+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1)
|
Ix-xejra lejn soċjetà diġitali tagħti lill-utenti mezzi ġodda biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi. Il-fornituri ta' informazzjoni u ta' servizzi, bħall-korpi tas-settur pubbliku, jiddependu dejjem iktar mill-internet sabiex jipproduċu, jiġbru u jipprovdu firxa wiesgħa ta' informazzjoni u servizzi elettroniċi, li huma essenzjali għall-pubbliku.
|
|
(2)
|
Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, l-aċċessibbiltà għandha tinftiehem bħala l-prinċipji u t-tekniki li għandhom jiġu osservati waqt id-disinn, il-kostruzzjoni, iż-żamma u l-aġġornament ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli għall-utenti, b'mod partikolari persuni b'diżabilità.
|
|
(3)
|
Is-suq li qed jikber b'ritmu mgħaġġel biex jagħmel il-prodotti u s-servizzi diġitali aktar aċċessibbli jinkludi firxa ta' operaturi ekonomiċi, bħal dawk li jiżviluppaw siti elettroniċi jew għodod tas-software biex joħolqu, jiġġestixxu u jittestjaw paġni fuq l-internet jew applikazzjonijiet mobbli, dawk li jiżviluppaw aġenti għall-utenti bħal browsers tal-internet u teknoloġiji relatati ta' assistenza, dawk li jimplimentaw servizzi ta' ċertifikazzjoni u dawk li jipprovdu taħriġ.
|
|
(4)
|
Kif issottolinjat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2010 intitolata “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu sehemhom fil-promozzjoni tas-swieq għall-kontenut online. Il-gvernijiet jistgħu jistimulaw is-swieq tal-kontenut billi jrendu l-informazzjoni tas-settur pubbliku disponibbli f'termini trasparenti, effikaċi u nondiskriminatorji. Dan huwa sors importanti ta' tkabbir potenzjali ta' servizzi online innovattivi.
|
|
(5)
|
Diversi Stati Membri adottaw miżuri msejsa fuq linji gwida użati internazzjonalment għad-disinn ta' siti elettroniċi aċċessibbli, iżda dawk il-miżuri ta' sikwit jirreferu għal verżjonijiet differenti jew għal livelli differenti ta' konformità ma' dawk l-istess linji gwida, jew introduċew differenzi tekniċi fir-rigward ta' siti elettroniċi aċċessibbli fil-livell nazzjonali.
|
|
(6)
|
Il-fornituri ta' siti elettroniċi aċċessibbli, applikazzjonijiet mobbli, u software u teknoloġiji relatati jinkludu għadd kbir ta' intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Tali fornituri, u l-SMEs b'mod partikolari, huma skoraġġuti milli jidħlu fi proġetti ta' negozji 'l barra mis-swieq nazzjonali tagħhom. Minħabba fid-differenzi bejn l-Istati Membri fl-ispeċifikazzjonijiet u r-regolamenti tal-aċċessibbiltà, il-kompetittività u t-tkabbir tal-fornituri jixxekklu mill-kostijiet addizzjonali li jkunu jġarrbu fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi transkonfinali.
|
|
(7)
|
Minħabba kompetizzjoni limitata, ix-xerrejja ta' siti elettroniċi, applikazzjonijiet mobbli u prodotti u servizzi relatati jħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet għoljin fl-għoti ta' servizzi, jew ma' dipendenza minn fornitur wieħed. Il-fornituri spiss jiffavorixxu varjazzjonijiet ta' “standards” proprjetarji, fatt li jfixkel il-possibbiltà ta' firxa usa' fil-futur għall-interoperabbiltà ta' aġenti għall-utenti kif ukoll l-aċċess mal-Unjoni kollha għall-kontenut ta' siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli. Il-frammentazzjoni fost ir-regolamenti nazzjonali tnaqqas il-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mill-kondiviżjoni ta' esperjenzi ma' pari nazzjonali u internazzjonali fir-risposta tagħhom għall-iżviluppi soċjetali u teknoloġiċi.
|
|
(8)
|
F'qafas armonizzat, l-industrija tad-disinn u l-iżvilupp ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli għandha tħabbat wiċċha ma' inqas ostakli biex topera fis-suq intern, waqt li l-ispejjeż għall-korpi tas-settur pubbliku u oħrajn li jipprokuraw prodotti u servizzi relatati mal-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli għandhom jonqsu.
