+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1)
|
Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u r-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ġew emendati b’mod sostanzjali. Peress li għad iridu jsiru iżjed emendi, jenħtieġ li dawk ir-Regolamenti jiġu riformulati fl-interess taċ-ċarezza.
|
|
(2)
|
L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-ewwel pakkett tal-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew, b’mod partikolari, ir-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004, u (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), stabbiliet bażi legali soda għal sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) uniformi, interoperabbli u sikura. L-adozzjoni tat-tieni pakkett, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), saħħet aktar l-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew billi tintroduċi l-kunċetti ta’ “skema ta’ prestazzjoni” u “Maniġer tan-Network” biex ikomplu jtejbu l-prestazzjoni tan-network Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tħassar bir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), peress li r-regoli meħtieġa għall-interoperabbiltà tas-sistemi, il-kostitwenti u l-proċeduri tal-ATM ġew inkorporati fir-Regolament (UE) 2018/1139.
|
|
(3)
|
Biex jitqiesu l-bidliet introdotti fir-Regolament (UE) 2018/1139, jeħtieġ li dan ir-Regolament jiġi allinjat ma’ dak ir-Regolament u li dan tal-aħħar jiġi emendat.
|
|
(4)
|
Ir-regoli dettaljati dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru, id-dispożizzjonijiet operazzjonali dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u r-regoli u l-proċeduri għad-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru huma rregolati skont ir-Regolament (UE) 2018/1139, filwaqt li jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru tkun irregolata skont dan ir-Regolament.
|
|
(5)
|
Fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru tal-1944 (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), l-Istati Kontraenti jirrikonoxxu li kull Stat għandu sovranità kompluta u esklussiva fuq l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tiegħu. Huwa fil-qafas ta’ din is-sovranità li l-Istati Membri tal-Unjoni, soġġetti għal konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jeżerċitaw is-setgħat ta’ awtorità pubblika meta jikkontrollaw it-traffiku tal-ajru.
|
|
(6)
|
Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago.
|
|
(7)
|
L-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport teħtieġ sistema tat-trasport bl-ajru effiċjenti li tippermetti tħaddim sikur, regolari u sostenibbli tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, li tottimizza l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-kapaċità, li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-avjazzjoni u li tiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni u tas-servizzi.
|
|
(8)
|
Biex jinkisbu simultanjament l-objettivi tat-tkattir tal-istandards tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u tat-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tas-servizzi tal-ATM u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANS) għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa, jeħtieġ jitqies il-fattur uman. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jħaddmu l-prinċipji ta’ “kultura ġusta”. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati u meqjusa l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Umana tal-Ajru Uniku Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2019 (9).
|
|
(9)
|
It-titjib fil-prestazzjoni klimatika u ambjentali tal-ATM jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-objettivi li jinsabu fil-Ftehim ta’ Pariġi, fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni u fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni.
|
|
(10)
|
Użu aktar effiċjenti tal-ispazju tal-ajru, li jippermetti aktar għażliet fir-rigward tal-aħjar trajettorji tat-titjiriet, iwassal għal żieda fl-effiċjenza tal-fjuwil u tnaqqis fl-emissjonijiet. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll diversi elementi klimatiċi u ambjentali meta jiġu ottimizzati t-trajettorji tat-titjiriet u l-profili tat-titjiriet, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u s-sustanzi niġġiesa tal-arja. Jenħtieġ li tiġi żviluppata metodoloġija dwar kif għandhom jitqiesu dawk id-diversi elementi u l-interdipendenzi tagħhom, b’mod partikolari meta jitfasslu l-indikaturi tal-prestazzjoni.
|
|
(11)
|
L-ispazju tal-ajru huwa riżorsa komuni għall-kategoriji kollha ta’ utenti li jeħtieġ li jintuża b’mod flessibbli minnhom ilkoll, b’mod li jiżgura ġustizzja u trasparenza filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri u tal-impenji tagħhom fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
|
|
(12)
|
Fl-2004, l-Istati Membri adottaw dikjarazzjoni ġenerali dwar kwistjonijiet militari relatati mal-Ajru Uniku Ewropew (11), li tennew. Skont dik id-dikjarazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbju, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni ċivili-militari u, jekk u sa fejn meqjus bħala meħtieġ mill-Istati Membri kollha kkonċernati, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-forzi armati tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
|
|
(13)
|
Id-deċiżjonijiet relatati mal-kontenut, mal-ambitu jew mat-twettiq ta’ operazzjonijiet u taħriġ militari ma jaqgħux fl-isfera ta’ kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
|
|
(14)
|
L-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 ippreveda l-istabbiliment mill-Istati Membri ta’ blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex tittejjeb il-prestazzjoni u jinħolqu sinerġiji, u rregola dawn il-blokok tal-ispazju tal-ajru. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni f’tali blokok tal-ispazju tal-ajru stabbiliti preċedentement bil-ħsieb li titrawwem il-prestazzjoni tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew, b’mod partikolari billi jippreżentaw pjanijiet konġunti ta’ prestazzjoni, dment li, b’mod partikolari, dan ma jaffettwax l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(15)
|
Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnominaw awtorità superviżorja nazzjonali sabiex tassumi l-kompiti assenjati lil din l-awtorità skont dan ir-Regolament. Biex tkun żgurata sorveljanza konsistenti u tajba tal-forniment tas-servizzi madwar l-Ewropa, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu garantiti indipendenza u riżorsi suffiċjenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-finanzjament ta’ dawk l-awtoritajiet jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, u jenħtieġ li jippermettilhom joperaw skont il-prinċipji tal-ġustizzja, tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lil awtorità superviżorja nazzjonali milli tingħaqad ma’ awtorità regolatorja oħra, bħall-awtorità kompetenti nazzjonali jew l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jekk l-awtorità konġunta tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u dment li d-deċiżjonijiet relatati mal-kompiti kkonferiti lill-awtorità superviżorja nazzjonali skont dan ir-Regolament jittieħdu indipendentement minn kompiti oħra kkonferiti lill-awtorità konġunta.
|
|
(16)
|
Jenħtieġ li proċeduri xierqa għall-ħatra tal-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jikkontribwixxu għall-garanzija tal-indipendenza ta’ dawk l-awtoritajiet. Jenħtieġ li l-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jaġixxi indipendentement, b’mod partikolari billi jevita kunflitti ta’ interess bejn il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u t-twettiq tal-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-persuni li jieħdu deċiżjonijiet li jeżerċitaw is-setgħat definiti f’dan ir-Regolament jipprevjenu wkoll kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw mill-assenjazzjoni attiva tagħhom lil awtorità superviżorja nazzjonali b’rabta ma’ pożizzjoni ġdida f’entità regolata għaż-żmien immedjatament wara t-tmiem tal-assenjazzjoni tagħhom lil dik l-awtorità superviżorja nazzjonali.
|
|
(17)
|
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri biex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtorità superviżorja nazzjonali u l-awtorità kompetenti nazzjonali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(18)
|
Ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ ċertifikazzjoni rigward ir-robustezza finanzjarja, ir-responsabbiltà, il-kopertura tal-assigurazzjoni u s-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali għandhom rabta qawwija mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tas-sigurtà għall-forniment tas-servizzi u mas-sorveljanza operazzjonali u teknika li għandha titwettaq minn awtorità kompetenti nazzjonali. Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar relatati mar-rekwiżiti rigward ir-robustezza finanzjarja, ir-responsabbiltà, il-kopertura tal-assigurazzjoni, is-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali elenkati fil-punt 7 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2018/1139, jenħtieġ li l-Istati Membri jorganizzaw il-proċessi amministrattivi tagħhom f’konformità mal-arranġamenti nazzjonali tagħhom biex jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa u effiċjenti tal-kompiti kemm tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif ukoll ta’ dawk superviżorji nazzjonali.
|
|
(19)
|
L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u għalhekk jenħtieġ li jikkooperaw bejniethom biex jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-prinċipji tagħhom tal-ħidma u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aqwa prattiċi u proċeduri u fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex jiżviluppaw approċċ komuni, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-livell reġjonali. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni sseħħ fuq bażi regolari fil-kuntest tal-Bord ta’ Kooperazzjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali.
|
|
(20)
|
Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru hija għodda importanti għat-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tas-sistema Ewropea tal-ATM u jenħtieġ li tiġi mħeġġa.
|
|
(21)
|
Jenħtieġ li fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jkun jista’ joffri servizzi fl-Unjoni taħt kundizzjonijiet nondiskriminatorji meta jkollu ċertifikat jew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2018/1139.
|
|
(22)
|
F’konformità mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fih, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu l-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru msemmija fl-Artikolu 2(3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2018/1139 taħt ir-responsabbiltà tagħhom mill-militar mingħajr ċertifikazzjoni meta l-militar joffri tali servizzi primarjament lill-movimenti tal-inġenji tal-ajru għajr it-traffiku tal-ajru ġenerali. F’dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu.
|
|
(23)
|
Dan ir-Regolament ma jeħtieġx iċ-ċertifikazzjoni tas-sinjali fornuti mis-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS).
|
|
(24)
|
Jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-utenti tal-ispazju tal-ajru fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ekwivalenti.
|
|
(25)
|
Jenħtieġ li s-servizzi tat-traffiku tal-ajru jiġu pprovduti fuq bażi esklussiva. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ tali servizzi jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ deżinjazzjoni u ta’ interess pubbliku. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-forniment ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru, li huma konnessi mal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ awtorità pubblika, u mhumiex ta’ natura ekonomika mhuwiex soġġett għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati rigward il-kompetizzjoni.
|
|
(26)
|
Jenħtieġ li l-proċess tad-deżinjazzjoni jqis il-ħtieġa għall-kontinwità tas-servizz u l-ippjanar fit-tul tal-investiment mill-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Minkejja dan, il-kuntest tan-navigazzjoni bl-ajru li qed jevolvi malajr jirrikjedi li l-monitoraġġ tad-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri deżinjati tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jitwettaq biex jiġi żgurat li dawk id-drittijiet u l-obbligi jibqgħu applikabbli bis-sħiħ u li dawk l-obbligi jiġu ssodisfati. Meta l-Istati Membri jqisu li jkun meħtieġ li jitnieda proċess ġdid ta’ deżinjazzjoni fil-kuntest tal-monitoraġġ tagħhom, jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeżinjaw lill-istess fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
|
|
(27)
|
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-deżinjazzjoni ta’ fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru ma tkunx prekluża mil-liġi nazzjonali tagħhom b’mod partikolari abbażi tal-fatt li l-fornitur ta’ servizzi kkonċernat ikollu l-post tan-negozju prinċipali fi Stat Membru ieħor jew ikun proprjetà ta’ ċittadin ta’ dak l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi nazzjonali tinvolvi restrizzjoni mhux ġustifikata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment, li jenħtieġ li jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.
|
|
(28)
|
Il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jistgħu jakkwistaw servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza (CNS), servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika (AIS), servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru (ADS), jew servizzi meteoroloġiċi (MET) f’każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux iddeżinjaw fornitur tal-MET, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, jew taħt forom oħra ta’ ftehimiet fejn id-Direttivi 2014/24/UE (12) u 2014/25/UE (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma japplikawx, filwaqt li jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi bħan-nuqqas ta’ soluzzjonijiet disponibbli fis-suq u kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-operaturi tal-ajruporti, jew grupp ta’ operaturi tal-ajruporti, jakkwistaw servizzi tat-traffiku tal-ajru fit-terminali għall-kontroll tal-ajrudrom jew servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-kontroll tal-avviċinament skont kundizzjonijiet tas-suq.
|
|
(29)
|
Meta jiġu akkwistati servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-kontroll tal-ajrudrom u l-kontroll tal-avviċinament, jenħtieġ li dawn ma jkunux soġġetti għall-istabbiliment ta’ mira ta’ prestazzjoni stipulata f’dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi jipprovdu data dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Fejn jiġu akkwistati servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-kontroll tal-ajrudrom u l-kontroll tal-avviċinament, jenħtieġ li r-rekwiżiti tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jinkludu rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz.
|
|
(30)
|
Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jżommu kontijiet separati għal kull servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kif ikunu meħtieġa jagħmlu jekk dawn is-servizzi jitwettqu minn impriżi separati bil-ħsieb li jevitaw id-diskriminazzjoni, is-sussidju inkroċjat u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
|
|
(31)
|
Meta applikabbli, jenħtieġ li l-akkwist ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jsir f’konformità mad-Direttiva 2014/24/UE, mad-Direttiva 2014/25/UE, u mal-prinċipji tat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza kif ukoll mad-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat, b’mod partikolari r-regoli tat-Trattat rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Jenħtieġ li l-proċeduri tal-offerti għall-akkwist tas-servizzi kkonċernati jitfasslu b’tali mod li jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva ta’ fornituri kompetituri f’dawn il-proċeduri, inkluż bi ftuħ mill-ġdid regolari tal-kompetizzjoni.
|
|
(32)
|
Il-ġestjoni tat-traffiku tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord teħtieġ id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni (CIS). Meta s-CIS jiġu pprovduti minn fornitur uniku tas-CIS deżinjat mill-Istat Membru fir-rigward ta’ spazju tal-ajru speċifiku tal-U-space, jenħtieġ li l-prezzijiet tas-CIS jiġu rregolati sabiex jitrażżnu l-kostijiet ta’ tali ġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, jenħtieġ li l-prezzijiet tas-CIS ikunu bbażati fuq il-kost u marġni kummerċjali raġonevoli għall-profitt, u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Meta CIS ma jkunux ipprovduti minn fornitur uniku ta’ CIS, jenħtieġ li s-CIS individwali tiġi pprovduta mingħajr ħlas. Biex ikun jista’ jsir il-forniment tas-servizzi, jenħtieġ li jingħata aċċess għad-data operazzjonali rilevanti lill-fornituri ta’ CIS b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.
|
|
(33)
|
Id-disponibbiltà tad-data operazzjonali rilevanti fir-rigward tat-traffiku tal-ajru ġenerali hija essenzjali biex ikun jista’ jitwettaq il-forniment flessibbli ta’ servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru, b’mod transfruntier u għall-Unjoni kollha. Għalhekk, jenħtieġ li tali data tkun disponibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti inkluż għall-entitajiet li jkollhom interess ippruvat li jikkunsidraw il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. L-akkuratezza tal-informazzjoni inkluż dwar l-istatus tal-ispazju tal-ajru u dwar sitwazzjonijiet speċifiċi tat-traffiku tal-ajru u d-distribuzzjoni f’waqtha ta’ din l-informazzjoni lill-kontrolluri ċivili u militari għandha impatt dirett fuq is-sikurezza u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet, inkluż l-effiċjenza ambjentali tat-titjiriet. L-aċċess f’waqtu għal informazzjoni aġġornata dwar l-istatus tal-ispazju tal-ajru huwa essenzjali għall-partijiet kollha li jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-istrutturi tal-ispazju tal-ajru li jsiru disponibbli meta jimlew jew jimlew mill-ġdid il-pjanijiet tat-titjir tagħhom.
|
|
(34)
|
Jenħtieġ li l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti ma japplikawx għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal ipprovduti f’ajruporti b’inqas minn 80 000 moviment tat-trasport bl-ajru fis-sena mwettqa bl-użu ta’ regoli tat-titjir bl-istrumenti (IFR). L-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni għal servizzi bħal dawn ftit li xejn ikollu valur miżjud peress li tali miri, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikunu qrib iż-żero. Barra minn hekk, is-sottomissjoni ta’ dawk is-servizzi għall-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti stabbiliti minn dan ir-Regolament twassal għal piż amministrattiv u finanzjarju sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija mil-lat ta’ titjib fil-prestazzjoni u kwalità aħjar tas-servizz. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal ikunu soġġetti għall-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti.
|
|
(35)
|
Jenħtieġ li l-militari li jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru primarjament lill-movimenti tal-inġenji tal-ajru għajr it-traffiku tal-ajru ġenerali, inkluż il-finanzjament tagħhom, ma jkunux soġġetti għall-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti stabbiliti b’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-kostijiet tas-servizzi tagħhom ma jitqisux bħala kostijiet iddeterminati skont dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dawk l-iskemi għall-militari li jipprovdu tali servizzi. Jenħtieġ li l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti japplikaw għall-militari li jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru primarjament lit-traffiku tal-ajru ġenerali.
|
|
(36)
|
Jenħtieġ li l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti jiżguraw it-tħaddim effiċjenti, sostenibbli u kontinwu tas-sistema Ewropea tal-ATM u huma wkoll maħsuba biex is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li jingħataw skont kundizzjonijiet li mhumiex il-kundizzjonijiet tas-suq, ikunu aktar kosteffiċjenti u biex jippromwovu kwalità aħjar tas-servizz. Għaldaqstant jenħtieġ jinkludu inċentivi rilevanti u xierqa. Fid-dawl ta’ dan l-objettiv, jenħtieġ li l-iskema ta’ prestazzjoni ma tkunx tkopri s-servizzi mogħtija bil-kundizzjonijiet tas-suq. Jenħtieġ li l-iskema ta’ prestazzjoni tkopri s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kollha li fornitur deżinjat tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jipprovdi jew jakkwista mingħand fornituri ta’ servizz oħrajn, inkluż meta dak il-fornitur ta’ servizz jipprovdi servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jew servizzi tat-traffiku tal-ajru.
|
|
(37)
|
L-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw pjanijiet konġunti ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru bl-għan li jtejbu l-livell ta’ prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru lil hinn mil-livell li jista’ jinkiseb abbażi ta’ Stat Membru individwali, li jkopru mill-inqas it-tul tal-perjodu referenzjarju; Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu f’dawk il-pjanijiet konġunti mill-inqas mira waħda u inizjattivi dwar il-kooperazzjoni transfruntiera, filwaqt li jqisu l-valur miżjud tal-istabbiliment ta’ miri konġunti oħra, it-twettiq ta’ akkwist konġunt u l-istabbiliment ta’ governanza konġunta.
|
|
(38)
|
Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistipula skemi ta’ inċentivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-applikabbiltà ta’ tali skemi għal sitwazzjonijiet fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jmorru lil hinn mill-miri ta’ prestazzjoni vinkolanti rilevanti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru matul il-perjodu referenzjarju jew ma jikkonformawx magħhom. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru biex jittaffa l-impatt ta’ tali avvenimenti, jenħtieġ li l-kriterji tal-applikabbiltà jqisu kif xieraq avvenimenti mhux prevedibbli u sinifikanti barra mill-kontroll tal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru. Sabiex jippromwovu kwalità aħjar tas-servizzi, jenħtieġ li dawk l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti jinkludu inċentivi rilevanti u xierqa bbażati fuq il-eżiti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti inċentivi finanzjarji bil-għan li jinkoraġġixxu prestazzjoni aħjar tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’mod ibbilanċjat billi jippremjaw jew jippenalizzaw il-prestazzjoni reali fir-rigward ta’ miri vinkolanti tal-prestazzjoni.
|
|
(39)
|
Id-dħul mill-imposti li jġarrbu l-utenti tal-ispazju tal-ajru jista’ jirriżulta f’surplus jew telf finanzjarji għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru minħabba l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ inċentivi u l-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tar-riskju.
|
|
(40)
|
Jenħtieġ li jinħatar Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB) biex jagħti parir u jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-PRB jiggarantixxi li l-kompiti tiegħu jitwettqu bl-għarfien espert u l-indipendenza meħtieġa mill-interessi pubbliċi jew privati, u jkun jista’ jiddependi fuq riżorsi ddedikati. Jenħtieġ li l-PRB jissostitwixxi u jieħu post il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.
