Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart jew ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart li jinċineraw jew jikkoinċineraw skart solidu jew likwidu.
▼M1
Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-impjanti tal-gassifikazzjoni jew tal-pirolisi, jekk il-gassijiet jew il-likwidi li jirriżultaw minn tali trattament termali tal-iskart jiġu ttrattati qabel l-inċinerazzjoni tagħhom sa tali punt li:
(a)
l-inċinerazzjoni tikkawża emissjonijiet aktar baxxi mill-kombustjoni tal-fjuwils li jniġġsu l-anqas disponibbli fis-suq li jistgħu jiġu maħruqa fl-installazzjoni;
(b)
għall-emissjonijiet minbarra l-ossidi tan-nitroġenu, l-ossidi tal-kubrit u t-trab, l-inċinerazzjoni ma tikkawżax emissjonijiet ogħla minn dawk mill-inċinerazzjoni jew mill-koinċinerazzjoni tal-iskart.
▼B
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart għandhom jinkludu l-linji kollha tal-inċinerazzjoni jew il-linji ta’ koinċinerazzjoni, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, sistemi ta’ provvista tal-iskart, tal-karburant u tal-arja, bojlers, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet skart, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ dranaġġ, ċmieni, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet tal-inċinerazzjoni jew tal-koinċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tal-inċinerazzjoni jew tal-koinċinerazzjoni.
Jekk jiġu applikati proċessi minbarra l-ossidazzjoni, bħall-pirolisi, il-gassifikazzjoni jew il-proċess tal-plażma, għat-trattament termali tal-iskart, l-impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew l-impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart għandu jinkludi kemm il-proċess ta’ trattament termali kif ukoll il-proċess ta’ inċinerazzjoni sussegwenti.
Jekk il-koinċinerazzjoni tal-iskart isseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni tal-impjant mhuwiex il-ġenerazzjoni tal-enerġija jew il-produzzjoni ta’ prodotti materjali iżda aktar it-trattament termali tal-iskart, l-impjant għandu jitqies bħala impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart.