+Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser sistemi tat-trażmissjoni, ibbażati jew le fuq infrastruttura permanenti jew kapaċità tal-amministrazzjoni ċentralizzata, u, meta applikabbli, tagħmir għall-bdil jew għar-routing u riżorsi oħra, li jinkludi elementi tan-netwerk li mhumiex attivi, li jippermettu t-twassil tas-sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħrajn, inklużi netwerks tas-satellita, netwerks fissi (circuit-switched u packet-switched, inkluż l-internet) u netwerks mobbli, sistemi tal-kejbil tal-elettriku, sal-punt li dawn jintużaw għall-għan tat-trażmissjoni tas-sinjali, netwerks użati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;

(2) 

“netwerk b’kapaċità kbira ħafna” tfisser jew netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jikkonsisti għalkollox minn elementi tal-fibrottika mill-inqas sal-punt tad-distribuzzjoni fil-post fejn qed iservi, jew netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jkun kapaċi jagħti, taħt kondizzjonijiet tas-soltu waqt il-peak-time, prestazzjoni tan-netwerk simili mil-lat ta’ meded tal-baned tad-downlink u tal-uplink disponibbli, reżiljenza, parametri relatati mal-iżbalji, u latenza u l-varjazzjoni tagħha; il-prestazzjoni tan-netwerk tista’ titqies simili irrispettivament minn jekk l-esperjenza tal-utent finali tvarjax minħabba l-karatteristiċi minnhom innifishom differenti tal-mezz li bih in-netwerk fl-aħħar jikkonnetta mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk;

(3) 

“swieq transnazzjonali” tfisser swieq identifikati skont l-Artikolu 65, li jkopru l-Unjoni jew parti sostanzjali minnha, li jinsabu f’aktar minn Stat Membru wieħed;

(4) 

“servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser servizz li normalment jingħata bi ħlas permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jinkludi, esklużi s-servizzi li jipprovdu, jew jeżerċitaw kontroll editorjali fuq, kontenut trażmess b’servizzi u netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, it-tipi ta’ servizzi li ġejjin:

(a) 

“servizz ta’ aċċess għall-internet” kif definit fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/2120;

(b) 

servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali; u

(c) 

servizzi li jikkonsistu għalkollox jew parzjalment mit-twassil tas-sinjali bħas-servizzi ta’ trażmissjoni li jintużaw għall-forniment ta’ servizzi minn magna għal magna u għax-xandir;

(5) 

“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali” tfisser servizz li normalment jingħata bi ħlas u li jippermetti l-iskambju interpersonali u interattiv dirett tal-informazzjoni b’netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn għadd definit ta’ persuni, fejn il-permezz li jibdew jew li qed jieħdu sehem fil-komunikazzjoni jiddeterminaw min jirċeviha u ma tinkludix is-servizzi li jippermettu komunikazzjoni interpersonali u interattiva sempliċement bħala karatteristika anċillari minuri li għandha rabta intrinsika ma’ servizz ieħor;

(6) 

“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq in-numri” tfisser servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali li jaqbad ma’ riżorsi ta’ numerazzjoni assenjati pubblikament, jiġifieri numru jew numri fil-pjanijiet tan-numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, jew li jippermetti komunikazzjoni ma’ numru jew numri fil-pjanijiet tan-numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

(7) 

“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” tfisser servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali li ma jaqbadx ma’ riżorsi ta’ numerazzjoni assenjati pubblikament, jiġifieri numru jew numri fil-pjanijiet tan-numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, jew li ma jippermettix komunikazzjoni ma’ numru jew numri fil-pjanijiet tan-numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

(8) 

“netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi użat kompletament jew parzjalment biex jipprovdi servizzi, disponibbli għall-pubbliku, ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jappoġġaw it-trasferiment tal-informazzjoni bejn il-punti tat-terminazzjoni tan-netwerk;

(9) 

“punt tat-terminazzjoni tan-netwerk” tfisser il-punt fiżiku fejn utent finali jingħata aċċess għal netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li fil-każ tan-netwerks li jinvolvu l-bdil jew ir-routing, jiġi identifikat b’indirizz speċifiku tan-netwerk, li jista’ jitqabbad ma’ numru jew isem ta’ utent finali;

(10) 

“faċilitajiet assoċjati” tfisser is-servizzi assoċjati, l-infrastrutturi fiżiċi u faċilitajiet jew elementi oħra assoċjati ma’ netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew ma’ servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jagħmlu possibbli jew jappoġġaw il-forniment tas-servizzi permezz ta’ dak in-netwerk jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu l-bini jew l-entrati tal-bini, is-sistemi tal-wajers fil-bini, l-antenni, t-torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, it-tubi, il-kondjuwits, it-toqob tal-ispezzjonar u l-kaxxi tat-triq;

(11) 

