2. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jiżviluppaw alternattivi għal investimenti ta’ fluss fid-direzzjoni opposta, bħal soluzzjonijiet ta’ grilji intelliġenti jew konnessjoni ma’ operaturi oħra tan-network inkluża l-konnessjoni diretta tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ gass rinnovabbli u ta’ gass b’livell baxx tal-karbonju man-network ta’ trażmissjoni. Aċċess b’kapaċità kostanti jista’ jkun limitat biss biex joffri kapaċitajiet soġġetti għal limitazzjonijiet operazzjonali, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza tal-infrastruttura u l-effiċjenza ekonomika. L-awtorità regolatorja għandha tkun responsabbli għar-rieżami u l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għal kapaċità kundizzjonali u għandha tiżgura li l-limitazzjonijiet fil-kapaċità kostanti jew il-limitazzjonijiet operazzjonali għandhom jiddaħħlu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni abbażi ta’ proċeduri trasparenti u nondiskriminatorji u ma jkunux joħolqu ostakli bla bżonn għad-dħul fis-suq. Meta l-faċilità tal-produzzjoni ġġarrab il-kostijiet relatati mal-iżgurar tal-kapaċità kostanti, ma għandha tapplika l-ebda limitazzjoni.