L-ispeċifikazzjonijiet għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jiġu adottati permezz ta’ l-emenda ta’ dan ir-Regolament permezz taż-żieda ta’ anness skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 19(4).
Il-programm għandu jippermetti l-iskoperta u t-tiswija mgħaġġla tan-nuqqasijiet. Huwa għandu jipprovdi wkoll li l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet kollha responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni li jinsabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat għandhom ikunu monitorjati direttament u regolarment minn, jew taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti.