-liġi nazzjonali, li jingħata s-setgħa li jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tas-CSD, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali. Dan għandu jinkludi persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tas-CSD. Fejn, skont il-liġi nazzjonali, korp maniġerjali ikun magħmul minn korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal membri tal-korp maniġerjali li l-liġi nazzjonali applikabbli tassenjalhom ir-responsabbiltà rispettiva;
(46)
‘maniġment superjuri’ tfisser dawk il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan CSD u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp maniġerjali għall-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dak is-CSD;
(47)
"grupp" tfisser grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva 2013/34/UE;
(48)
"rabtiet mill-qrib" tfisser rabtiet mill-qrib kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (35), tad-Direttiva 2014/65/UE;
(49)
"parteċipazzjoni kwalifikanti" tfisser parteċipazzjoni diretta jew indiretta f'CSD li tirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stipulat fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tas-CSD;
(50)
"saldu nett differit" tfisser mekkaniżmu ta' saldu fejn ordnijiet ta' trasferiment ta' flus kontanti jew titoli fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' titoli tal-parteċipanti fis-sistema ta' saldu tat-titoli jkunu soġġetti għal netting, u fejn iseħħ saldu tal-pretensjonijiet u l-obbligi netti tal-parteċipanti fi tmiem ċikli ta' saldu predefiniti matul jew fi tmiem il-jum ta' xogħol. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|