+ANNESS II FAĊILITÀ FINANZJARJA

ANNESS II FAĊILITÀ FINANZJARJA

ANNESS II

FAĊILITÀ FINANZJARJA

A.    Implimentazzjoni ta' faċilità finanzjarja għal proġetti ta' enerġija sostenibbli

1.    Ambitu tal-faċilità

Il-faċilità finanzjarja (“il-faċilità”) għandha tintuża għall-iżvilupp ta' proġetti ta' ffrankar ta' enerġija, ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandha tiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawk l-oqsma minn awtoritajiet pubbliċi, lokali, reġjonali u, f’każijiet debitament ġustifikati, nazzjonali. Il-faċilità għandha tkun implimentata skont id-dispożizzjonijiet dwar id-delega ta' kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu.

Il-faċilità għandha tintuża għal proġetti ta' enerġija sostenibbli, b’mod partikolari f’kuntest urban. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, proġetti rigward:

(a) proġetti għall-binjiet pubbliċi u privati li jinkorporaw soluzzjonijiet għall-enerġija rinnovabbli u/jew għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija inklużi dawk ibbażati fuq l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT);

(b) investimenti fil-produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP), inkluża l-mikrokoġenerazzjoni, u netwerks ta' sħana/tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(c) sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal u l-integrazzjoni tagħhom fi grids tal-elettriku;

(d) mikroġenerazzjoni minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(e) trasport urban nadif bħala appoġġ għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b’enfasi fuq it-trasport pubbliku, vetturi elettrifikati u tal-idroġenu u tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra;

(f) infrastruttura lokali, inkluż dawl effiċjenti fuq barra tal-infrastruttura pubblika bħal dawl fit-toroq, soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku, meters intelliġenti u grids intelliġenti, li jagħmlu użu sħiħ mill-ICT;

(g) teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli b’potenzjal mil-lat tal-innovazzjoni u minn dak ekonomiku bl-użu tal-aqwa proċeduri disponibbli.

Il-faċilità tista’ wkoll tintuża biex tipprovdi inċentivi u għajnuna teknika kif ukoll tqajjem għarfien fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex tiżgura li l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni jintużaw bl-aqwa mod, b’mod partikolari, fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-titjib tal-enerġija rinnovabbli fid-djar u f’tipi ta' binjiet oħra. Il-faċilità għandha ssostni proġetti ta' vijabbiltà ekonomika u finanzjarja ppruvata, biex iroddu lura l-investimenti allokati mill-faċilità u biex jattiraw l-investimenti pubbliċi u privati. B’hekk, il-faċilità tista’, inter alia, tinkludi l-provvista u l-allokazzjonijiet kapitali għal self, garanziji, ekwità u prodotti finanzjarji oħra. Barra minn hekk, sa 15 % mill-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 21a jista’ jintuża għall-għoti ta' għajnuna teknika lil awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar l-istabbiliment ta' proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta' teknoloġiji relatati magħhom.

2.    Sinerġiji

Fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja jew teknika, għandha tingħata attenzjoni ukoll lis-sinerġiji ma' riżorsi finanzjarji oħrajn disponibbli fl-Istati Membri, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u l-faċilità ELENA, sabiex jiġi evitat it-tirkib fuq strumenti finanzjarji oħrajn.

3.    Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tal-faċilità għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi, preferibbilment fil-livell lokali u reġjonali, u entitajiet pubbliċi jew privati li jaġixxu f’isem dawk l-awtoritajiet pubbliċi.

B.    Kooperazzjoni mal-intermedjarji finanzjarji

1.    Għażla u rekwiżiti ġenerali, inkluż l-ispejjeż

Il-faċilità għandha tiġi stabbilita b’kooperazzjoni ma' intermedjarju finanzjarju wieħed jew aktar, u għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn investituri xierqa. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi tal-kapaċità ppruvata tagħhom fl-użu tal-finanzjament bl-iktar mod effiċjenti u effikaċi, skont ir-regoli u l-kriterji stipulati f’dan l-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali relatati mal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' din il-faċilità, inklużi l-ħlasijiet tal-ġestjoni u spejjeż oħra eliġibbli fatturati mill-intermedjarji finanzjarji, jibqa’ limitat kemm jista’ jkun, fi qbil mal-aqwa prattika għal strumenti simili u bis-salvagwardja tal-kwalità rekwiżita għall-faċilità.

