+►M1ANNESS I◄ STANDARDS BAŻIĊI KOMUNI GĦAS-SALVAGWARDJA TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI KONTRA ATTI TA’ INTERFERENZA ILLEGALI (ARTIKOLU 4)

►M1ANNESS I◄ STANDARDS BAŻIĊI KOMUNI GĦAS-SALVAGWARDJA TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI KONTRA ATTI TA’ INTERFERENZA ILLEGALI (ARTIKOLU 4)




►M1  ANNESS I ◄

STANDARDS BAŻIĊI KOMUNI GĦAS-SALVAGWARDJA TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI KONTRA ATTI TA’ INTERFERENZA ILLEGALI (ARTIKOLU 4)

1.   SIGURTÀ TA’ L-AJRUPORT

1.1.   Rekwiżiti ta’ l-ippjanar ta’ ajruport

1. 

Meta jiġu ddisinjati u mibnija faċilitajiet ġodda ta’ ajruport jew isir tibdil fil-faċilitajiet eżistenti ta’ ajruport, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni stabbiliti f’dan l-Anness u ta’ l-atti implimentattivi tiegħu.

2. 

Fl-ajruporti, għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni li ġejjin:

(a) 

iż-żona ta’ l-art (landside);

(b) 

iż-żona ta’ l-ajru (airside);

(ċ) 

żoni ta’ sigurtà ristretta; u

(d) 

partijiet kritiċi ta’ żoni ta’ sigurtà ristretta.

1.2.   Kontroll fuq l-Aċċess

1. 

Aċċess għaż-żona ta’ l-ajru għandu jkun ristrett sabiex id-dħul minn persuni u vetturi mhux awtorizzati f’dawn l-inħawi jiġi prevenut.

2. 

L-aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta għandu jkun kontrollat sabiex persuni u vetturi mhux awtorizzati ma jidħlux f’dawn iż-żoni.

3. 

Persuni u vetturi jistgħu biss jingħataw aċċess għan-naħa ta’ l-ajru u żoni ta’ sigurtà ristretta jekk ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa.

4. 

Persuni, inklużi membri ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira, għandhom ikunu temmew kontroll ta’ l-isfond qabel ma tinħarġilhom karta ta’ l-identità ta’ l-ekwipaġġ jew karta ta’ l-identità ta’ l-ajruport li tawtorizza aċċess bla skorta għal żoni ta’ sigurtà ristretta.

1.3.   Skrinjar ta’ persuni minbarra passiġġieri u l-oġġetti li jġorru

1. 

Persuni minbarra passiġġieri, flimkien ma’ l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati fuq bażi kontinwa aleatorja meta jidħlu fiż-żoni ta’ sigurtà ristretta sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

2. 

Il-persuni kollha minbarra passiġġieri, flimkien ma’l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati meta jidħlu fil-partijiet kritiċi taż-żoni ta’ sigurtà ristretta sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn il-partijiet.

1.4.   Eżami tal-vetturi

Vetturi li jidħlu f’żona ta’ sigurtà ristretta għandhom jiġu eżaminati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

1.5.   Sorveljanza, ronda u kontrolli fiżiċi oħra

Għandu jkun hemm sorveljanza, rondi u kontrolli fiżiċi oħrajn f’ajruporti u, fejn xieraq, fiż-żoni kollha biswit b’aċċess pubbliku, sabiex tiġi identifikata mġieba suspettuża ta’ persuni, jiġu identifikati vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati biex jitwettaq att ta’ interferenza illegali u sabiex jinżammu lura persuni mit-twettiq ta’ tali atti.

2.   ŻONI DEMARKATI TA’ L-AJRUPORTI

Inġenji ta’ l-ajru pparkjati f’żoni demarkati ta’ ajruporti li għalihom japplikaw il-miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 4(4), għandhom ikunu separati minn inġenji ta’ l-ajru li għalihom japplikaw bis-sħiħ l-istandards bażiċi komuni, sabiex jiġi żgurat li l-istandards ta’ sigurtà applikati għal inġenji ta’ l-ajru, passiġġieri, bagalji, merkanzija u posta ta’ dawn ta’ l-aħħar ma jiġux kompromessi.

