+Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“informazzjoni privileġġata” tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew iktar u, li kieku ssir pubblika, x'aktarx li taffettwa b'mod sinifikanti dawk il-prezzijiet ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.

Għall-finijietdin id-definizzjoni, “informazzjoni” tfisser:

(a) 

informazzjoni li għandha ssir pubblika skont ir- ►M1  Regolament (UE) 2019/943 ◄ u (KE) Nru 715/2009, inklużi l-linji gwida u l-kodiċijiet tan-netwerk adottati skont dawk ir-Regolamenti;

(b) 

informazzjoni relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet għall-produzzjoni, għall-ħżin, għall-konsum jew għat-trażmissjoni ►M2  tal-elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ jew relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċiliatjiet LNG, inkluż nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat jew mhux ippjanat ta’ dawn il-faċilitajiet;

▼M1

(c) 

informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, ir-regoli tas-suq, u l-kuntratti jew l-użanzi fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa rilevanti; sakemm din l-informazzjoni x’aktarx li jkollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

▼M1

(ca) 

informazzjoni li hija mogħtija minn parteċipant fis-suq, jew minn persuni oħra li jaġixxu f’isem il-parteċipant fis-suq, lil provdituri ta’ servizzi li jinnegozja f’isem il-parteċipant fis-suq u li tirrelata mal-ordnijiet pendenti tal-parteċipant fis-suq ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, li jkollha natura preċiża, u tirrelata direttament jew indirettament ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar; u

▼B

(d) 

informazzjoni oħra li parteċipant raġonevoli fis-suq x'aktarx juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjoni tiegħu li jidħol fi tranżizzjoni relatata ma', jew li joħroġ ordni biex jinnegozja fi, prodott tal-enerġija bl-ingrossa.

▼M1

L-informazzjoni għandha titqies li għandha natura preċiża jekk turi sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li b’mod raġonevoli jista’ jkun mistenni li jibda jeżisti, jew avveniment li jkun sar jew li b’mod raġonevoli jista’ jkun mistenni li jiġri, u jekk tkun speċifika biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jasal għal konklużjoni rigward l-effett possibbli ta’ dak is-sett ta’ ċirkostanzi jew ta’ dak l-avveniment fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. L-informazzjoni tista’ titqies li għandha natura preċiża jekk tkun relatata ma’ proċess fit-tul li jkun maħsub biex iwassal, jew li jirriżulta f’ċirkostanzi partikolari jew f’avveniment partikolari, inkluż ċirkostanzi futuri jew avvenimenti futuri, u wkoll jekk dan ikun relatat mal-passi intermedji ta’ dak il-proċess li huma konnessi mal-ħolqien jew li jirriżultaw fil-ħolqien ta’ dawk iċ-ċirkostanzi futuri jew ta’ dak l-avveniment futur.

Pass intermedju fi proċess fit-tul għandu jitqies bħala informazzjoni privileġġata jekk, fih innifsu, ikun jissodisfa l-kriterji tal-informazzjoni privileġġata kif imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, l-informazzjoni għandha titqies bħala relatata direttament jew indirettament mal-prodott tal-enerġija bl-ingrossa jekk ikollha effett possibbli fuq id-domanda, il-provvista jew il-prezzijiet ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew fuq l-aspettattivi tad-domanda, tal-provvista jew tal-prezzijiet ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, l-informazzjoni li, jekk issir pubblika, x’aktarx taffettwa b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa tfisser informazzjoni li parteċipant fis-suq raġonevoli x’aktarx juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjoni tiegħu dwar negozjar bi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(2) 

“manipulazzjoni tas-suq” tfisser:

(a) 

il-parteċipazzjoni fi tranżazzjoni jew il-ħruġ, il-modifika jew l-irtirar ta’ kwalunkwe ordni għan-negozjar jew l-involviment fi mġiba oħra relatata ma’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li:

(i) 

tagħti, jew li aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom;

(ii) 

tiżgura, jew li aktarx tiżgura, minn persuna/i li jaġixxu b’kollaborazzjoni, il-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun daħlet fit-tranżazzjoni jew li tkun ħarġet l-ordni għan-negozjar ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li tali tranżazzjoni jew ordni għan-negozjar huma konformi mal-prattiċi aċċettati tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa kkonċernat; jew

(iii) 

tħaddem apparat fittizju jew xi forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li jagħtu, jew li aktarx jagħtu, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom;

(b) 

tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li jagħti jew huwa probabbli li jagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, inkluż it-tixrid ta’ għajdut u ta’ aħbarijiet foloz jew qarrieqa, fejn il-persuna li tkun xerrdet l-informazzjoni kienet taf, jew missha kienet taf, li din kienet falza jew qarrieqa.

Meta informazzjoni tinxtered għall-iskopijiet tal-ġurnaliżmu jew l-espressjoni artistika, tixrid ta’ informazzjoni ta’ din ix-xorta għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra, sakemm;

(i) 

dawk il-persuni jieħdu, direttament jew indirettament, vantaġġ jew profitti mit-tixrid tal-informazzjoni in kwistjoni; jew

(ii) 

l-iżvelar jew it-tixrid isir bl-intenzjoni li s-suq jiġi mqarraq dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.

jew

(c) 

it-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew l-għoti ta’ kontribut falz jew qarrieq rigward parametru referenzjarju, meta l-persuna li għamlet it-trażmissjoni jew li tat il-kontribut kienet taf jew messha kienet taf li kien falz jew qarrieq, jew involviet ruħha fi mġiba oħra li tikkaġuna l-manipulazzjoni tal-kalkolu ta’ parametru referenzjarju.

Il-manipulazzjoni tas-suq tista’ tindika l-imġiba ta’ persuna ġuridika, jew, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, ta’ persuna fiżika li tipparteċipa fid-deċiżjoni li jitwettqu attivitajiet akkont tal-persuna ġuridika kkonċernata;

▼B

(3) 

“tentattiv sabiex ikun immanipulat is-suq” tfisser:

(a) 

il-parteċipazzjoni fi kwalunkwe tranżazzjoni, il-ħruġ ta’ kwalunkwe ordni sabiex isir negozju jew it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni oħra relatata ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa bil-ħsieb li:

(i) 

jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta', id-domanda għal jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(ii) 

il-prezz ta’ prodott jew diversi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jkun żgurat f'livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun ipparteċipat fit-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordni sabiex isir in-negozju ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li dikn it-tranżazzjoni jew ordni biex isir negozju hija konformi mal-prattiċi aċċettati tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa konċernat; jew

(iii) 

isir użu minn mezzi fittizji jew minn kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li tagħti jew li tista' tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta', id-domanda għal, jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

jew

(b) 

it-tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-Internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor bil-ħsieb li jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta', id-domanda għal, jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.

(4) 

“prodotti tal-enerġija bl-ingrossa” tfisser il-kuntratti u d-derivati li ġejjin, irrispettivament minn fejn jew kif jiġu nnegozjati:

▼M1

(a) 

kuntratti għall-provvista ►M2  tal-elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ , inkluż l-LNG, fejn it-twassil ikun fl-Unjoni, jew kuntratti għall-provvista tal-elettriku li jistgħu jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni bħala riżultat tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata;

(b) 

derivattivi relatati ►M2  mal-elettriku, idroġenu jew gass naturali prodotti ◄ , innegozjati jew mwassla fl-Unjoni, jew derivattivi relatati mal-elettriku, li jistgħu jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni, bħala riżultat tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata;

▼B

(c) 

kuntratti relatati mat-trasport ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ fl-Unjoni;

(d) 

derivati relatati mat-trasport ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ fl-Unjoni;

▼M1

(e) 

kuntratti relatati mal-ħżin ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ fl-Unjoni;

(f) 

derivattivi relatati mal-ħżin ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ fl-Unjoni;

▼B

Il-kuntratti għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ għall-użu tal-klijenti finali mhumiex prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Madankollu, il-kuntratti għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ lill-klijenti finali b'kapaċità ta’ konsum akbar mil-limitu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-punt (5) għandhom jitqiesu bħala prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(5) 

“kapaċità ta’ konsum” tfisser il-konsum ta’ klijent finali ta’ ►M2  elettriku, idroġenu jew gass naturali ◄ b'użu sħiħ tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dak il-klijent. Hija tinkludi l-konsum kollu minn dak il-klijent bħala entità ekonomika unika, safejn il-konsum isir fi swieq bi prezzijiet bl-ingrossa interkonnessi.

Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, il-konsum f'impjanti individwali, li għandhom kapaċità ta’ konsum ta’ anqas minn 600 GWh u li huma taħt il-kontroll ta’ entità ekonomika unika fis-sena, ma għandux jitqies safejn dawk l-impjanti ma jeżerċitawx influwenza konġunta fuq prezzijiet tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa minħabba li jkunu jinsabu fi swieq ġeografiċi rilevanti differenti;

(6) 

“suq tal-enerġija bl-ingrossa” tfisser kwalunkwe suq fl-Unjoni fejn jiġu nnegozjati prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

▼M1

(7) 

“parteċipant fis-suq” tfisser kwalunkwe persuna, inkluż operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, operaturi tas-sistema tal-ħżin u operaturi tas-sistema LNG, li jidħlu fi tranżazzjonijiet, inkluż it-tqegħid ta’ ordnijiet għan-negozjar, f’suq tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar;

▼B

(8) 

“persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika;

▼M1

(8a) 

“persuna li professjonalment tagħmel arranġamenti għat-tranżazzjonijiet jew twettaqhom” tfisser persuna li tkun involuta b’mod professjonali fil-wasla u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, jew fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet tagħhom;

▼B

(9) 

“awtorità finanzjarja kompetenti” tfisser awtorità kompetenti nnominata skont il-proċedura stipulata fl- ►M1  Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ◄ ;

(10) 

“awtorità regolatorja nazzjonali” tfisser awtorità regolatorja nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku ( 6 ) jew skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali ( 7 );

(11) 

“operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni” għandha t-tifsira stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE u fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE;

▼M1

(11a) 

operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni tfisser operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tad-Direttiva 2009/73/KE u fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(11b) 

“operatur tas-sistema tal-ħżin” tfisser operatur tas-sistema tal-ħżin kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2009/73/KE jew operatur ta’ “faċilità ta’ ħżin ta’ enerġija” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (60), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(11c) 

“Operatur tas-sistema LNG” tfisser operatur tas-sistema LNG kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva 2009/73/KE;”

▼B

(12) 

“impriża prinċipali” tfisser impriża prinċipali fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 tas-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati ( 8 );

(13) 

“impriża relatata” tfisser jew sussidjarja jew impriża oħra li fiha tinżamm parteċipazzjoni, jew impriża marbuta ma’ impriża oħra b'relazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE;

(14) 

“distribuzzjoni tal-gass naturali” għandha t-tifsira stabbilita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE;

(15) 

“distribuzzjoni tal-elettriku” għandha t-tifsira stabbilita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE;

▼M1

(16) 

“mekkaniżmu tar-rappurtar reġistrat” jew “RRM” tfisser persuna ġuridika awtorizzata skont dan ir-Regolament biex tirrappurta jew tipprovdi s-servizz ta’ dettalji tar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet, inkluż ordnijiet għan-negozjar, u data fundamentali lill-Aġenzija f’isimha stess jew f’isem il-parteċipanti fis-suq;

(17) 

“pjattaforma tal-informazzjoni privileġġata” jew “IIP” tfisser persuna awtorizzata skont dan ir-Regolament biex tipprovdi s-servizz ta’ operat ta’ pjattaforma għall-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata u r-rappurtar ta’ informazzjoni privileġġata żvelata lill-Aġenzija f’isem il-parteċipanti fis-suq;

(18) 

