2. Meta awtorizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun saret applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-BĊE tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi filwaqt li jitqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-BĊE għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-BĊE jkollu biex jissuspetta li jkun sar ksur tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tanalizza n-neċessità tal-ispezzjoni u lanqas ma għandha titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-BĊE. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE għandha tkun soġġetta għal analiżi mill-QtĠ.