“servizz assoċjat” tfisser servizz assoċjat ma’ netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jagħmel possibbli jew jappoġġa l-forniment, l-awtoforniment jew il-forniment awtomatizzat tas-servizzi permezz ta’ dak in-netwerk jew is-servizz, jew li għandu l-potenzjal li jagħmel dan, u jinkludi traduzzjoni tan-numri jew sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti, sistemi ta’ aċċess kondizzjonali u gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs), kif ukoll servizzi oħra bħas-servizz tal-identità, il-lok u l-preżenza;

(12) 

“sistema ta’ aċċess kondizzjonali” tfisser kull mezz tekniku, sistema tal-awtentikazzjoni u/jew arranġament li bih l-aċċess għal servizz protett tax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni b’forma li tiftiehem ikun bil-kondizzjoni ta’ abbonament jew forma oħra ta’ awtorizzazzjoni individwali minn qabel;

(13) 

“utent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża jew titlob servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament;

(14) 

“utent finali” tfisser utent li ma jipprovdix netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament;

(15) 

“konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li tuża jew titlob servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament għall-finijiet lil hinn min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(16) 

“forniment ta’ netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser l-istabbiliment, l-operazzjoni, il-kontroll jew id-disponibbiltà ta’ dak in-netwerk;

(17) 

“tagħmir diġitali mtejjeb tat-televiżjoni” tfisser kaxxi set-top maħsuba għall-konnessjoni mas-settijiet tat-televiżjoni jew mas-settijiet tat-televiżjoniet diġitali integrati, li kapaċi jirċievu servizzi diġitali interattivi tat-televiżjoni;

(18) 

“interfaċċa tal-programmazzjoni ta’ applikazzjoni” jew “API” tfisser interfaċċi bejn l-applikazzjonijiet disponibbli mix-xandara jew mill-fornituri tas-servizzi, u r-riżorsi tat-tagħmir diġitali mtejjeb tat-televiżjoni għas-servizzi diġitali tat-televiżjoni jew tar-radju;

(19) 

“allokazzjoni ta’ spektrum tar-radju” tfisser id-deżinjazzjoni ta’ banda partikolari tal-ispektrum tar-radju għall-użu minn tip wieħed jew aktar ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet bir-radju, meta xieraq, b’kondizzjonijiet speċifiċi;

(20) 

“interferenza dannuża” tfisser interferenza li tipperikola l-funzjonament ta’ servizz tan-navigazzjoni bir-radju jew ta’ servizzi oħra tas-sikurezza jew li inkella tiddegrada serjament, tfixkel jew tinterrompi ripetutament servizz tal-komunikazzjonijiet bir-radju li jopera skont ir-regolamenti internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli;

(21) 

“sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi” tfisser l-abbiltà tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jirreżistu, f’livell partikolari ta’ fiduċja, kull azzjoni li tikkomprometti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità ta’ dawk in-netwerks u s-servizzi, ta’ data maħżuna, mibgħuta jew proċessata, jew tas-servizzi relatati offruti minn dawk in-netwerks jew is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew aċċessibbli permezz tagħhom;

(22) 

“awtorizzazzjoni ġenerali” tfisser il-qafas legali stabbilit minn Stat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment tan-netwerks jew tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistabbilixxi obbligi speċifiċi għas-setturi li jkunu jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, skont din id-Direttiva;

(23) 

“punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira” tfisser tagħmir żgħir tal-aċċess għan-netwerk bla fili b’potenza baxxa li jopera f’medda qasira, li juża spektrum tar-radju liċenzjat jew spektrum tar-radju eżenti mil-liċenzja jew taħlita tagħhom, li jista jintuża bħala parti minn netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jista’ jkun mgħammar b’antenna waħda jew aktar b’impatt viżiv baxx u li tippermetti li l-utenti jkollhom aċċess bla fili għal netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi rrispettivament minn jekk it-topoloġija tan-netwerk sottostanti hix mobbli jew fissa;

(24) 

“netwerk ta’ żona lokali bir-radju” jew “RLAN” tfisser sistema tal-aċċess bla fili b’potenza baxxa, li topera f’medda żgħira, b’riskju baxx ta’ interferenza ma’ sistemi oħra bħal dawn użati fil-qrib minn utenti oħrajn, li tuża spektrum armonizzat tar-radju b’mod mhux esklussiv;

(25) 

“spektrum armonizzat tar-radju” tfisser spektrum tar-radju li għalih ġew stabbiliti kondizzjonijiet armonizzati relattivi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tiegħu permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni teknika f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE;

(26) 

“użu kondiviż tal-ispektrum tar-radju” tfisser aċċess minn żewġ utenti jew aktar biex jintużaw l-istess baned tal-ispektrum tar-radju taħt arranġament ta’ kondiviżjoni definit, awtorizzat abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, drittijiet individwali tal-użu tal-ispektrum tar-radju jew kombinazzjoni tagħhom, inklużi approċċi regolatorji bħall-aċċess kondiviż liċenzjat bil-għan li jiffaċilitaw l-użu kondiviż ta’ banda tal-ispektrum tar-radju, soġġetti għal ftehim vinkolanti tal-partijiet kollha involuti, b’konformità mar-regoli ta’ kondiviżjoni kif inklużi fid-drittijiet tagħhom ta’ użu għall-ispektrum tar-radju biex ikun żgurat li l-utenti kollha jkollhom arranġamenti tal-kondiviżjoni prevedibbli u affidabbli, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(27) 

“aċċess” tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, b’kondizzjonijiet definiti, fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva, bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż meta jintużaw għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew servizzi tal-kontenut tax-xandir; din tkopri, fost l-oħrajn: l-aċċess għall-elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jistgħu jinvolvu l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi l-aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali); l-aċċess għal infrastruttura fiżika, inklużi pajpijiet, arbli u bini; l-aċċess għal sistemi rilevanti tas-softwer, inklużi is-sistemi ta’ appoġġ operazzjonali; l-aċċess għal sistemi tal-informazzjoni jew bażijiet tad-dejta għall-ordnijiet minn qabel, forniment, ordnijiet, talbiet ta’ manutenzjoni u tiswija, u kontijiet; l-aċċess għat-traduzzjoni ta’ numri jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti; l-aċċess għal netwerks fissi u mobbli, partikolarment għar-roaming; l-aċċess għal sistema tal-aċċess kondizzjonali għal servizzi diġitali tat-televiżjoni u l-aċċess għal servizzi tan-netwerk virtwali;

(28) 

“interkonnessjoni” tfisser tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ netwerks pubbliċi permezz ta’ konnessjoni fiżika u loġika ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati mill-istess impriża jew minn impriża differenti sabiex l-utenti ta’ impriża waħda jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ utenti tal-istess impriża jew ta’ impriża oħra, jew biex ikollhom aċċess għal servizzi pprovduti minn impriża oħra fejn tali servizzi huma fornuti mill-partijiet involuti jew minn partijiet oħra li jkollhom aċċess għan-netwerk; hija;

(29) 

“operatur” tfisser impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata tipprovdi netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew faċilità assoċjata;

(30) 

“linja lokali” tfisser il-mogħdija fiżika użata minn sinjali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jqabbbu l-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk ma’ qafas tad-distribuzzjoni jew ma’ faċilità ekwivalenti fin-netwerk pubbliku fiss tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

(31) 

“sejħa” tfisser konnessjoni stabbilita b’servizz, disponibbli għall-pubbliku, ta’ komunikazzjonijiet interpersonali li tippermetti komunikazzjonijiet bil-vuċi fiż-żewġ direzzjonijiet;

(32) 

“servizz ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi” tfisser servizz, disponibbli għall-pubbliku, ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġina u jirċievi, direttament jew indirettament, sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali, permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

(33) 

“numru ġeografiku” tfisser numru mill-pjan ta’ numerazzjoni nazzjonali fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk;

(34) 

“numru mhux ġeografiku” tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni li ma jkunx numru ġeografiku, bħalma huma numri mobbli, numri bla ħlas u numri b’rati primjum;

(35) 

“servizzi tal-konverżazzjoni totali” tfisser servizz ta’ konverżazzjoni multimedjali fil-ħin reali li jipprovdi trasferiment simettriku bidirezzjonali fil-ħin reali ta’ vidjos, ta’ test u tal-vuċi fil-ħin reali bejn utenti f’żewġ postijiet jew aktar;

(36) 

“ċentru li jwieġeb is-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” jew “PSAP” tfisser post fiżiku fejn tasal l-ewwel komunikazzjoni ta’ emerġenza u li tkun fir-responsabbiltà ta’ awtorità pubblika jew ta’ organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-Istat Membru;

(37) 

“l-aktar PSAP adatt” tfisser PSAP stabbilit mill-awtoritajiet responsabbli biex ikopri s-sejħiet ta’ emerġenza minn żona partikolari jew għal sejħiet ta’ emerġenza ta’ tip partikolari;

(38) 

“komunikazzjoni ta’ emerġenza” tfisser komunikazzjoni permezz tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bejn utent finali u l-PSAP biex tintalab u tasal għajnuna ta’ emerġenza mis-servizzi ta’ emerġenza;

(39) 

“servizz ta’ emerġenza” tfisser servizz, rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru, li jipprovdi għajnuna immedjata u malajr meta jkun hemm, b’mod partikolari, riskju dirett għall-ħajja jew ta’ ġrieħi gravi, għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-pubblika jew ta’ individwu, għall-proprjetà privata jew pubblika, jew għall-ambjent, b’konformità mal-liġi nazzjonali;

(40) 

“informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina s-sejħa” tfisser, f’netwerk pubbliku mobbli, id-data pproċessata, derivata mill-infrastruttura tan-netwerk jew mill-handsets, li tindika l-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali mobbli tal-utent finali, u, f’netwerk pubbliku fiss, id-data dwar l-indirizz fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk;

(41) 

“tagħmir terminali” tfisser tagħmir terminali kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE ( 1 );

(42) 

“inċident tas-sigurtà” tfisser avveniment li jkollu, fil-fatt, effett ħażin fuq is-sigurtà ta’ netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 18.10.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018L1972
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.