“negozjar algoritmiku” tfisser negozjar, inkluż negozjar ta’ frekwenza għolja, ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa meta algoritmu tal-kompjuter jiddetermina awtomatikament parametri individwali ta’ ordnijiet għan-negozjar, bħal jekk tinbediex l-ordni, il-ħin opportun, il-prezz jew il-kwantità tal-ordni jew kif tiġi mmaniġġata l-ordni wara s-sottomissjoni tagħha, b’intervent uman limitat jew bla intervent uman, ħlief is-sistemi li jintużaw biss biex l-ordnijiet jiġu direzzjonati lejn suq organizzat wieħed jew aktar jew għall-ipproċessar ta’ ordnijiet li ma jinvolvu l-ebda determinazzjoni ta’ xi parametru tan-negozjar jew għall-konferma ta’ ordnijiet jew l-ipproċessar ta’ wara n-negozjar ta’ tranżazzjonijiet imwettqa;

(19) 

“aċċess elettroniku dirett” tfisser arranġament biex membru, parteċipant jew klijent ta’ suq organizzat jippermetti lil persuna oħra tuża l-kodiċi tan-negozjar tagħha ħalli l-persuna tkun tista’ tittrażmetti elettronikament ordnijiet għan-negozjar relatati ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa direttament lis-suq organizzat, inkluż arranġamenti li jinvolvu l-użu minn persuna tal-infrastruttura tal-informazzjoni teknoloġika tal-membru, tal-parteċipant jew tal-klijent, jew xi sistema tal-konnessjoni pprovduta mill-membru, mill-parteċipant jew mill-klijent, għat-trażmissjoni tal-ordnijiet għan-negozjar (aċċess dirett għas-suq) u arranġamenti biex infrastruttura bħal din ma tintużax minn persuna (aċċess sponsorjat);

(20) 

“suq organizzat” jew “OMP” tfisser skambju tal-enerġija, sensar tal-enerġija, pjattaforma tal-kapaċità tal-enerġija jew kwalunkwe sistema jew faċilità oħra fejn interessi multipli ta’ xiri jew bejgħ ta’ partijiet terzi fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jinteraġixxu b’mod li jista’ jirriżulta fi tranżazzjoni;

(21) 

“reġistru tal-ordnijiet” tfisser id-dettalji kollha tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa eżegwiti f’OMP, inkluż ordnijiet imqabbla u mhux imqabbla kif ukoll ordnijiet iġġenerati mis-sistema u avvenimenti taċ-ċiklu tal-ħajja;

(22) 

“parametru referenzjarju” tfisser indiċi kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt 3, tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), li b’referenza għalih jiġi ddeterminat l-ammont pagabbli taħt prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew kuntratt relatat ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew il-valur ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa;

(23) 

“negozjar tal-LNG” tfisser offerti tax-xiri, offerti tal-bejgħ jew tranżazzjonijiet, inkluż iżda mhux limitat għal dawk li jseħħu barra l-borża jew f’OMP, għax-xiri jew il-bejgħ ta’ LNG:

(a) 

li jispeċifikaw it-twassil fl-Unjoni;

(b) 

li jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni; jew

(c) 

meta kontroparti minnhom terġa’ taqleb l-LNG f’gass ġo terminal fl-Unjoni;

(24) 

“data tas-suq tal-LNG” tfisser rekords ta’ offerti tax-xiri, offerti tal-bejgħ jew tranżazzjonijiet għan-negozjar tal-LNG b’informazzjoni korrispondenti;

(25) 

“parteċipant fis-suq tal-LNG” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-inkorporazzjoni jew tad-domiċilju ta’ dik il-persuna, li tinvolvi ruħha fin-negozjar tal-LNG;

(26) 

“valutazzjoni tal-prezz tal-LNG” tfisser id-determinazzjoni ta’ prezz ta’ referenza ta’ kuljum għan-negozjar tal-LNG f’konformità ma’ metodoloġija stabbilita mill-Aġenzija;

(27) 

“parametru referenzjarju tal-LNG” tfisser id-determinazzjoni ta’ firxa bejn il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u l-prezz tas-saldu għall-kuntratt ta’ xahar bil-quddiem ta’ TTF Gas Futures stabbilit kuljum minn ICE Endex Markets B.V.

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.02.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32011R1227
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.