Artikolu 29
Rapport biex jiġi żgurat il-funzjonament aħjar tas-suq tal-karbonju
Jekk ir-rapporti regolari dwar is-suq tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10(5) u (6) ikun fihom evidenza li s-suq tal-karbonju mhuwiex jiffunzjona tajjeb, il-Kummissjoni, fi żmien perjodu ta' tliet xhur, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista' jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposti leġiżlattivi bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-integrità tas-suq tal-karbonju, inklużi s-swieq tad-derivattivi relatati, u li jiġu indirizzati l-miżuri korrettivi biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu kif ukoll biex jissaħħu l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet ta' abbuż tas-suq.