|
|
(9)
|
Din id-Direttiva timmira li tiżgura li s-siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku jsiru aktar aċċessibbli fuq il-bażi ta' rekwiżiti komuni ta' aċċessibbiltà. Biex tintemm il-frammentazzjoni tas-suq intern, jeħtieġ li jitqarrbu l-miżuri nazzjonali fuq il-livell tal-Unjoni, abbażi ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà miftehma għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku. Dan inaqqas l-inċertezza għall-iżviluppaturi u jrawwem l-interoperabbiltà. L-użu ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà li jkunu teknoloġikament newtrali mhux ser ifixkel l-innovazzjoni, u jista' saħansitra jistimulaha.
|
|
(10)
|
L-approssimazzjoni ta' miżuri nazzjonali għandha tippermetti wkoll lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-intrapriżi tal-Unjoni jiksbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali mit-twessigħ tal-għoti ta' servizzi online jew mobbli biex jiġu inklużi aktar ċittadini u konsumaturi. Dan għandu jżid il-potenzjal tas-suq intern għal prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli. It-tkabbir tas-suq li jirriżulta minn dan għandu jippermetti lill-impriżi jikkontribwixxu lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u fi ħdan l-Unjoni. It-tisħiħ tas-suq intern għandu jagħmel l-investiment fl-Unjoni aktar attraenti. Il-korpi tas-settur pubbliku jibbenefikaw minn forniment orħos ta' prodotti u servizzi tal-internet marbutin mal-aċċessibbiltà.
|
|
(11)
|
Iċ-ċittadini jgawdu minn aċċess usa' għal servizzi tas-settur pubbliku permezz ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli u jirċievu servizzi u informazzjoni li jiffaċilitaw il-ħajjiet tagħhom ta' kuljum u t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha, b'mod partikolari d-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu bil-libertà kollha fit-territorju tal-Unjoni, u l-libertà ta' stabbiliment tagħhom u l-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi.
|
|
(12)
|
Billi rratifikaw u kkonkludew rispettivament il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fit-13 ta' Diċembru 2006 (“il-Konvenzjoni tan-NU”), il-maġġoranza tal-Istati Membri u l-Unjoni impenjaw ruħhom li jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-aċċess għall-persuni b'diżabilità, fuq bażi ugwali ma' persuni oħra, fost affarijiet oħra, għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, biex jiżviluppaw, ixandru u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' standards minimi u ta' linji gwida għall-aċċessibbiltà ta' faċilitajiet u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, u biex jippromwovu aċċess għall-persuni b'diżabilità għal teknoloġiji u sistemi ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-internet, u impenjaw rwieħhom li jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li huwa inkonsistenti ma' dik il-Konvenzjoni u li jiżguraw l-awtoritajiet u l-instituzzjonijiet li jaġixxu f'konformità magħha. Il-Konvenzjoni tan-NU tistipula wkoll li d-disinn ta' prodotti, ambjenti, programmi u servizzi għandu jippermetti l-użu tagħhom mill-persuni kollha, sal-iktar punt possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat. Tali “disinn universali” m'għandux jeskludi apparat ta' assistenza għal gruppi partikolari ta' persuni b'diżabilità, meta dan ikun meħtieġ. Skont il-Konvenzjoni tan-NU, il-persuni b'diżabilità jinkludu dawk li għandhom limitazzjonijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul li jistgħu, flimkien ma' ostakoli oħra, ixekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn.
|
|
(13)
|
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 intitolata “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn għal Ewropa mingħajr Ostakli” tibni fuq il-Konvenzjoni tan-UN u għandha l-għan li telimina l-ostakli li jipprevjenu persuni b'diżabilità milli jipparteċipaw fis-soċjetà fuq bażi ugwali. Din tistabbilixxi azzjonijiet li għandhom jittieħdu f'diversi oqsma ta' prijorità, inkluża l-aċċessibbiltà għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-għan tagħha li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-prodotti, għas-servizzi (inklużi s-servizzi pubbliċi) u t-tagħmir ta' assistenza għall-persuni b'diżabilità.
|
|
(14)
|
Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (3) u (UE) Nru 1304/2013 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà inkluż għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). Madankollu, dawn ma jindirizzax l-ispeċifiċitajiet tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew ta' applikazzjonijiet mobbli.
|
|
(15)
|
Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jappoġġa r-riċerka dwar, u l-iżvilupp ta', soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-problemi tal-aċċessibbiltà.
|
|
(16)
|
Fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Diċembru 2010 intitolata “Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 — L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv”, il-Kummissjoni sejħet għal azzjoni biex jiġu żviluppati servizzi ta' gvern elettroniku li jiżguraw l-inklużività u l-aċċessibbiltà. Dan jinkludi miżuri biex titnaqqas id-differenza fl-użu tal-ICT u jiġi promoss l-użu tal-ICT biex tingħeleb l-esklużjoni, u b'hekk ikun żgurat li l-utenti kollha jkunu kapaċi jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ippreżentati. Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' April 2016 intitolata “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku 2016-2020 — L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern”, il-Kummissjoni ttenni l-importanza tal-inklussività u l-aċċessibbiltà.
|
|
(17)
|
Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħabbret li s-siti elettroniċi tas-settur pubbliku għandhom ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015, biex b'hekk tiġi riflessa d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Riga tal-11 ta' Ġunju 2006.
|
|
(18)
|
Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni enfasizzat li jeħtieġu azzjonijiet miftiehma biex jiġi żgurat li l-kontenut elettroniku ġdid kien disponibbli bis-sħiħ għall-persuni b'diżabilità, sabiex jipprovdi lill-Ewropej bi kwalità tal-ħajja aħjar permezz ta', pereżempju, aċċess eħfef għas-servizzi pubbliċi u l-kontenut kulturali. Hija ħeġġet ukoll il-faċilitazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil dwar l-aċċess diġitali għall-persuni b'diżabilità.
|
|
(19)
|
Il-kontenut ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli jinkludi informazzjoni testwali kif ukoll dak mhux testwali, dokumenti u formoli li jistgħu jitniżżlu, u interazzjoni f'żewġ direzzjonijiet bħall-ipproċessar ta' formoli diġitali u t-twettiq ta' proċessi ta' awtentikazzjoni, identifikazzjoni u ħlas.
|
|
(20)
|
Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal kontenut li jinsab esklussivament fuq apparat mobbli, jew għal aġenti għall-utenti għal apparat mobbli, li huwa żviluppat għal gruppi magħluqin ta' utenti jew għal użu speċifiku f'ċerti ambjenti u li mhumiex disponibbli għal jew użati minn partijiet kbar tal-pubbliku.
|
|
(21)
|
Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tagħha, u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tagħha, li jirrikjedu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-akkwisti kollha li huma maħsubin għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali kif ukoll jekk il-persunal ta' awtorità kontraenti, għandhom, minbarra f'każijiet debitament ġustifikati, jitfasslu b'mod li jieħdu kont tal-kriterji ta' aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà jew ta' disinn għall-utenti kollha.
|
|
(22)
|
Minħabba fin-nuqqas ta' mezzi awtomatizzati jew effiċjenti u faċli biex jiġu implimentati biex ċerti tipi ta' kontenut pubblikat ikun aċċessibbli, u sabiex jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal kontenut ta' siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli effettivament taħt il-kontroll ta' korpi tas-settur pubbliku, din id-Direttiva tipprovdi l-esklużjoni temporanja jew permanenti mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha ta' xi tipi ta' kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli. Dawk l-esklużjonijiet għandhom jiġu ikkunsidrati mill-ġdid fil-kuntest tar-rieżami ta' din id-Direttiva, fid-dawl ta' avvanzi teknoloġiċi futuri.
|
|
(23)
|
Id-dritt tal-persuni b'diżabilità u tal-anzjani li jipparteċipaw u jiġu integrati fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Unjoni huwa marbut b'mod li ma jistax jinfired mal-provvista ta' servizzi tal-media awdjoviżiva aċċessibbli. Madankollu, dak id-dritt jista' jkun żviluppat aħjar fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tiffoka fuq l-aċċessibbiltà li tapplika wkoll għal xandara privati sabiex jiġu garantiti kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-interess pubbliku mwettaq mis-servizzi tal-media awdjoviżiva. Din id-Direttiva għalhekk m'għandhiex tapplika għal siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli tax-xandara tas-servizz pubbliku.
|
|
(24)
|
Xejn f'din id-Direttiva mhuwa maħsub biex jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media kif inhuma garantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri, b'mod partikolari skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).
|
|
(25)
|
Xi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), li huma korpi awtonomi volontarji stabbiliti biex jintlaħqu objettivi essenzjalment mingħajr skop ta' qligħ, jipprovdu servizzi li mhumiex essenzjali għall-pubbliku, bħal servizzi li mhumiex direttament inkarigati minn awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew servizzi li ma jindirizzawx speċifikament il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabilità b'mod partikolari, u jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piż sproporzjonat fuq tali NGOs, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għalihom.
|
|
(26)
|
Fajls fil-format tal-uffiċċju għandhom jinftiehmu bħala dokumenti li mhumiex intenzjonati primarjament għall-użu fuq l-internet u li huma inklużi f'paġni fuq l-internet, bħal l-Adobe Portable Document Format (PDF), dokumenti tal-Microsoft Office jew l-ekwivalenti tagħhom (sors miftuħ).
|
|
(27)
|
Media temporali live li jinżammu online jew li jiġu ppubblikati mill-ġdid wara x-xandira live għandhom jitqiesu bħala media temporali rrekordjata minn qabel mingħajr dewmien żejjed mid-data tal-ewwel xandira jew il-pubblikazzjoni mill-ġdid tal-media temporali, mingħajr ma jaqbżu l-ħin strettament meħtieġ biex il-media temporali ikunu aċċessibbli bi prijorità tingħata lil informazzjoni essenzjali dwar is-saħħa, il-benesseri u s-sigurtà tal-pubbliku. Dak il-perijodu ta' żmien meħtieġ fil-prinċipju m'għandux ikun itwal minn 14-il jum. F'każijiet iġġustifikati, bħal pereżempju meta jkun impossibbli li jipprokuraw is-servizzi rilevanti fi żmien dovut, dak il-perijodu jista' eċċezzjonalment jiġi estiż għall-inqas ħin meħtieġ sabiex il-kontenut isir aċċessibbli.
|
|
(28)
|
Din id-Direttiva, filwaqt li tinkoraġġixxi lill-korpi tas-settur pubbliku biex jagħmlu l-kontenut kollu aċċessibbli, mhijiex maħsuba li tillimita l-kontenut li l-korpi tas-settur pubbliku jqiegħdu fuq is-siti elettroniċi tagħhom jew fl-applikazzjonijiet mobbli tagħhom għal kontenut aċċessibbli biss. Kull meta jiżdied il-kontenut mhux aċċessibbli, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, sa fejn ikun raġonevolment possibbli, iżidu alternattivi aċċessibbli fuq is-siti tal-internet tagħhom jew fl-applikazzjonijiet mobbli tagħhom.
|
|
(29)
|
Meta l-mapep ikunu maħsuba għan-navigazzjoni, kif distinta minn deskrizzjoni ġeografika, informazzjoni aċċessibbli tista' tkun meħtieġa biex tgħin lill-persuni li ma jistgħux jużaw sew informazzjoni viżiva jew funzjonalitajiet kumplessi ta' navigazzjoni, pereżempju biex isibu bini jew żoni fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Għalhekk għandha tiġi pprovduta alternattiva aċċessibbli, bħal indirizzi postali u waqfiet tat-trasport pubbliku fil-qrib, jew l-ismijiet ta' postijiet jew reġjuni li ta' spiss huma diġà disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku f'forma li tkun sempliċi u leġibbli għall-kotra l-kbira ta' utenti.
