|
+ANNESS II |
ANNESS II
ANNESS II KLIJENTI PROFESSJONISTI GĦALL-FINI TA’ DIN ID-DIRETTIVA Klijent professjonista huwa klijent li jkollu l-esperjenza, l-għarfien u l-kompetenza sabiex jieħu d-deċiżjonijiet ta’ investiment għalih innifsu u jivvaluta sewwa r-riskji li jġarrab. Sabiex jiġi kkunsidrat li jkun klijent professjonista, il-klijent irid jikkonforma mal-kriterji li ġejjin: I. KATEGORIJI TA’ KLIJENTI LI HUMA KKUNSIDRATI BĦALA KLIJENTI PROFESSJONISTI Dawn kollha li ġejjin għandhom jitqiesu bħala klijenti professjonisti fis-servizzi u l-attivitajiet kollha ta’ investiment u fl-istrumenti finanzjarji kollha għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
(1)
L-entitajiet li hu rikjest li jkunu awtorizzati jew regolati sabiex joperaw fis-swieq finanzjarji. Il-lista ta’ hawn taħt għandha tinftiehem li tinkludi l-entitajiet awtorizzati kollha li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet karatteristiċi tal-entitajiet imsemmija: l-entitajiet awtorizzati minn Stat Membru skont Direttiva, l-entitajiet awtorizzati jew regolati minn Stat Membru mingħajr riferiment għal Direttiva partikolari u l-entitajiet awtorizzati jew regolati minn pajjiż terz:
(a)
l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;
(b)
id-ditti ta’ investiment;
(c)
istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jew regolati oħra;
(d)
l-impriżi ta’ assigurazzjoni;
(e)
l-iskemi ta’ investiment kollettiv u l-kumpaniji għall-ġestjoni ta’ skemi ta’ dan it-tip;
(f)
il-fondi pensjonistiċi u l-kumpaniji għall-ġestjoni ta’ fondi ta’ dan it-tip;
(g)
in-negozjanti fil-qasam tal-komoditajiet u tad-derivattivi ta’ komoditajiet;
(h)
l-impriżi lokali;
(i)
investituri istituzzjonali oħra;
(2)
L-impriżi l-kbar li jissodisfaw tnejn mir-rekwiżiti li ġejjin dwar id-daqs abbażi ta’ kumpanija:
(3)
Il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, inklużi l-korpi pubbliċi li jimmaniġġjaw id-dejn pubbliku fil-livell nazzjonali jew reġjonali, il-Banek Ċentrali, l-istituzzjonijiet internazzjonali u supranazzjonali bħal mhuma l-Bank Dinji, il-FMI, il-BĊE u l-BEI u organizzazzjonijiet internazzjonali simili oħra.
(4)
Investituri istituzzjonali oħra li l-attività ewlenija tagħhom tkun l-investiment fi strumenti finanzjarji, inklużi l-entitajiet iddedikati għat-titolizzazzjoni tal-assi jew tranżazzjonijiet finanzjarji oħra. L-entitajiet imsemmija hawn fuq huma kkunsidrati bħala professjonisti. Madankollu jridu jitħallew jitolbu trattament bħala klijenti mhux professjonisti u d-ditti ta’ investiment jistgħu jaqblu li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Meta l-klijent ta’ ditta ta’ investiment ikun impriża minn dawk msemmija hawn fuq, id-ditta ta’ investiment trid tgħarrfu, qabel tipprovdilu kwalunkwe servizz, li, abbażi tat-tagħrif disponibbli għad-ditta ta’ investiment, il-klijent qed jitqies li hu klijent professjonista, u se jiġi ttrattat bħala tali sakemm id-ditta ta’ investiment u l-klijent ma jiftehmux mod ieħor. Id-ditta ta’ investiment trid tgħarraf ukoll lill-klijent li huwa jista’ jitlob varjazzjoni fit-termini tal-ftehim biex jikseb livell ogħla ta’ protezzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-klijent, meqjus bħala klijent professjonista, li jitlob livell ogħla ta’ protezzjoni meta jqis li mhux kapaċi jivvaluta jew jimmaniġġja sewwa r-riskji involuti. Dan il-livell ogħla ta’ protezzjoni se jiġi pprovdut meta klijent li jkun meqjus bħala professjonista jidħol fi ftehim bil-miktub mad-ditta ta’ investiment sabiex ma jiġix ittrattat bħala klijent professjonista għall-finijiet tal-iskema applikabbli għat-tmexxija ta’ negozju. Ftehim ta’ dan it-tip għandu jispeċifika jekk dan japplikax għal servizz(i) jew tranżazzjoni(jiet) partikulari, jew għal tip jew tipi ta’ prodott jew tranżazzjoni. II. KLIJENTI LI JISTGĦU JIĠU TTRATTATI BĦALA PROFESSJONISTI FUQ TALBA II.1. Kriterji ta’ identifikazzjoni Il-klijenti għajr dawk imsemmija fit-Taqsima I, inklużi l-korpi tas-settur pubbliku, l-awtoritajiet pubbliċi lokali, il-muniċipalitajiet u l-investituri individwali privati, jistgħu ukoll jitħallew jirrinunzjaw għal uħud mill-protezzjonijiet mogħtija mir-regoli