6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 13, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-awtoritajiet nominati nazzjonali għandhom iżommu s-setgħat, f’konformità mad-dritt nazzjonali, li jiksbu informazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding, kumpaniji holding imħallta u impriżi inklużi fis-sitwazzjoni finanzjarja konsolidata ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding, il-kumpaniji holding imħallta u l-impriżi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-BĊE, skont il-qafas stabbilit fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, dwar il-miżuri meħudin skont dan il-paragrafu u jikoordinaw mill-qrib dawk il-miżuri mal-BĊE.
L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa taħt dan l-Artikolu.