2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, jekk meħtieġ għas-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-detenturi tad-drittijiet, jittieħdu miżuri ta' pubbliċità xierqa addizzjonali rigward il-kapaċità għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jilliċenzjaw xogħlijiet jew materjal ieħor skont l-Artikolu 8, il-liċenzji mogħtija, l-użi skont l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti mill-Artikolu 8(2) u l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fl-Artikolu 8(4).
Il-miżuri ta' pubbliċità xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jittieħdu fl-Istat Membru fejn tintalab il-liċenzja skont l-Artikolu 8(1) jew, għal użi taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali. Jekk ikun hemm evidenza, bħall-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, li tissuġġerixxi li s-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista' ssir b'mod aktar effiċjenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, tali miżuri ta' pubbliċità għandhom ikopru wkoll lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi.