1. Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2), il-BĊE għandu jitqies, kif adatt, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbiliti mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.
Għall-istess fini esklussiv, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat u l-obbligi kollha li jinsabu f’dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu wkoll is-setgħat u l-obbligi kollha li l-awtoritajiet kompetenti u nominata għandu jkollhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat elenkati fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.
Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti konferiti fuqu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’, permezz ta’ struzzjonijiet, jesiġi li dawk l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn dan ir-Regolament ma jikkonferix tali setgħat fuq il-BĊE. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw b’mod sħiħ lill-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat.