L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasferiment jew il-lease ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju fejn jinżammu l-kondizzjonijiet oriġinali marbuta mad-drittijiet ta’ użu. Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġi żgurat in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom:
(a)
jissottomettu t-trasferimenti u l-leases għall-proċedura li tkun l-inqas oneruża possibbli;
(b)
ma jirrifjutawx il-lease ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju fejn il-lokatur jimpenja ruħu li jibqa’ responsabbli għall-adempiment tal-kondizzjonijiet oriġinali marbuta mad-drittijiet ta’ użu;
(c)
ma jirrifjutawx it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju sakemm ma jkunx hemm riskju ċar li d-detentur il-ġdid ma jkunx jista’ jissodisfa l-kondizzjonijiet oriġinali tad-dritt ta’ użu;
Kwalunkwe ħlas amministrattiv impost fuq l-impriżi b’konnessjoni mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għat-trasferiment jew il-lease ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju għandu jikkonforma mal-Artikolu 16.
Il-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jinfurzaw il-konformità mal-kondizzjonijiet marbuta mad-drittijiet ta’ użu fi kwalunkwe żmien, kemm fir-rigward tal-lokatur kif ukoll tal-lokatarju, skont il-liġi nazzjonali tagħhom.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiffaċilitaw it-trasferiment jew il-lease ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju billi jagħtu kunsiderazzjoni f’waqtha lil kwalunkwe talba biex jiġu adattati l-kondizzjonijiet marbuta mad-dritt u billi jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jew l-ispektrum tar-radju jkunu jistgħu jinqasmu jew jiġu diżaggregati bl-aqwa mod possibbli.
Fid-dawl ta’ kwalunkwe trasferiment jew lease ta’ drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu d-dettalji rilevanti relatati mad-drittijiet individwali kummerċjabbli f’format elettroniku standardizzat biex ikunu disponibbli għall-pubbliku u għandhom iżommu dawk id-dettalji sakemm jibqgħu jeżistu d-drittijiet.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu speċifikati dawk id-dettalji rilevanti.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 118(4).