Artikolu 8e
Evalwazzjonijiet bejn il-pari
1. Mill-inqas darba kull għaxar snin, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw awtovalutazzjonijiet perjodiċi tal-qafas nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti u jistiednu evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali tal-aspetti rilevanti tal-qafas nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti tagħhom bil-għan li b'mod kontinwu jtejbu s-sikurezza nukleari. Ir-riżultati ta' tali evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jiġu rapportati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn disponibbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq bażi koordinata:
(a) issir valutazzjoni nazzjonali, imsejsa fuq suġġett speċifiku marbut mas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari rilevanti fuq it-territorju tagħhom;
(b) l-Istati Membri l-oħra kollha u l-Kummissjoni bħala osservatur huma mistiedna li bħala pari jevalwaw il-valutazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt (a);
(c) jittieħdu miżuri ta' segwitu xierqa abbażi tas-sejbiet rilevanti li jirriżultaw mill-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari;
(d) jiġu ppubblikati r-rapporti rilevanti dwar il-proċess imsemmi hawn fuq u l-eżitu ewlieni tiegħu meta jkunu disponibbli r-riżultati.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex tkun tista' tibda l-ewwel evalwazzjoni bejn il-pari topika fl-2017, u biex, wara din, ikunu jistgħu jsiru mill-inqas kull sitt snin evalwazzjonijiet topiċi sussegwenti bejn il-pari.
4. Fil-każ ta' inċident li jwassal għal sitwazzjonijiet li jirrikjedu miżuri ta' emerġenza lil hinn mill-post jew miżuri protettivi għall-pubbliku ġenerali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li mingħajr dewmien bla bżonn issir stedina biex issir evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari.
▼B