Il-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità għandha tkun implimentata mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Finanzjarju.

L-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar id-delega tal-kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta' regoli ta' akkwist, kontroll intern, kontabbiltà u verifika esterna. L-ebda finanzjament ieħor għajr għall-ħlasijiet ta' ġestjoni jew spejjeż marbuta mal-istabbiliment tal-faċilità ma għandu jkun disponibbli għal dawk l-intermedjarji finanzjarji.

It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati dwar l-istabbiliment u l-kondizzjonijiet ta' qafas tal-faċilità, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom ikunu stipulati fi ftehim(iet) bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarji finanzjarji.

2.    Disponibbiltà tal-informazzjoni

Il-faċilità għandha tagħmel disponibbli online l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi li tkun rilevanti għall-partijiet interessati. Dan għandu jinkludi, notevolment, proċeduri ta' applikazzjoni, informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti u r-rapporti.

C.    Kondizzjonijiet ta' finanzjament u kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla

1.    Ambitu tal-finanzjament

Skont dan l-Anness, il-faċilità għandha tkun limitata għall-finanzjament ta’:

(a) proġetti ta' investiment li għandhom impatt rapidu, miżurabbli u sostanzjali, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-UE, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra; u

(b) għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli.

2.    Fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom

F’dak li jirrigwarda l-għażla tal-proġetti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bilanċ ġeografiku.

F’dak li jirrigwarda l-finanzjament ta' proġetti ta' investiment, għandha tingħata attenzjoni xierqa sabiex jinkiseb fattur sinifikanti ta' lieva bejn l-investiment totali u l-finanzjament tal-UE sabiex jinġemgħu investimenti sinifikanti fl-Unjoni. Madankollu, l-effett ta' lieva għal proġetti individwali tal-investiment jista’ jvarja, skont għadd ta' fatturi bħad-daqs u t-tip reali ta' proġett u skont kondizzjonijiet lokali inklużi d-daqs u l-kapaċitajiet finanzjarji tal-benefiċjarju.

3.    Kondizzjonijiet għall-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finanzjament taħt il-faċilità

L-awtoritajiet pubbliċi li japplikaw għal finanzjament għal proġetti ta' investiment jew ta' għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) li jkunu impenjaw irwieħhom, jew ikunu fil-proċess li jimpenjaw irwieħhom, fuq livell politiku sabiex itaffu t-tibdil fil-klima, inklużi, fejn adatt, miri konkreti, pereżempju rigward żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b) li jkunu jew qed jaħdmu biex jiżviluppaw strateġiji multiannwali sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u, fejn adatt, sabiex jilħqu l-miri tagħhom, jew inkella jkunu qed jieħdu sehem fi strateġija multiannwali fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex itaffu t-tibdil fil-klima;

(c) li jaċċettaw li jkunu pubblikament responsabbli għall-progress fl-istrateġija ġenerali tagħhom.

4.    Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' investiment iffinanzjati taħt il-faċilità

Proġetti ta' investiment finanzjati skont il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla li ġejjin:

(a) l-istabbiltà u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b) l-istabbiltà u l-kosteffikaċja tal-finanzjament għall-fażi kollha tal-investiment tal-azzjoni;

(c) il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti kollha koperti b’dan ir-Rgolament;

(d) il-maturità, definita bħala l-ilħiq tal-istadju ta' investiment, u t-tiġrib ta' nefqa kapitali sostanzjali mill-iktar fis possibbli;

(e) sa liema punt in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(f) sa liema punt il-finanzjament mill-faċilità se jistimula l-finanzi pubbliċi u privati;

(g) l-impatti soċjo-ekonomiċi kkwantifikati;

(h) l-impatti ambjentali kkwantifikati.

5.    Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità

Il-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla msemmija fil-punt 4 (a), (c), (e), (f) u (g).

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.12.2018 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009R0663
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.