3.   SIGURTÀ TA’ L-INĠENJI TA’ L-AJRU

1. 

Qabel it-tluq, inġenju ta’ l-ajru għandu jiġi soġġett għal kontroll jew tfittxija ta’ sigurtà ta’ inġenji ta’ l-ajru sabiex jiġi żgurat li l-ebda oġġett iprojbit ma jkun preżenti abbord. Inġenju ta’ l-ajru fi transitu jista’ jiġi soġġett għal miżuri oħra xierqa.

2. 

Kull inġenju ta’ l-ajru għandu jiġi protett minn interferenza mhux awtorizzata.

4.   PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

4.1.   Skrinjar ta’ passiġġieri u bagalji tal-kabina

1. 

Il-passiġġieri kollha ta’ oriġini, ta’ trasferiment u ta’ transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu skrinjati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’żoni ta’ sigurtà ristretta u abbord inġenji ta’ l-ajru.

2. 

Passiġġieri ta’ trasferiment u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) 

jaslu minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards komuni bażiċi; jew

(b) 

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3. 

Passiġġieri fi transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) 

jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru; jew

(b) 

ma jitħalltux ma’ passiġġieri li se jitilqu li jkunu diġà ġew skrinjati minbarra dawk li jitilgħu fuq l-istess inġenju ta’ l-ajru; jew

(ċ) 

jaslu minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards komuni bażiċi; jew

(d) 

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulartorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

4.2.   Protezzjoni tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina

1. 

Il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu protetti minn interferenzi mhux awtorizzati mill-punt li fih jiġu skrinjati sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li fuqu jinġarru.

2. 

Passiġġieri għat-tluq li jkunu ġew skrinjati m’għandhomx jitħalltu ma’ passiġġieri li jkunu qed jaslu, dment li:

(a) 

il-passiġġieri ma jaslux minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni, jew dak l-Istat Membru, ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri li qed jaslu u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew skrinjati skond l-istandards bażiċi komuni; jew

(b) 

il-passiġġieri jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

4.3.   Passiġġieri potenzjalment problematiċi

Qabel it-tluq passiġġieri potenzjalment problematiċi għandhom jiġu soġġetti għal miżuri ta’ sigurtà adatti.

5.   BAGALJI TA’ L-ISTIVA

5.1.   Skrinjar tal-bagalji ta’ l-istiva

1. 

Il-bagalji kollha ta’ l-istiva għandhom jiġu skrinjati qabel ma jiġu mgħobbija fuq inġenju ta’ l-ajru sabiex l-introduzzjoni ta’ oġġetti projbiti f’żoni ta’ sigurtà ristretta u abbord inġenju ta’ l-ajru tiġi prevenuta.

2. 

Bagali ta’ l-istiva fi trasferiment jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) 

jaslu minn Stat Membru, sakemm il-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma provdewx informazzjoni li dawk il-bagalji ta’ l-istiva ma jistgħux jitqiesu bħala mgħoddija mill-kontrolli tekniċi ta’ sigurtà bl-istandards komuni; jew

(b) 

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3. 

Bagalji ta’ l-istiva fi transitu jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru.

5.2.   Protezzjoni tal-bagalji ta’ l-istiva

Bagalji ta’ l-istiva li għandhom jinġarru fuq inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt li fih jiġu skrinjati jew li ġew aċċettati fil-kura tat-trasportatur ta’ l-ajru, skond liema jiġi l-ewwel, sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li fuqu għandhom jinġarru.

5.3.   Tqabbil tal-bagalji

1. 

Kull biċċa tal-bagalja fl-istiva għandha tiġi identifikata bħala akkumpanjata jew mhux akkumpanjata.

2. 

Bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati m’għandhomx jinġarru, sakemm dawk il-bagalji jew ikunu ġew separati minħabba fatturi li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-passiġġier, jew ikunu ġew suġġetti għal kontrolli xierqa ta’ sigurtà.

6.   MERKANZIJA U POSTA

6.1.   Kontrolli ta’ sigurtà għal merkanzija u posta

1. 