dwar it-tmexxija ta’ negozju. Id-ditti ta’ investiment għandhom għalhekk jitħallew jittrattaw lil kwalunkwe wieħed mill-klijenti msemmijin hawn fuq bħala klijent professjonista sakemm jiġu sodisfatti l-kriterji u l-proċedura rilevanti msemmija hawn taħt. Madankollu, dak li jkun m’għandux jippreżumi li dawk il-klijenti jippossjedu għarfien u esperjenza tas-suq paragunabbli ma’ dawk tal-kategoriji elenkati fit-Taqsima I. Kull rinunzja ta’ dan it-tip għall-protezzjoni mogħtija mill-iskema standard għat-tmexxija ta’ negozju għandha titqies li tkun valida biss jekk valutazzjoni adegwata tal-kompetenza, l-esperjenza u l-għarfien tal-klijent, imwettqa mid-ditta ta’ investiment, tagħti assigurazzjoni raġonevoli, fid-dawl tan-natura tat-tranżazzjonijiet jew tas-servizzi previsti, illi l-klijent huwa kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet ta’ investiment u jifhem ir-riskji involuti. It-test ta’ idoneità li jsir għall-maniġers u d-diretturi tal-entitajiet liċenzjati taħt id-Direttivi fil-kamp finanzjarju jista’ jitqies bħala eżempju tal-valutazzjoni tal-kompetenza u tal-għarfien. Fil-każ ta’ entitajiet żgħar, il-persuna soġġetta għal dik il-valutazzjoni għandha tkun il-persuna awtorizzata biex twettaq tranżazzjonijiet f’isem l-entità. Hija u titwettaq dik il-valutazzjoni, bħala minimu, għandhom jiġu sodisfatti tnejn mill-kriterji li ġejjin:
—
li l-klijent ikun wettaq tranżazzjonijiet ta’ daqs sinifikanti fis-suq rilevanti bi frekwenza medja ta’ 10 kull trimestru fuq l-erba’ trimestri preċedenti,
—
li d-daqs tal-portafoll ta’ strumenti finanzjarji tal-klijent, definit bħala wieħed li jinkludi depożiti ta’ flus u strumenti finanzjarji, jkun jaqbeż il-EUR 500 000 ,
—
li l-klijent jaħdem jew ikun ħadem fis-settur finanzjarju għal mill-inqas sena f’pożizzjoni professjonali, li tirrikjedi għarfien dwar it-tranżazzjonijiet jew is-servizzi previsti.
L-Istati Membri jistgħu jadottaw kriterji speċifiċi għall-valutazzjoni tal-kompetenza u tal-għarfien tal-muniċipalitajiet u tal-awtoritajiet pubbliċi lokali li jkunu qed jitolbu li jiġu ttrattati bħala klijenti professjonisti. Dawk il-kriterji jistgħu jkunu alternattivi jew addizzjonali għal dawk elenkati fil-ħames paragrafu. II.2. Proċedura Dawk il-klijenti definiti hawn fuq jistgħu jirrinunzjaw għall-benefiċċju tar-regoli dettaljati tal-kondotta biss meta tiġi segwita l-proċedura li ġejja:
—
huma jridu jiddikjaraw bil-miktub lid-ditta ta’ investiment li jixtiequ jiġu ttrattati bħala klijent professjonista, jew b’mod ġenerali jew fir-rigward ta’ servizz ta’ investiment jew tranżazzjoni partikulari, jew tip ta’ tranżazzjoni jew prodott,
—
id-ditta ta’ investiment trid tagħtihom twissija ċara bil-miktub dwar il-protezzjonijiet u d-drittijiet għal kumpens għall-investituri li jistgħu jitilfu,
—
huma jridu jiddikjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt, li huma konxji mill-konsegwenzi tat-telf ta’ dawn il-protezzjonijiet.
Qabel ma jiddeċiedu li jaċċettaw kwalunkwe talba għal rinunzja, id-ditti ta’ investiment iridu jiġu rikjesti jieħdu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiżguraw illi l-l-klijent li jitlob li jiġi ttrattat bħala klijent professjonista jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti ddikjarati fit-Taqsima II.1. Madankollu, jekk klijenti jkunu diġà ġew ikkategorizzati bħala professjonisti skont parametri u proċeduri simili għal dawk imsemmija hawn fuq, mhuwiex maħsub li r-relazzjonijiet tagħhom mad-ditti ta’ investiment għandhom jiġu affettwati mir-regoli l-ġodda adottati skont dan l-Anness. Id-ditti jridu jimplimentaw politiki u proċeduri interni xierqa bil-miktub sabiex jikkategorizzaw lill-klijenti. Il-klijenti professjonisti huma responsabbli biex iżommu lid-ditta ta’ investiment mgħarrfa dwar kull bidla li tista’ taffettwa l-kategorizzazzjoni kurrenti tagħhom. Jekk id-ditta ta’ investiment issir madankollu konxja illi l-klijent m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet inizjali li jkunu għamluh eliġibbli għal trattament bħala professjonista, id-ditta ta’ investiment għandha tieħu azzjoni xierqa. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|