|
|
(30)
|
Kontenut inkorporat, bħal immaġini jew vidjos inkorporati, għandu jkun kopert minn din id-Direttiva. Madankollu, xi kultant jinħolqu siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li fihom kontenut addizzjonali jista' jiżdied sussegwentement, pereżempju programm tal-email, blog, artikolu li jippermetti lill-utenti jżidu l-kummenti, jew applikazzjonijiet li jappoġġaw kontenut ikkontribwit mill-utent. Eżempju ieħor huwa paġna, bħal portal jew sit tal-aħbarijiet, magħmul minn kontenut miġbur minn kontributuri multipli, jew siti li awtomatikament idaħħlu kontenut minn sorsi oħra matul iż-żmien, bħal meta jiddaħħlu reklami b'mod dinamiku. Tali kontenut ta' parti terza, dment li la huwa ffinanzjat u lanqas żviluppat minn korp tas-settur pubbliku kkonċernat u lanqas mhu taħt il-kontroll tiegħu, għandu jkun eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dan il-kontenut, fil-prinċipju, m'għandux jintuża jekk ifixkel jew inaqqas il-funzjonalità tas-servizz pubbliku offrut fis-sit tal-internet jew l-applikazzjoni mobbli kkonċernati. Fejn l-għan tal-kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku, huwa li jagħmlu konsultazzjonijiet jew li jorganizzaw forum ta' diskussjonijiet, dak il-kontenut ma jistax jitqies bħala kontenut ta' parti terza u għalhekk għandu jkun aċċessibbli, ħlief fil-każ ta' kontenut ikkontribwit mill-utenti mhux fil-kontroll tal-korp tas-settur pubbliku kkonċernat.
|
|
(31)
|
Xi rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għas-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet mobbli xorta għandhom jiġu rispettati fir-rigward tal-metadata marbuta mal-produzzjoni mill-ġdid tal-oġġetti ta' kollezzjonijiet patrimonjali.
|
|
(32)
|
Din id-Direttiva m'għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu l-kontenut ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli arkivjati aċċessibbli jekk dan ma jiġix iktar aġġornat jew rivedut u jekk ma jkunx meħtieġ għat-twettiq ta' proċessi amministrattivi. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, manutenzjoni purament teknika m'għandhiex titqies li tikkostitwixxi aġġornar jew editjar ta' sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli.
|
|
(33)
|
Funzjonijiet amministrattivi online essenzjali ta' skejjel, kindergartens jew skejjel tat-trabi għandhom ikunu aċċessibbli. Meta dak il-kontenut essenzjali jkun provdut b'mod aċċessibbli minn sit elettroniku ieħor, ma jeħtieġx li jkun aċċessibbli mill-ġdid fuq is-sit elettroniku tal-istabbiliment ikkonċernat.
|
|
(34)
|
L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal tipi oħra ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli, b'mod partikolari siti tal-intranet jew tal-extranet u applikazzjonijiet mobbli mhux koperti minn din id-Direttiva li huma ddisinjati u użati minn numru limitat ta' persuni fuq il-post tax-xogħol jew fl-edukazzjoni, u li jżommu jew jintroduċu miżuri f'konformità mal-liġi tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi għall-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli. L-Istati Membri għandhom ukoll jiġu mħeġġa jwessgħu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew provduti lill-pubbliku, inkluż fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-inklużjoni soċjali u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fis-settur tat-trasport u tal-elettriku, gass, sħana, ilma, il-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi postali, b'attenzjoni partikolari tingħata għal dawk is-servizzi msemmija fl-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva 2014/25/UE.
|
|
(35)
|
Minkejja li din id-Direttiva ma tapplikax għal siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ta' istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawk l-istituzzjonijiet huma mħeġġa jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.
|
|
(36)
|
Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva huma intiżi bħala teknoloġikament newtrali. Huma jiddeskrivu dak li għandu jinkiseb sabiex l-utent ikun jista' jipperċipixxi, jopera, jinterpreta u jifhem sit elettroniku, applikazzjoni mobbli u kontenut relatat. Dawn ma jispeċifikawx liema teknoloġija għandha tintgħażel għal sit elettroniku, informazzjoni online jew applikazzjoni mobbli partikolari. Minnhom infushom, dawn ma jfixklux l-innovazzjoni.
