5. Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.
Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.