|
+Artikolu 4 1. |
Artikolu 4 1.L-Impriża Konġunta għandha timplimenta l-missjoni msemmija fl-Artikolu 3 skont il-pilastri tal-attivitajiet li ġejjin:
(a)
il-pilastru amministrattiv, li jkopri l-attivitajiet ġenerali għall-operazzjoni u l-ġestjoni tal-Impriża Konġunta;
(b)
il-pilastru tal-infrastruttura, li jinkludi l-attivitajiet għall-akkwist, l-implimentazzjoni, l-upgrade u l-operazzjoni tal-infrastruttura sigura, iperkonnessa u ta’ klassi dinjija tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku u tad-data, inkluż il-promozzjoni tal-adozzjoni u l-użu sistematiku tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni ġġenerati fl-Unjoni;
(c)
il-pilastru tal-federazzjoni ta’ servizzi tas-supercomputing, li jkopri l-attivitajiet kollha għall-provvista tal-aċċess madwar l-Unjoni għal riżorsi u servizzi federati u siguri tas-supercomputing u tad-data madwar l-Ewropa għall-komunità xjentifika u tar-riċerka, l-industrija, inklużi l-SMEs, u s-settur pubbliku, b’mod partikolari f’kooperazzjoni ma’ PRACE u GÉANT; dawk l-attivitajiet għandhom jinkludu:
(i)
l-appoġġ għall-interkonnessjoni tar-riżorsi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, tal-computing kwantistiku u tad-data li huma proprjetà sħiħa jew parzjali tal-Impriża Konġunta jew magħmula disponibbli fuq bażi volontarja mill-Istati Parteċipanti;
(ii)
l-appoġġ għall-interkonnessjoni tal-infrastrutturi tad-data tas-supercomputing, u tal-computing kwantistiku mal-ispazji komuni Ewropej tad-data u mal-infrastrutturi federati u siguri tal-cloud u tad-data tal-Unjoni;
(iii)
l-appoġġ għall-iżvilupp, l-akkwist u l-operazzjoni ta’ pjattaforma għall-federazzjoni mingħajr xkiel u l-provvista sigura ta’ servizzi tal-infrastruttura tas-servizzi u tad-data tas-supercomputing u tal-computing kwantistiku, għall-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ aċċess għal kwalunkwe servizz tas-supercomputing jew tad-data ġestit mill-Impriża Konġunta, fejn kwalunkwe utent jiġi pprovdut b’punt uniku ta’ dħul;
(d)
il-pilastru tat-teknoloġija, li jindirizza attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ ekosistema tas-supercomputing ta’ klassi dinjija, kompetittiva u innovattiva madwar l-Ewropa li tindirizza t-teknoloġiji tal-hardware u tas-software, u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi tal-computing, filwaqt li jkopri l-katina tal-valur xjentifika u industrijali sħiħa, għall-kontribuzzjoni għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni; dan għandu jiffoka wkoll fuq teknoloġiji tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali; dawk l-attivitajiet għandhom jindirizzaw fost l-oħrajn:
(i)
komponenti ta’ mikropproċessar b’konsum baxx tal-enerġija, komponenti tal-interkonnessjoni, arkitettutra tas-sistema u teknoloġiji relatati bħal algoritmi, kodiċijiet tas-software, għodod, u ambjenti ġodda;
(ii)
paradigmi emerġenti tal-computing u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ewlenin tas-supercomputing permezz ta’ approċċ ta’ kodisinn; dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu marbuta mal-iżvilupp, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ supercomputers ta’ livell għoli, inkluż kompjuters kwantistiċi, u infrastrutturi;
(iii)
it-teknoloġiji u s-sistemi għall-interkonnessjoni u l-operazzjoni ta’ sistemi klassiċi tas-supercomputing ma’ teknoloġiji oħra, spiss komplementari, tal-computing, bħall-computing kwantistiku jew teknoloġiji tal-computing emerġenti oħra u l-iżgurar tal-operazzjoni effettiva tagħhom;
(iv)
algoritmi u teknoloġiji tas-software ġodda li joffru żidiet sostanzjali tal-prestazzjoni;
(e)
il-pilastru tal-applikazzjoni, li jindirizza attivitajiet għall-kisba u ż-żamma tal-eċċellenza Ewropea fl-applikazzjonijiet ewlenin tal-computing u tad-data u l-kodiċijiet għax-xjenza, l-industrija, inklużi l-SMEs, u s-settur pubbliku; dawk l-attivitajiet għandhom jindirizzaw fost l-oħrajn:
(i)
l-applikazzjonijiet, inkluż algoritmi ġodda u żviluppi tas-software, għall-utenti pubbliċi u privati li jibbenefikaw mill-isfruttar tar-riżorsi u l-kapaċitajiet ta’ supercomputers ta’ livell għoli u l-konverġenza tagħhom ma’ teknoloġiji diġitali avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali, l-analitika tad-data ta’ prestazzjoni għolja, teknoloġiji tal-cloud, eċċ. permezz tal-kodisinn, l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ta’ kodiċijiet u applikazzjonijiet ta’ swieq pilota emerġenti fuq skala kbira u ffaċilitati mill-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;
(ii)
l-appoġġ, fost l-oħrajn, liċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-applikazzjonijiet u fil-proġetti dimostranti pilota u bankijiet ta’ ttestjar fuq skala kbira ffaċilitati mill-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-applikazzjonijiet u s-servizzi diġitali avvanzati tal-big data f’firxa wiesgħa ta’ setturi xjentifiċi, pubbliċi u industrijali;
(f)
il-pilastru tat-twessigħ tal-użu u tal-ħiliet, bil-għan li jiġu żviluppati kapaċitajiet u ħiliet li jrawmu l-eċċellenza fis-supercomputing, fil-computing kwantistiku, u fl-użu tad-data, filwaqt li jittieħed kont tas-sinerġiji ma’ programmi u strumenti oħra, b’mod partikolari l-Programm Ewropa Diġitali, jitwessa’ l-użu xjentifiku u industrijali tar-riżorsi tas-supercomputing u tal-applikazzjonijiet tad-data u jitrawmu l-aċċess u l-użu industrijali ta’ infrastrutturi tas-supercomputing u tad-data għall-innovazzjoni adattata għall-ħtiġijiet industrijali, kif ukoll li l-Ewropa tiġi pprovduta b’komunità xjentifika ewlenija esperta u b’forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet għat-tmexxija xjentifika u t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u l-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-appoġġ u n-networking ta’ Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja nazzjonali u ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;
(g)
il-pilastru tal-kooperazzjoni internazzjonali: Skont l-objettivi tal-politika esterna u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet rilevanti għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni internazzjonali fis-supercomputing biex jingħelbu sfidi xjentifiċi u soċjetali globali, filwaqt li tiġi promossa l-kompetittività tal-provvista Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-ekosistema Ewropea tal-utenti;
(h)
pilastru tal-fabbrika tal-IA għal IA affidabbli u etika, li jkopri l-attivitajiet għall-għoti ta’ infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing orjentata lejn l-IA li għandha l-għan li tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet, il-kompetenzi u l-ħiliet fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ekosistema tal-IA; dan għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:
(i)
l-akkwist u t-tħaddim ta’ supercomputers ottimizzati permezz tal-IA kolokalizzati ma’ ċentri tad-data jew konnessi ma’ ċentri tad-data permezz ta’ networks b’veloċità għolja ħafna;
(ii)
l-aġġornar tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC b’kapaċitajiet ta’ IA;
(iii)
l-għoti ta’ aċċess u opportunitajiet ta’ aċċess ekwu għas-supercomputers ottimizzati permezz tal-IA jew għas-supercomputers EuroHPC li ġew aġġornati b’kapaċitajiet tal-IA, inkluż li l-użu tagħhom jinfetaħ għal għadd kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, inkluż għan-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;
(iv)
it-tħaddim ta’ ċentri ta’ servizzi tas-supercomputing orjentati lejn l-IA ċentralizzati jew distribwiti b’appoġġ għall-ekosistema tan-negozji ġodda fil-qasam tal-IA u l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni li jipprovdu appoġġ algoritmiku, appoġġ għall-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-validazzjoni ulterjuri ta’ mudelli u sistemi tat-taħriġ tal-IA, u appoġġ għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-IA fuq skala kbira f’oqsma strateġiċi bħas-saħħa u l-kura, it-tibdil fil-klima, ir-robotika, jew is-sewqan konness u awtomatizzat;
(v)
it-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ programmazzjoni adattati għas-supercomputers, inkluż għall-parallelizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-IA biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tas-supercomputing;
(vi)
it-tħaddim ta’ servizzi oħra tas-supercomputing li jippermettu l-IA;
(vii)
l-attrazzjoni, l-akkomunament u t-taħriġ tat-talent biex jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom fl-użu tas-supercomputers EuroHPC għall-IA;
(viii)
l-interazzjoni mal-fabbriki l-oħra tal-IA, l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom madwar l-Ewropa, u l-kooperazzjoni maċ-Ċentri ta’ Kompetenza u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza EuroHPC, u mal-inizjattivi rilevanti tal-IA tal-Unjoni, bħaċ-ċentri tan-negozji ġodda fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-ekosistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u tad-data, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-pjattaforma ċentrali Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-infrastrutturi Ewropej rilevanti tar-riċerka u inizjattivi relatati oħra;
(i)
il-pilastru tal-gigafabbriki tal-IA, li jkopri l-attivitajiet tal-gigafabbriki tal-IA, li fl-operat tagħhom jistgħu jkunu konnessi man-network tal-EuroHPC tal-fabbriki tal-IA sabiex jiġu żgurati integrazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien mingħajr xkiel fl-ekosistema Ewropea tal-IA; dan il-pilastru għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:
(i)
il-provvista ta’ infrastruttura tal-computing tal-IA ta’ klassi dinjija għar-riċerkaturi, l-imprendituri u l-industriji, inkluż l-SMEs, l-istartups, l-iscaleups u s-settur pubbliku Ewropej;
(ii)
l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-IA fis-setturi pubbliċi u privati kollha, inkluż l-iżvilupp ta’ mudelli bażi; u
(iii)
l-iżgurar tal-kompetittività u tas-sovranità tal-Unjoni bħala kontinent tal-IA;
(j)
il-pilastru tat-teknoloġiji kwantistiċi, li jindirizza l-ekosistema kwantistika sħiħa u l-oqsma ta’ applikazzjoni tal-computing u tas-simulazzjoni kwantistiċi, tal-komunikazzjoni kwantistika, u tar-rilevament u tal-metroloġija kwantistiċi, filwaqt li jiżgura s-sigurtà u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista kwantistika u tat-teknoloġiji abilitanti tagħha; dawk l-attivitajiet għandhom jindirizzaw fost l-oħrajn:
(i)
ir-riċerka u l-innovazzjoni xjentifiċi u teknoloġiċi: l-avvanz tal-eċċellenza fir-riċerka fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija kwantistiċi;
(ii)
it-tranżizzjoni mil-laboratorju għall-fabbrika u l-iżvilupp tal-ekosistemi: l-appoġġ għall-iżvilupp u għall-varar ta’ infrastrutturi kwantistiċi mill-aktar avvanzati; it-trawwim tal-industrijalizzazzjoni tat-teknoloġiji kwantistiċi billi tiġi appoġġata l-adozzjoni tal-applikazzjonijiet kwantistiċi f’setturi pubbliċi u industrijali ewlenin; l-iżgurar tat-traduzzjoni tal-avvanzi fl-oqsma kwantistiċi kollha f’applikazzjonijiet tad-dinja reali, inkluż l-iżvilupp ta’ swieq ewlenin; il-promozzjoni tal-istandards Ewropej u internazzjonali; u l-appoġġ għall-iżvilupp u għan-networking taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza kwantistika madwar l-Ewropa;
(iii)
l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ sistemi tal-computing kwantistiku tolleranti għall-ħsara li jiddependu fuq miżuri pubbliċi biex jappoġġaw ekosistema kwantistika Ewropea kompetittiva u katina tal-provvista bbażata fuq teknoloġiji magħmula u mfassla fl-Ewropa;
(iv)
il-ħiliet u t-talent: l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol kompetittiva u inklużiva fir-riċerka kwantistika u fl-inġinerija permezz ta’ inizjattivi koordinati ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ mobilità, fost dixxiplini u oqsma tekniċi ewlenin relatati mal-kwantum;
(v)
il-kooperazzjoni internazzjonali: l-iżvilupp ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fit-teknoloġiji kwantistiċi sabiex jiġu solvuti l-isfidi xjentifiċi u tas-soċjetà globali, f’konformità mal-objettivi tal-politika esterna u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|