Fejn il-Kunsill ikun ħa deċiżjoni skont il-paragrafu 3, biex ma jirrevokax deċiżjoni tal-Awtorità fir-rigward tal-Artikolu 18(3), u l-Istat Membru kkonċernat xorta jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Awtorità taffettwa r-responsabbilitajiet fiskali tiegħu, dak l-Istat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Awtorità u jitlob lill-Kunsill biex jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kunsill.
F’perijodu ta’ erba’ ġimgħat wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kunsill għandu jikkonferma d-deċiżjoni oriġinali tiegħu jew jieħu deċiżjoni ġdida f’konformità mal-paragrafu 3.
Il-perijodu ta’ erba’ ġimgħat jista’ jiġi estiż b’erba’ ġimgħat oħra mill-Kunsill, jekk iċ-ċirkostanzi partikolari jkunu jeħtieġu hekk.