|
|
(41)
|
Jenħtieġ li l-PRB ikun appoġġat minn segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni. Għall-fini tat-tħejjija tal-kontenut u tal-orjentazzjonijiet tal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-rapporti u l-materjal ta’ gwida tal-PRB, jenħtieġ li s-segretarjat jaġixxi mingħajr ma jieħu l-ebda direttiva ħlief mill-PRB innifsu sabiex il-PRB ikun jista’ jissodisfa r-rwol konsultattiv tiegħu u jiżgura l-indipendenza tal-PRB. Jenħtieġ li l-kompitu ewlieni tas-segretarjat ikun li jikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni indipendenti tal-kompiti tal-PRB.
|
|
(42)
|
Il-persunal tas-segretarjat huwa soġġett għar-regoli dwar is-segretezza professjonali u dwar il-kunflitt ta’ interess inklużi fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Unjoni, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14), li jiżguraw l-indipendenza tagħhom. Jenħtieġ li l-proċess tal-għażla u l-kriterji tal-eliġibbiltà jkunu dettaljati f’att ta’ implimentazzjoni, li jenħtieġ li ma jinkludix il-ħatra ta’ membri speċifiċi tal-PRB jew jagħmel dik il-ħatra soġġetta għall-approvazzjoni tal-Istati Membri bi kwalunkwe mod.
|
|
(43)
|
Minħabba l-elementi transfruntieri u tan-network inerenti fil-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, jenħtieġ li l-prestazzjoni tiġi vvalutata fil-konfront ta’ miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.
|
|
(44)
|
Jenħtieġ li l-miri nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal jixprunaw titjib fil-prestazzjoni ta’ dawk is-servizzi maż-żmien u jippermettu approċċ gate-to-gate għar-regolamentazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
|
|
(45)
|
Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kummissjoni jkollhom kompiti definiti b’mod ċar fl-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, b’mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, l-approvazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
|
|
(46)
|
Jenħtieġ li l-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-klima u l-ambjent jindirizza l-impatt tal-avjazzjoni fuq il-klima u l-ambjent li jista’ jiġi influwenzat mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, b’mod partikolari l-emissjonijiet tas-CO2. Jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ prestazzjoni jkun fihom, għal kull perjodu referenzjarju, miri tal-prestazzjoni en route konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fl-oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni tal-klima u l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza, kif ukoll miri tal-prestazzjoni fit-terminal fl-oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza. Fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-data disponibbli eżistenti ma tippermettix l-istabbiliment, fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-klima u tal-ambjent, ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal li huma validi, affidabbli, li jistgħu jitkejlu u jippermettu l-kejl tal-impatti f’dak il-qasam li jistgħu jiġu influwenzati direttament mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jinkludu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni miri vinkolanti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-klima u tal-ambjent biss wara li l-Kummissjoni tkun setgħet tistabbilixxi, f’att ta’ implimentazzjoni, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni vinkolanti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal inklużi fil-pjan ta’ prestazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi lokali, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-politika ambjentali lokali.
|
|
(47)
|
Jenħtieġ li l-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-network tkun soġġetta għal kriterji speċifiċi għalihom, filwaqt li titqies in-natura partikolari ta’ dawn il-funzjonijiet. Jenħtieġ li dawk il-funzjonijiet tan-network ikunu soġġetti għal miri ta’ prestazzjoni fl-oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni tal-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza.
|
|
(48)
|
Jenħtieġ li l-iskema ta’ imposti stabbilita b’dan ir-Regolament tkun konsistenti fost l-oħrajn mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Jenħtieġ li dik l-iskema tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru koperti minn dan ir-Regolament permezz ta’ fondi pubbliċi, dment li tkun konformi mar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni fejn applikabbli.
