+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li tfasslet wara li nkisbet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri,
Wara likkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
|
(1)
|
L-Artikolu 2(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Trattat Euratom”) jipprevedi l-istabbiliment ta’ standards uniformi ta’ sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali.
|
|
(2)
|
L-Artikolu 30 tat-Trattat Euratom jipprevedi l-istabbiliment ta’ standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti.
|
|
(3)
|
L-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’dejta ġenerali dwar kwalunkwe pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv.
|
|
(4)
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom (3) tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti. Dik id-Direttiva ġiet supplimentata b’leġiżlazzjoni aktar speċifika.
|
|
(5)
|
Kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Trattat Euratom, dwar is-saħħa u s-sikurezza, jiffurmaw sett sħiħ u koerenti li jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ ambitu konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent jiġu protetti mir-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari (4).
|
|
(6)
|
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (5) stabbilixxiet qafas għan-notifika u l-forniment ta’ informazzjoni li għandha tintuża mill-Istati Membri biex il-pubbliku ġenerali jkun protett f’każ ta’ emerġenza radjoloġika. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta’ Novembru 1989 dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’emerġenza radjoloġika (6), imponiet obbligi fuq l-Istati Membri biex jinformaw lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.
|
|
(7)
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/Euratom (7) tipprevedi l-kontroll ta’ sorsi radjoattivi ssiġillati ta’ attività għolja u sorsi orfni, inklużi sorsi li ma baqgħux jintużaw. F’konformità mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv (“il-Konvenzjoni Konġunta”) u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta’ Sorsi Radjuattivi, u prattiki industrijali attwali, sorsi ssiġillati li m’għadhomx jintużaw jistgħu jerġgħu jintużaw, jiġu riċiklati jew jintremew. F’ħafna każijiet, dan jeħtieġ ritorn tas-sors jew ritorn tat-tagħmir, inkluż is-sors, lil fornitur jew manifattur, għal rikwalifikazzjoni jew proċessar.
|
|
(8)
|
Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni (8) tkopri l-ġestjoni ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni li jista’ jkun radjuattiv, iżda teskludi dawk l-aspetti li huma speċifiċi għar-radjuattività, li huma kwistjonijiet trattati fit-Trattat Euratom.
|
|
(9)
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom (9) tistabbilixxi fil-livell tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Komunità”) sistema ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat. Dik id-Direttiva ġiet issupplimentata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/956/Euratom tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi (10).
|
|
(10)
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (11), timponi obbligi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali għas-sikurezza nukleari. Filwaqt li dik id-Direttiva tikkonċerna prinċipalment is-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari, hija tiddikjara li huwa wkoll importanti li tiġi żgurata l-ġestjoni sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, inkluż fil-faċilitajiet ta’ ħżin u rimi. Għalhekk, dawn il-faċilitajiet, indirizzati kemm fid-Direttiva 2009/71/Euratom kif ukoll f’din id-Direttiva, ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligi sproporzjonati jew mhux meħtieġa, speċjalment fir-rigward tar-rappurtar.
|
|
(11)
|
Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent (12) tapplika għal ċerti pjani u programmi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (13).
|
|
(12)
|
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/851/Euratom tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-diżattivazzjoni ta’ installazzjonijiet nukleari, fjuwil użat u skart radjuattiv (14) tiffoka fuq l-adegwatezza tal-finanzjament, is-sigurtà finanzjarja tiegħu u t-trasparenza tiegħu biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw biss għall-finijiet intenzjonati.
|
|
(13)
|
Skont it-termini speċifiċi tal-adeżjoni tal-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, fejn ċerti impjanti tal-enerġija nukleari kienu soġġetti għal għeluq bikri, il-Komunità ħadet sehem fil-ġbir ta’ riżorsi finanzjarji u tipprovdi appoġġ finanzjarju soġġett għal ċerti kondizzjonijiet għal diversi proġetti ta’ diżattivazzjoni, inkluża l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat.
|
|
(14)
|
Il-Konvenzjoni Konġunta, li ġiet konkluża taħt il-patroċinju tal-IAEA, tirrappreżenta strument ta’ inċentiv li timmira li tikseb u żżomm livell għoli ta’ sikurezza fid-dinja kollha fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv permezz tat-titjib ta’ miżuri nazzjonali u kooperazzjoni internazzjonali.