|
|
(37)
|
L-erba' prinċipji ta' aċċessibbiltà huma: il-perċezzjoni, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-informazzjoni u l-utent għandhom ikunu preżentabbli għall-utenti f'diversi modi li jistgħu jipperċepixxu; l-operabbiltà, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-utenti u n-navigazzjoni għandhom ikunu operabbli; il-fehim, jiġifieri li l-informazzjoni u t-tħaddim ta' interfaċċa tal-utent għandhom ikunu faċli biex jinftiehmu; u s-saħħa, jiġifieri li l-kontenut għandu jkun b'saħħtu biżżejjed li jkun jista' jiġi interpretat b'mod affidabbli permezz ta' varjetà wiesgħa ta' aġenti għall-utenti, inklużi teknoloġiji assistivi. Dawk il-prinċipji ta' aċċessibbiltà huma tradotti fi kriterji ta' suċċess li jistgħu jiġu ttestjati bħal dawk li jifformaw il-bażi tal-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 “Rekwiżiti ta' aċċessibbiltà adatti għax-xiri pubbliku ta' prodotti u servizzi tal-ICT fl-Ewropa” (2015-04) (Standard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04)), permezz ta' standards armonizzati u metodoloġija komuni sabiex tiġi ttestjata l-konformità tal-kontenut fuq is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli għal dawk il-prinċipji. Dak l-istandard Ewropew ġie adottat fuq il-bażi tal-mandat M/376 mogħti mill-Kummissjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni. Sakemm ir-referenzi tal-istandards armonizzati, jew ta' partijiet minnhom, jiġu ppubblikati, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-klawżoli rilevanti tal-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04) għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-mezzi minimi għall-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji.
|
|
(38)
|
Jekk ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà mniżżla f'din id-Direttiva mhumiex applikabbli, f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (8), il-Konvenzjoni tan-NU u leġiżlazzjoni rilevanti oħra, ir-rekwiżiti għal “akkomodazzjoni raġonevoli” jibqgħu japplikaw u għandhom jiġu pprovduti fejn meħtieġ, partikolarment fuq il-post tax-xogħol u fl-edukazzjoni.
|
|
(39)
|
Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-aċċessibbilità stipulati f'din id-Direttiva sal-punt li dawn ma jimponux piż sproporzjonat fuqhom. Dan ifisser li, f'każijiet ġustifikati, dan jista' ma jkunx raġonevolment possibbli għal korp tas-settur pubbliku li jagħmel kontenut speċifiku kompletament aċċessibbli. Madankollu, dak il-korp tas-settur pubbliku xorta għandu jagħmel dak il-kontenut kemm jista' jkun aċċessibbli u jagħmel kontenut ieħor kompletament aċċessibbli. Eċċezzjonijiet biex jiġu rispettati r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà minħabba piż sproporzjonat li jimponu m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jillimita dak il-piż fir-rigward tal-kontenut partikolari kkonċernat f'kull każ individwali. Miżuri li jkunu jimponu piż sproporzjonat għandhom jinftiehmu bħala miżuri li jkunu jimponu piż organizzattiv jew finanzjarju eċċessiv fuq korp tas-settur pubbliku, jew li jipperikola l-kapaċità tal-korp biex jew jissodisfa l-għan tiegħu jew jippubblika l-informazzjoni meħtieġa għall-kompiti u s-servizzi tiegħu jew rilevanti għalihom, filwaqt li jitqies il-benefiċċju jew ħsara probabbli li jirriżultaw għaċ-ċittadini, b'mod partikolaru għal persuni b'diżabilità. Huma biss raġunijiet leġittimi li għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe valutazzjoni tal-punt li għalih ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà ma jistgħux jintlaħqu minħabba li f'dak il-każ dawn ikunu jimponu piż sproporzjonat. Nuqqas ta' prijorità, ħin jew għarfien m'għandhomx jitqiesu bħala raġunijiet leġittimi. Bl-istess mod, m'għandux ikun hemm raġunijiet leġittimi biex ma jiġux akkwistati jew żviluppati sistemi ta' software għall-ġestjoni tal-kontenut fuq siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli b'mod aċċessibbli, peress li huma disponibbli biżżejjed tekniki u tekniki ta' konsulenza biex dawk is-sistemi jirrispettaw il-ħtiġijiet ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.
|
|
(40)
|
L-interoperabbiltà marbuta mal-aċċessibbiltà għandha timmassimizza l-kompatibbiltà tal-kontenut ma' aġenti għall-utenti attwali u tal-futur u ma' teknoloġiji assistivi. B'mod aktar speċifiku, il-kontenut tas-siti elettroniċi u l-applikazjzonijiet mobbli għandu jipprovdi lill-aġenti għall-utenti b'kodifikazzjoni interna komuni ta' lingwa naturali, strutturi, relazzjonijiet u sekwenzi, kif ukoll bid-data ta' kwalunkwe komponent integrat ta' interfaċċa għall-utenti. Għaldaqstant, l-interoperabbiltà tibbenefika lill-utenti, billi tippermettilhom iħaddmu l-aġenti għall-utenti tagħhom b'mod mifrux biex jaċċessaw siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli; huma jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għażla akbar u prezzijiet imraħħsa fl-Unjoni kollha. L-interoperabbiltà tkun tibbenefika wkoll lill-fornituri u lix-xerrejja tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli.
