Artikolu 19
Prevenzjoni ta' aċċidenti kbar minn operaturi u sidien
1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi u sidien jħejju dokument li jistabbilixxi l-politika korporattiva tagħhom dwar il-prevenzjoni ta' aċċidenti kbar li għandu jiġi ppreżentat skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(1), u jiżguraw li tkun implimentata fl-operazzjonijiet kollha taż-żejt u tal-gass offshore tagħhom, inkluż bl-istabbiliment ta' arranġamenti adatti ta' monitoraġġ biex jiżguraw l-effettività tal-politika. Id-dokument għandu jkun fih l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I, parti 8.
2. Il-politika korporattiva ta' prevenzjoni ta' aċċidenti kbar għandha tqis ir-responsabbiltà primarja tal-operaturi għal, fost l-oħrajn, il-kontroll ta' riskji ta' aċċident kbir, li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tagħhom u għat-titjib kontinwu tal-kontroll ta' dawk ir-riskji sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni f'kull waqt.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi u sidien iħejju dokument li jistipula s-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza u tal-ambjent li għandha tiġi ipprezentata skont il-punt (b) tal-Artikolu 11(1). Dak id-dokument għandu jinkludi d-deskrizzjoni ta':
(a)
l-arranġamenti organizzattivi għall-kontroll ta' perikli kbar;
(b)
l-arranġamenti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' rapporti dwar perikli kbar, u dokumenti oħra kif adatt, skont din id-Direttiva; u
(c)
l-iskemi għal verifika indipendenti stabbiliti skont l-Artikolu 17.
4. L-Istati Membri għandhom joħolqu opportunitajiet biex l-operaturi u s-sidien jagħtu kontribut għall-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni tripartitika effettiva stabbiliti skont l-Artikolu 6(8). Meta jkun adatt, l-impenn tal-operatur u tas-sid għal tali mekkaniżmi jista' jiġi deskritt fil-politika korporattiva ta' prevenzjoni ta' aċċidenti kbar.
5. Il-politika korporattiva ta' prevenzjoni ta' aċċidenti kbar u s-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza u tal-ambjent għandhom jitħejjew f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, partijiet 8 u 9 u l-Anness IV. Għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-politika korporattiva ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti kbar għandha tkun bil-miktub u għandha tistabbilixxi l-għanijiet ġenerali u l-arranġamenti għall-kontroll tal-perikli ta’ aċċidenti kbar, u kif dawk l-għanijiet ghandhom jinkisbu u arranġamenti jidħlu fis-seħħ fil-livell korporattiv;
(b)
is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u tal-ambjent għandha tkun integrata fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni ġenerali tal-operatur jew is-sid u għandha tinkludi l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet, il-prattiki, il-proċeduri, il-proċessi u r-riżorsi għad-determinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika korporattiva ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti kbar.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi u s-sidien jħejju u jżommu inventarju komplet ta' tagħmir ta' rispons għal emerġenza rilevanti għall-operazzjoni ta' żejt u gass offshore tagħhom.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi u, is-sidien, f'konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti, u bl-użu tal-iskambji ta' konoxxenza, informazzjoni u esperjenza kif previst fl-Artikolu 27(1), iħejju u jirrevedu l-istandards u l-gwida dwar l-aħjar prassi fir-rigward tal-kontroll ta' perikli kbar matul iċ-ċiklu tal-ħajja tad-disinn u dak operazzjonali ta' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, u li tal-inqas isegwu d-deskrizzjoni fl-Anness VI.
8. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi u s-sidien jiżguraw li d-dokument dwar il-politika korporattiva tagħhom għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti kbar imsemmi fil-paragrafu 1 ikopri wkoll l-installazzjonijiet tagħhom tal-produzzjoni u dawk mhux tal-produzzjoni barra l-Unjoni.
9. Fejn attività mwettqa minn operatur jew sid tkun ta' periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew iżżid b'mod sinifikanti r-riskju ta' aċċident kbir, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jew is-sid jieħu miżuri xierqa li jistgħu jinkludu, jekk din titqies meħtieġa, is-sospensjoni tal-attività rilevanti sakemm il-periklu jew ir-riskju jiġi kkontrollat b'mod adegwat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn jittieħdu tali miżuri, l-operatur jew is-sid jinnotifika, lill-awtorità kompetenti kif meħtieġ mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li jittieħdu dawk il-miżuri.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun adatt, l-operaturi u s-sidien jieħdu miżuri xierqa biex jużaw mezzi jew proċeduri tekniċi adegwati sabiex jippromwovu l-affidabbiltà tal-ġbir u l-irrekordjar ta' data rilevanti u jipprevjenu l-possibbiltà li jiġu mmanipulati.