|
|
(15)
|
Xi Stati Membri diġà pparteċipaw u biħsiebhom jipparteċipaw aktar fil-programm immexxi mill-Istati Uniti u r-Russja, imsejjaħ l-Inizjattiva Globali għat-Tnaqqis tat-Theddid, billi jibagħtu il-fjuwil użat ta’ reatturi ta’ riċerka lejn l-Istati Uniti tal-Amerika u lejn il-Federazzjoni Russa.
|
|
(16)
|
Fl-2006, l-IAEA aġġornat l-istruttura tal-istandards u ppubblikat il-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza, li ġew sponsorjati b’mod konġunt mill-Komunità, l-Organizzazzjoni għall- Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi/Aġenzija tal-Enerġija Nukleari u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. L-applikazzjoni tal-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza ser tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ standards tas-sikurezza internazzjonali u ser tikkontribwixxi għal konsistenza akbar bejn l-arranġamenti ta’ stati differenti.
|
|
(17)
|
Wara l-istedina tal-Kunsill biex jiġi stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli fil-livell tal-UE, kif ġie rreġistrat fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2007 dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni Sikura ta’ Karburant Nukleari Użat u Skart Radjuattiv, twaqqaf il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-17 ta’ Lulju 2007 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Nukleari (15) biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi Komunitarji fil-qasam tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u skart radjuattiv. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ENSREG kienu riflessi fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Ġestjoni ta’ Kombustibbli Użat u tal-Iskart Radjuattiv u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009 dwar ir-rapport tar-Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari.
|
|
(18)
|
Il-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Mejju 2007 adotta Riżoluzzjoni “L-evalwazzjoni tal-Euratom - 50 sena ta’ politika nukleari Ewropea” fejn appella għal standards armonizzati għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u stieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-abbozzi rilevanti tal-proposta leġiżlattiva tagħha u tippreżenta proposta ġdida għal direttiva dwar il-ġestjoni ta’ skart radjuattiv.
|
|
(19)
|
Filwaqt li kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddefinixxi t-taħlita tal-enerġija tiegħu, l-Istati Membri kollha jiġġeneraw skart radjuattiv mill-ġenerazzjoni tal-enerġija jew matul attivitajiet industrijali, agrikoli, mediċi u ta’ riċerka, jew bid-diżattivazzjoni ta’ faċilitajiet nukleari jew f’sitwazzjonijiet ta’ rimedju u interventi.
|
|
(20)
|
L-operazzjoni tar-reatturi nukleari tiġġenera fjuwil użat. Kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddefinixxi l-politika tiegħu dwar iċ-ċiklu tal-fjuwil. Il-fjuwil użat jista’ jitqies jew bħala riżors ta’ valur li jista’ jiġi riproċessat jew bħala skart radjuattiv li jkun iddestinat għar-rimi dirett. Irrispettivament mill-għażla li ssir, għandu jiġi kkunsidrat rimi ta’ skart ta’ livell għoli, li jiġi sseparat waqt ir-riproċessar, jew ta’ fjuwil użat meqjus bħala skart.
|
|
(21)
|
L-iskart radjuattiv, inkluż fjuwil użat meqjus bħala skart, jeħtieġ konteniment u iżolament min-nies u mill-ambjent ħaj għal terminu ta’ żmien twil. In-natura speċifika tiegħu, jiġifieri li fih radjunuklidi tirrikjedi arranġamenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn perikli kkawżati minn radjazzjoni jonizzanti, inkluż ir-rimi f’faċilitajiet adatti bħala l-lokalizzazzjoni aħħarija. Il-ħżin ta’ skart radjuattiv, inkluż il-ħżin għal żmien fit-tul, huwa soluzzjoni temporanja, iżda m’huwiex alternattiva għar-rimi.
|
|
(22)
|
Skema ta’ klassifikazzjoni nazzjonali tal-iskart radjuattiv għandha tappoġġa dawk l-arranġamenti, filwaqt li tqis b’mod sħiħ it-tipi speċifiċi u l-proprjetajiet tal-iskart radjuattiv.
|
|
(23)
|
Il-kunċett ta’ rimi tipiku għal skart ta’ livell baxx u medju huwa rimi qrib lejn il-wiċċ. Huwa ġeneralment aċċettat fil-livell tekniku li, f’dan il-waqt, ir-rimi ġeoloġiku fil-fond jirrappreżenta l-għażla l-aktar sikura u l-aktar sostenibbli bħala l-punt tat-tmiem tal-ġestjoni ta’ skart ta’ livell għoli u fjuwil użat meqjus bħala skart. L-Istati Membri, filwaqt li jżommu r-responsabbiltà għal-linji ta’ politika rispettivi tagħhom rigward il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv ta’ livell baxx, medju jew għoli tagħhom, għandhom jinkludu l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għażliet tar-rimi fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom. Billi l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ faċilità ta’ rimi ser tieħu ħafna deċennji, ħafna programmi jirrikonoxxu l-ħtieġa li jibqgħu flessibbli u adattabbli, eż. sabiex jiġi inkorporat għarfien ġdid dwar il-kondizzjonijiet tas-sit jew l-evoluzzjoni possibbli tas-sistema tar-rimi. L-attivitajiet li jsiru taħt il-Pjattaforma tat-Teknoloġija għall-Implimentazzjoni tar-Rimi Ġeoloġiku ta’ Skart Radjuattiv (IGD-TP) jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-kompetenza esperta u t-teknoloġija f’dan ir-rigward. Għal dan l-għan, ir-riversibbiltà u l-possibbiltà ta’ rkupru bħala kriterji tal-operat u t-tfassil jistgħu jintużaw biex jiggwidaw l-iżvilupp tekniku ta’ sistema ta’ rimi. Madankollu, dawk il-kriterji ma għandhomx jissostitwixxu faċilità ta’ rimi mfassal sew li jkollha bażi ġustifikabbli għall-għeluq. Jinħtieġ kompromess peress li l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat hija bbażata fuq ix-xjenza u t-teknoloġija l-aktar avvanzati.
|
|
(24)
|
Għandu jkun obbligu etiku ta’ kull Stat Membru li jevita kwalunkwe piż mhux dovut fuq il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, kif ukoll kwalunkwe skart radjuattiv mistenni mid-diżattivazzjoni ta’ installazjonijiet nukleari eżistenti. Bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jkunu wrew li huma ħadu passi raġonevoli biex jiżguraw li dak l-objettiv jintlaħaq.
|
|
(25)
|
Ir-responsabbiltà aħħarija tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv hija prinċipju fundamentali li ġie riaffermat mill-Konvenzjoni Konġunta. Dak il-prinċipju ta’ responsabbiltà nazzjonali, flimkien mal-prinċipju ta’ responsabbiltà primarja tad-detentur ta’ liċenzja għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja kompetenti tiegħu, għandu jissaħħaħ u r-rwol u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja kompetenti għandha tiġi rinforzata b’din id-Direttiva.
|
|
(26)
|
Huwa mifhum li l-użu ta’ sorsi radjuattivi minn awtorità regolatorja kompetenti għall-fini li twettaq il-kompiti regolatorji tagħha ma jaffettwax l-indipendenza tagħha.
|
|
(27)
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun disponibbli finanzjament adatt għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv.
|
|
(28)
|
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali biex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi f’dispożizzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-passi kollha tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi. Għandu jkun possibbli li dawn il-programmi nazzjonali jkunu fl-għamla ta’ dokument ta’ referenza uniku jew sett ta’ dokumenti.
|
|
(29)
|
Huwa mifhum li l-arranġamenti nazzjonali għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv ser jiġu applikati permezz ta’ xi forma ta’ strument legali, regolatorju jew organizzattiv, li l-għażla tiegħu taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri.
|
|
(30)
|
Il-passi differenti fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv huma interrelatati mill-qrib. Id-deċiżjonijiet meħuda f’pass individwali wieħed jistgħu jaffettwaw pass sussegwenti. Għalhekk, meta jkunu qed jiġu żviluppati l-programmi nazzjonali wieħed għandu jieħu kont ta’ tali interdipendenzi.
|
|
(31)
|
It-trasparenza hija importanti fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. It-trasparenza għandha tiġi pprovduta billi jiġu żgurati informazzjoni u opportunitajiet pubbliċi effettivi għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, inkluż l-awtoritajiet lokali u l-pubbliku, biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi deċiżjonali f’konformità mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali.
