+ANNESS VI DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 88 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 115 (FAĊILITAJIET ADDIZZJONALI) U FL-ARTIKOLU 106 (BDIL TAL-FORNITUR U PORTABBILTÀ TAN-NUMRU)

ANNESS VI DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 88 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 115 (FAĊILITAJIET ADDIZZJONALI) U FL-ARTIKOLU 106 (BDIL TAL-FORNITUR U PORTABBILTÀ TAN-NUMRU)




ANNESS VI

DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 88 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 115 (FAĊILITAJIET ADDIZZJONALI) U FL-ARTIKOLU 106 (BDIL TAL-FORNITUR U PORTABBILTÀ TAN-NUMRU)

Parti A:

Il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikoli 88 u 115

Meta tiġi applikata abbażi tal-Artikolu 88, il-Parti A hija applikabbli għall-konsumaturi u kategoriji oħra ta’ utenti finali fejn l-Istati Membri estendew il-benefiċjarji tal-Artikolu 88(2).

Meta applikata abbażi tal-Artikolu 115, il-Parti A hija applikabbli għal dawk il-kategoriji ta’ utenti finali ddeterminati mill-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-punti (c), (d) u (g) ta’ din il-Parti li japplikaw biss għall-konsumaturi.

(a) 

Kontijiet dettaljati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti f’koordinazzjoni, fejn rilevanti, mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, ikunu jistgħu jistabbilixxu l-livell bażiku ta’ kontijiet dettaljati li jridu jiġu offruti mill-fornituri lill-utenti finali mingħajr ħlas sabiex dawn ikunu jistgħu:

(i) 

jippermettu l-verifika u l-kontroll tat-tariffi mġarrba fl-użu tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet jew tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri fil-każ tal-Artikolu 115; u

(ii) 

jissorveljaw b’mod xieraq l-użu u l-ispejjeż li jagħmlu u b’hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta’ kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.

Meta jkun xieraq, jistgħu jiġu offruti lill-utenti finali livelli addizzjonali ta’ dettall għal ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.

Dawn il-kontijiet dettaljati għandhom jinkludu referenza espliċita għall-identità tal-fornitur u għat-tul ta’ żmien tas-servizzi imposti minn kwalunkwe numru primjum ħlief jekk l-utent finali jkun talab li din l-informazzjoni ma tissemmiex.

Is-sejħiet li jkunu mingħajr ħlas mill-utenti finali li jagħmel is-sejħa, inkluż sejħiet lil linji ta’ għajnuna, ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu identifikati fil-kont dettaljat tal-utent finali li jagħmel is-sejħa.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jipprovdu mingħajr ħlas identifikazzjoni ta’ min iċempel.

(b) 

Imblukkar selettiv ta’ sejħiet ’il barra, jew SMS primjum jew MMS, jew, fejn huwa teknikament fattibbli, tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, mingħajr ħlas

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-utenti finali jistgħu, wara li jitolbu lill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri fil-każ tal-Artikolu 115 jimblokkaw, mingħajr ma jħallas, sejħiet ’il barra jew SMS primjum jew MMS jew tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, ta’ tipi definiti jew lejn tipi definiti ta’ numri.

(c) 

Sistemi ta’ ħlas minn qabel

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti f’koordinazzjoni, fejn rilevanti, mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeżiġu li l-fornituri joffru mezzi kif il-konsumaturi jħallsu għall-aċċess għan-netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, jew ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri fil-każ tal-Artikolu 115, fuq bażi ta’ ħlas minn qabel.

(d) 

Pagament rateali mqassam fuq tul ta’ żmien tal-ħlasijiet għall-konnessjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti f’koordinazzjoni, fejn rilevanti, mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeżiġu li l-fornituri jippermettu lill-konsumaturi jħallsu għall-konnessjoni ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fuq bażi ta’ pagamenti rateali mqassma fuq tul ta’ żmien.

(e) 

Kontijiet li ma jitħallsux

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi, li jkunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppubblikati, biex ikopru kontijiet mhux imħallsa maħruġa minn fornituri. Dawn il-miżuri jiżguraw li jingħata avviż debitu minn qabel lill-utenti finali dwar kwalunkwe interruzzjoni jew qtugħ tas-servizz konsegwenti. Ħlief fil-każijiet ta’ frodi, ħlas persistenti tard jew nuqqas ta’ ħlas, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw, sa fejn hu teknikament fattibbli li kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz tiġi konfinata għas-servizz ikkonċernat. Il-qtugħ tal-konnessjoni għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontijiet għandha sseħħ biss wara li tingħata t-twissija debita lill-utenti finali. L-Istati Membri jistgħu jippermettu perijodu ta’ servizz limitat qabel il-qtugħ komplut tal-konnessjoni li matulu jkunu permessi biss sejħiet li ma jinvolvux ħlas mill-utenti finali (pereżempju sejħiet għan-numru “112”) u livell ta’ servizz minimu tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet, definit mill-Istati Membri fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali.

(f) 

Informazzjoni dwar it-tariffi

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha utenti finali jistgħu jitolbu lill-fornitur joffri informazzjoni dwar tariffi alternattivi rħas, jekk disponibbli.

(g) 

Kontroll tal-ispiża

jiġifieri l-faċilità li permezz tagħha l-fornituri joffru mezzi oħra, jekk jiġi determinat li dawn huma xierqa mill-awtoritajiet kompetenti f’koordinazzjoni, fejn rilevanti, mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jikkontrollaw l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi jew servizzi ta’ aċċess għall-internet, jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri fil-każ tal-Artikolu 115 inkluż allerti bla ħlas lill-konsumaturi f’każ ta’ tendenzi ta’ konsum mhux normali jew eċċessiv.

(h) 

faċilità ta’ diżattivazzjoni ta’ ħruġ ta’ kont minn parti terza

jiġifieri l-faċilità li utenti finali jiddiżaattivaw il-kapaċità ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ parti terza li jużaw il-kont ta’ fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet jew fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali pubblikament disponibbli biex jitolbu l-ħlas għall-prodotti u s-servizzi tagħhom.

Parti B:

Faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 115

(a) 

Identifikazzjoni tal-linja ta’ mnejn dieħla s-sejħa

jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi ppreżentat lill-persuna msejħa qabel ma s-sejħa tiġi stabbilita.

Din il-faċilità għandha tiġi pprovduta skont il-liġi rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE.

Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom jipprovdu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta tal-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta’ ddajljar minn naħa għall-oħra tal-konfini tal-Istati Membri.

(b) 

trażmissjoni f’indirizz ġdid jew aċċess għal posta elettronika wara tmiem ta’ kuntratt ma’ fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet.

Din il-faċilità għandha, fuq talba u mingħajr ħlas, tippermetti lill-utenti finali li jtemmu l-kuntratt tagħhom ma’ fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet biex jew ikollhom aċċess għall-posta elettronika li jirċievu fl-indirizzi elettroniċi tagħhom ibbażati fuq l-isem kummerċjali jew it-trademark tal-fornitur preċedenti, matul perijodu li l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis meħtieġ u proporzjonat, jew biex jittrasferixxu l-posta elettronika mibgħuta f’dak (jew dawk) l-indirizz(i) matul dak il-perijodu lejn indirizz elettroniku ġdid speċifikat mill-utent finali.

Parti C:

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-portabbiltà tan-numri msemmija fl-Artikolu 106

Ir-rekwiżit li l-utenti finali kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika, li jitolbu dan, jistgħu jżommu n-numri tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz għandu japplika:

(a) 

fil-każ ta’ numri ġeografiċi, f’post speċifiku; u

(b) 

fil-każ ta’ numri mhux ġeografiċi, fi kwalunkwe post.

Din il-Parti ma tapplikax għall-portabbiltà ta’ numri bejn netwerks li jipprovdu servizzi f’post iffissat u netwerks mobbli.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 18.10.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018L1972
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.