|
|
(41)
|
Din id-Direttiva tistipula rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ta' tali siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli ma' dawk ir-rekwiżiti, jeħtieġ li tkun ipprovduta l-preżunzjoni tal-konformità għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kkonċernati li jilħqu standards armonizzati jew partijiet minnhom imfassla u ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), bil-għan li jiġu espressi speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti. Skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandu jkollhom il-possibbiltà li joġġezzjonaw għal kwalunkwe standard armonizzat li, fil-fehma tagħhom, ma jissodisfax bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva.
|
|
(42)
|
L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni adottaw l-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015-04), li jispeċifika r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà funzjonali għall-prodotti u s-servizzi tal-ICT, inkluż il-kontenut ta' siti elettroniċi, li jistgħu jintużaw fl-akkwist pubbliku jew għall-appoġġ ta' politiki u leġiżlazzjoni oħra. Il-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq il-klawsoli 9, 10 u 11 tal-istandards Ewropej EN 301 549 V1.1.2 (2015-04). L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati abbażi ta' din id-Direttiva għandhom jagħtu aktar dettalji dwar l-istandards Ewropej EN 301 549 V1.1.2 (2015–04) fir-rigward ta' applikazzjonijiet mobbli.
|
|
(43)
|
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards żviluppati fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom, barra minn hekk, jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet kunċettwali u tekniki ta' apparat mobbli.
|
|
(44)
|
Għandha tingħata dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà mill-korpi tas-settur pubbliku dwar il-konformità tas-siti elettroniċi tagħhom u applikazzjonijiet mobbli bir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stabbiliti b'din id-Direttiva. Dik id-dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà għandha tinkludi, fejn adatt, l-alternattivi aċċessibbli previsti.
|
|
(45)
|
L-applikazzjonijiet mobbli huma disponibbli minn sorsi varji, inklużi ħwienet ta' applikazzjonijiet privati. Informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mniżżla minn sorsi ta' partijiet terzi, għandhom jiġu pprovduti flimkien mad-deskrizzjoni tal-applikazzjoni mobbli ppreżentata lill-utenti qabel ma jniżżlu l-applikazzjoni mobbli. Din ma tirrikjedix lill-fornituri prinċipali tal-pjattaforma li jbiddlu l-mekkaniżmi tad-distribuzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom iżda minflok timponi fuq il-korp tas-settur pubbliku r-rekwiżit li l-istqarrija ta' aċċessibbiltà tkun disponibbli bl-użu ta' teknoloġiji eżistenti jew futuri.
|
|
(46)
|
Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' reazzjoni biex kwalunkwe persuna tkun tista' tinnotifika lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat bi kwalunkwe nuqqas tas-sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli li jikkonċerna r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stiuplati f'din id-Direttiva u biex titlob informazzjoni eskluża. Talbiet ta' informazzjoni ta' din ix-xorta jistgħu jikkonċernaw kontenut li hu eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jew inkella eżentat mill-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva, bħal formats ta' fajls tal-uffiċċju, media temporali rrekordjata minn qabel, jew kontenut ta' siti elettroniċi arkivjati. Permezz tal-użu tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni marbut ma' proċedura ta' eżekuzzjoni, għandu jkun possibbli għall-utenti ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli ta' korpi tas-settur pubbliku li jitolbu li l-informazzjoni meħtieġa, inklużi servizzi u dokumenti. Bħala rispons għal talba leġittima u raġonevoli, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jipprovdi informazzjoni b'mod adegwat u adatt f'perijodu ta' żmien raġonevoli.
|
|
(47)
|
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza ta' u jippromwovu programmi ta' taħriġ dwar l-internet dwar, l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, għal partijiet interessati rilevanti u b'mod partikolari l-persunal responsabbli għall-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet mobbli. Il-partijiet interessati rilevanti għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fit-tħejjija tal-kontenut tat-taħriġ relatat mal-aċċessibbiltà u l-iskemi ta' sensibilizzazzjoni.
|
|
(48)
|
Huwa importanti li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jippromwovu l-użu ta' għodod tal-awtur li jippermettu implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà li jinsabu f'din id-Direttiva. Tali promozzjoni tista' tieħu forom passivi, bħal pereżempju l-pubblikazzjoni ta' lista ta' għodod tal-awtur kompatibbli mingħajr il-ħtieġa li jintużaw dawn l-għodod, jew forom attivi, bħal pereżempju r-rekwiżit tal-użu ta' għodod tal-awtur kompatibbli jew tal-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom.
|
|
(49)
|
Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tar-regoli ta' konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà, huwa ta' importanza kbira għall-Kummissjoni u l-Istati Membri li jikkonsultaw mal-partijiet interessati rilevanti fuq bażi regolari. Partijiet interessati rilevanti fis-sens ta' din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' persuni b'diżabbiltà u tal-anzjani, is-sħab soċjali, l-industrija involuta fil-ħolqien ta' software tal-aċċessibbiltà relatat ma' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli u s-soċjetà ċivili.
|
|
(50)
|
Il-konformità ma' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva għandhom jiġu mmonitorjati perjodikament. Metodoloġija armonizzata ta' monitoraġġ tkun tipprovdi għal deskrizzjoni tal-mod ta' verifika, fuq bażi uniformi fl-Istati Membri kollha, tal-grad ta' konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà, il-ġbir ta' kampjuni rappreżentattivi u l-perjodiċità tal-monitoraġġ. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw perjodikament dwar l-eżitu tal-monitoraġġ u mill-inqas darba dwar il-lista ta' miżuri li jkunu ttieħdu fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
|
|
(51)
|
Il-metodoloġija tal-monitoraġġ li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni għandha tkun trasparenti, trasferibbli, komparabbli u riproduċibbli. Ir-riproduċibbiltà tal-metodoloġija ta' monitoraġġ għandha tiġi massimizzata b'kont meħud tal-fatt li l-fatturi umani, bħall-ittestjar mill-utenti, jistgħu jkollhom influwenza fuq dik ir-riproduċibbiltà. Sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tad-data bejn l-Istati Membri, il-metodoloġija ta' monitoraġġ għandha tiddeskrivi l-mod ta' kif ir-riżultati ta' testijiet differenti jridu jiġu jew jistgħu jiġu ppreżentati. Sabiex ir-riżorsi ma jiġux iddevjati mill-kompiti li l-kontenut ikun aktar aċċessibbli, il-metodoloġija tal-monitoraġġ għandha tkun faċli biex tintuża.
|
|
(52)
|
Sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni fir-rigward tal-modi ta' kif titkejjel l-aċċessibbiltà ta' siti elettroniċi u ta' applikazzjonijiet mobbli, u sakemm din ma xxekkilx il-komparabbiltà tad-data madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw teknoloġiji ta' monitoraġġ aktar avvanzati fuq il-bażi tal-metodoloġija ta' monitoraġġ li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni.
|
|
(53)
|
Sabiex jiġi evitat rikors sistematiku għal proċedimenti fil-qorti, għandu jiġi pprovdut id-dritt ta' rikors għal proċedura adegwata u effettiva biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju effettiv kif stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dik il-proċedura għandha tinftiehem li tinkludi d-dritt li wieħed iressaq ilmenti quddiem kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti biex tiddeċiedi dwar dawk l-ilmenti.
|
|
(54)
|
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tal-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati f'din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta' din id-Direttiva billi jiġu aġġornati r-referenzi għall-istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04). Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (10). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.
|
|
(55)
|
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandu jingħatawlha setgħat ta' implimentazzjoni. Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża sabiex jiġu stabbiliti: speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà; il-metodoloġija li għandhom jużaw l-Istati Membri għall-monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kkonċernati ma' dawk ir-rekwiżiti; l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-monitoraġġ. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu mudell ta' dikjarazzjoni ta' aċċessibbiltà, li ma għandha ebda impatt fuq in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva iżda li sservi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli li tistabbilixxi. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
|
|
(56)
|
Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri, l-istabbiliment ta' suq armonizzat għall-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta' regoli differenti li bħalissa jeżistu fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,
|
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. LESAY
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 02.12.2016 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016L2102
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|