|
|
(32)
|
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u f’livell internazzjonali tista’ tiffaċilita u tħaffef it-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz tal-aċċess għal kompetenza esperta u teknoloġija.
|
|
(33)
|
Xi Stati Membri jqisu li l-kondiviżjoni tal-faċilitajiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, inklużi l-faċilitajiet tar-rimi, hija għażla potenzjalment utli, sikura u kost-effettiva meta tkun ibbażata fuq ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati.
|
|
(34)
|
Id-dokumentazzjoni tal-proċess deċiżjonali fir-rigward tas-sikurezza għandha tkun proporzjonata mal-livelli ta’ riskju (approċċ iggradat) u għandha tipprovdi bażi għad-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Dan għandu jippermetti li jiġu identifikati oqsma ta’ inċertezza li għandhom jingħataw attenzjoni meta tkun qed issir valutazzjoni tas-sikurezza. Id-deċiżjonijiet dwar is-Sikurezza għandhom ikunu bbażati fuq is-sejbiet ta’ valutazzjoni tas-sikurezza u l-informazzjoni dwar ir-robustezza u l-affidabbiltà ta’ dik il-valutazzjoni u tal-presupposti tagħha. Għalhekk, il-proċess deċiżjonali għandu jkun ibbażat fuq ġabra ta’ argumenti u evidenza li jfittxu li juru li jkun intlaħaq l-istandard meħtieġ ta’ sikurezza għal xi faċilità jew attività relatata mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Fil-każ partikolari ta’ faċilità ta’ rimi, id-dokumentazzjoni għandha ttejjeb il-fehim tal-aspetti li jinfluwenzaw is-sikurezza tas-sistema ta’ rimi, inklużi barrieri naturali (ġeoloġiċi) u artifiċjali, u l-iżvilupp mistenni tas-sistema ta’ rimi tul iż-żmien.
|
|
(35)
|
Stat Membru li ma għandux fjuwil użat, ma għandu l-ebda prospett immedjat li jkollu fjuwil użat u l-ebda attività attwali jew ippjanata relatata ma’ fjuwil użat, ikollu obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ jekk ikollu jittrasponi u jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ fjuwil użat. Għalhekk, Stati Membri bħal dawn għandhom ikunu eżentati, sakemm ma jkunux ħadu deċiżjoni li jiżviluppaw kwalunkwe attività relatata ma’ fjuwil nukleari, mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet relatati ma’ fjuwil użat ta’ din id-Direttiva.
|
|
(36)
|
Trattat bejn il-gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-gvern tar-Repubblika tal-Kroazja dwar ir-regolazzjoni tal-istatus u r-relazzjonijiet legali oħra dwar l-investiment, l-isfruttament u d-diżattivazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Krško jirregola l-koproprjetà ta’ impjant tal-enerġija nukleari. Dak it-Trattat jipprevedi responsabbiltà kondiviża għall-ġestjoni u r-rimi ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat. Għalhekk għandha tkun stabbilita eżenzjoni għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex ma tixxekkilx l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dak it-Trattat bilaterali.
|
|
(37)
|
Filwaqt li tirrikonoxxi li l-perikli radjoloġiċi u mhux radjoloġiċi assoċjati ma’ fjuwil użat u skart radjuattiv għandhom jitqiesu fil-qafas nazzjonali, din id-Direttiva ma tkoprix perikli mhux radjoloġiċi, li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
|
|
(38)
|
Iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetenzi u l-ħiliet fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, bħala element essenzjali li bih jiġu żgurati livelli għolja ta’ sikurezza, għandhom ikunu bbażati fuq tagħlim permezz ta’ esperjenza fl-operat.
|
|
(39)
|
Ir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku appoġġati minn kooperazzjoni teknika bejn l-atturi jistgħu jiftħu orizzonti għat-titjib tal-ġestjoni sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, kif ukoll jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju tar-radjutossiċità ta’ skart ta’ livell għoli.
|
|
(40)
|
Ir-reviżjoni bejn il-pari tista’ sservi bħala mezz eċċellenti biex tinbena l-fiduċja fil-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li tiġi żviluppata u skambjata l-esperjenza u biex jiġu żgurati standards għoljin,
|
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SAWICKI
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 02.08.2011 00:00:00 -Doknr: CELEX:32011L0070
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|