Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet bil-għan li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni billi jiżguraw il-funzjonament tajjeb u kontinwu tas-suq intern għall-gass billi jippermetti l-implimentazzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali meta s-suq ma jibqax f’pożizzjoni li jikkonsenja l-provvisti tal-gass meħtieġa, inkluż miżura ta’ solidarjetà bħala l-aħħar alternattiva, u billi jipprevedi d-definizzjoni u l-attribuzzjoni ċari tar-responsabbiltajiet fost l-impriżi tal-gass naturali, l-Istati Membri u l-Unjoni rigward l-azzjoni preventiva u r-reazzjoni għal interruzzjonijiet konkreti tal-provvista tal-gass. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta’ trasparenza li jikkonċernaw, fi spirtu ta’ solidarjetà, il-koordinazzjoni tal-ippjanar għall-emerġenzi fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni, u r-reazzjoni għalihom.