Il-merkanzija u l-posta kollha għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà qabel ma jiġu mgħobbijin fuq inġenju ta’ l-ajru. Trasportatur ta’ l-ajru ma għandux jaċċetta merkanzija jew posta għall-ġarr fuq inġenju ta’ l-ajru ħlief jekk ikun applika dawk il-kontrolli huwa nnifsu jew l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet ikkonfermata jew ikun ingħata kont tagħha minn aġent regolat, kunsinnatarju magħruf jew kunsinnatarju in konto.

2. 

Merkanzija fi trasferiment u posta fi trasferiment jistgħu jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà alternattivi hekk kif dettaljati f’att implimentattiv.

3. 

Merkanzija fi transitu u posta fi transitu jistgħu jiġu eżenti minn kontrolli ta’ sigurtà jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru.

6.2.   Protezzjoni ta’ merkanzija u posta

1. 

Merkanzija u posta li għandhom jinġarru fuq inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt minn fejn jiġu applikati kontrolli ta’ sigurtà sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li jinġarru fuqu.

2. 

Merkanzija u posta li m’humiex protetti adegwatament minn interferenza mhux awtorizzata wara li jkunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà għandhom jiġu skrinjati.

7.   POSTA U MATERJALI TAT-TRASPORTATURI TA’ L-AJRU

Posta u materjali tat-trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà u wara dan protetti sakemm jitgħabbew fuq l-inġenju ta’ l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta’ l-ajru.

8.   PROVVISTI GĦAT-TITJIRA

Provvisti għat-titjira, inkluż l-ikel u x-xorb, maħsubin għall-ġarr jew l-użu abbord inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà u wara dan protetti sakemm jittellgħu fuq l-inġenju ta’ l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta’ l-ajru.

9.   PROVVISTI TA’ L-AJRUPORT

Provvisti maħsubin għall-bejgħ jew l-użu f’żoni ta’ sigurtà ristretta ta’ l-ajruporti, inklużi l-provvisti għall-ħwienet tal-bejgħ mingħajr dazju u r-ristoranti, għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

10.   MIŻURI TA’ SIGURTÀ MATUL TITJIRA

1. 

Mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni applikabbli:

(a) 

persuni mhux awtorizzati ma għandhomx jitħallew jidħlu fil-kompartiment ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira matul titjira;

(b) 

passiġġiera potenzjalment problematiċi għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta’ sigurtà adatti matul titjira.

2. 

Għandhom jittieħdu miżuri ta’ sigurtà adatti bħal taħriġ ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira u l-persunal tal-kabina biex atti ta’ interferenza illegali jiġu prevenuti matul titjira.

3. 

M’għandhomx jinġarru armamenti abbord inġenju ta’ l-ajru, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinġarru fl-istiva, ħlief jekk ikunu intlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ sigurtà skond il-liġijiet nazzjonali u tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-Istati involuti.

4. 

Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal uffiċjali ta’ sigurtà ta’ matul it-titjira jekk dawn iġorru armamenti.

11.   REKLUTAĠĠ U TAĦRIĠ TAL-PERSUNAL

1. 

Persuni li jimplimentaw, jew li huma responsabbli għall-implimentazzjoni, l-iskrinjar, il-kontroll fuq l-aċċess jew għal kontrolli ta’ sigurtà oħra għandhom jiġi reklutati, imħarrġin u, fejn xieraq, iċċertifikati sabiex jiġi żgurat li huma adegwati għall-impjieg u kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet li jiġu assenjati għalihom.

2. 

Persuni minbarra passiġġieri, li jeħtieġu aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta għandhom jingħataw taħriġ fil-qasam tas-sigurtà, qabel tinħarġilhom jew karta ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-ajruport jew karta ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-ekwipaġġ.

3. 

It-taħriġ kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jsir fuq bażi inizjali u rikorrenti.

4. 

L-istrutturi li jieħdu ħsieb it-taħriġ tal-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikollom il-kwalifiki meħtieġa.

12.   TAGĦMIR TA’ SIGURTÀ

Tagħmir użat għal skrinjar, kontroll fuq l-aċċess u kontrolli ta’ sigurtà oħra għandu jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet definiti u jkun kapaċi jwettaq il-kontrolli ta’ sigurtà kkonċernati.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32008R0300
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.