B’kont debitu meħud tal-fatt li l-ispektrum tar-radju huwa beni pubbliku li għandu valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva tal-ispektrum tar-radju għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territorju tagħhom skont l-Artikoli 3 u 4. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, u l-għoti ta’ drittijiet individwali, ta’ użu għall-ispektrum tar-radju għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minn awtoritajiet kompetenti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, li jiffavorixxu l-kompetittività, nondiskriminatorji u proporzjonati.
Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali rilevanti, inkluż ir-Regolamenti tal-ITU tar-Radju u ftehimiet oħra adottati fil-qafas tal-ITU applikabbli għall-ispektrum tar-radju, bħall-ftehim milħuq fil-Konferenza Reġjonali dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2006, u jkunu jistgħu jqisu l-konsiderazzjonijiet tal-politika pubblika.