|
|
(49)
|
Jenħtieġ li l-iskema ta’ imposti tkun ibbażata fuq il-prinċipju li l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom iħallsu l-kostijiet imġarrba fir-rigward tas-servizzi u l-funzjonijiet għall-benefiċċju tal-utenti tal-ispazju tal-ajru li mhumiex koperti mod ieħor. Il-kostijiet imġarrba fir-rigward tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kif ukoll il-EUROCONTROL u l-Maniġer tan-Network jistgħu jiġu inklużi fil-kostijiet determinati eliġibbli li jridu jiġu ddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Jenħtieġ li l-imposti jħeġġu l-forniment sikur, effiċjenti, effettiv u sostenibbli ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ sikurezza u kosteffiċjenza u jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni u jenħtieġ li jappoġġaw it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-avjazzjoni.
|
|
(50)
|
Il-kostijiet li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Eurocontrol relatata mal-Kooperazzjoni għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru tat-13 ta’ Diċembru 1960, kif emendata l-aħħar, jistgħu jiġu inklużi fil-kostijiet iddeterminati peress li l-attivitajiet kollha koperti minn dik il-Konvenzjoni fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jitqiesu bħala relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
|
|
(51)
|
Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà dwar l-impatt tal-modulazzjoni tal-imposti fuq it-traffiku tal-ajru, il-forniment tas-servizzi, il-kostijiet amministrattivi u fuq il-partijiet ikkonċernati, kif ukoll dwar il-kontribut ta’ dik il-modulazzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-Ajru Uniku Ewropew. Abbażi ta’ dak l-istudju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina jekk għandhiex tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-modulazzjoni tal-imposti biex tħeġġeġ lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jappoġġaw it-titjib fil-prestazzjoni klimatika u ambjentali, b’mod partikolari permezz tal-użu tal-aktar rotot effiċjenti fl-użu tal-fjuwil disponibbli, użu akbar ta’ teknoloġiji alternattivi ta’ propulsjoni nadifa, inkluż fjuwils alternattivi sostenibbli, filwaqt li jinżamm livell ottimali ta’ sikurezza. Anke jekk il-Kummissjoni ma tadottax tali att ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jimmodulaw l-imposti biex iħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jappoġġaw it-titjib fil-kwalità tas-servizz bħal żieda fil-kapaċità, tnaqqis fid-dewmien u żvilupp sostenibbli.
|
|
(52)
|
F’każ ta’ kriżi tan-network, bħal kunflitt ġeopolitiku, kriżi tas-saħħa jew diżastru naturali, li tipprevjeni l-ħruġ ta’ previżjonijiet affidabbli tat-traffiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jinkludu sospensjoni temporanja jew adattament tal-iskema ta’ prestazzjoni sakemm tintemm il-kriżi tan-network u jkun disponibbli tbassir affidabbli ġdid.
|
|
(53)
|
Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment il-konformità tal-Istati Membri ma’ dan ir-Regolament. Meta twettaq dak ir-rieżami, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk l-Istati Membri jiżgurawx il-konformità mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mal-obbligi tagħhom.
|
|
(54)
|
Jenħtieġ li jsir provediment għat-trasparenza tal-kontijiet tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala mezz wieħed biex ikunu evitati s-sussidji inkroċjati u d-distorsjonijiet riżultanti.
|
|
(55)
|
Jenħtieġ li l-funzjonijiet tan-network tal-ATM jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u jappoġġaw il-kisba ta’ miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Jenħtieġ li dawn iwasslu għall-użu sostenibbli, effiċjenti u ambjentalment ottimali tal-ispazju tal-ajru u tar-riżorsi skarsi, jirriflettu l-ħtiġijiet operazzjonali fl-applikazzjoni tal-infrastruttura tan-network Ewropew għall-ATM u jenħtieġ li jipprovdu appoġġ fl-eventwalità ta’ kriżijiet tan-network.
|
|
(56)
|
Għadd ta’ funzjonijiet tan-network, bħall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, jeħtieġ li jiġu kkoordinati ċentralment minn korp uniku b’appoġġ għal azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati operazzjonali rilevanti. Għaldaqstant, jenħtieġ li għadd ta’ kompiti li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jitwettqu minn Maniġer tan-Network, li l-azzjoni tiegħu jenħtieġ tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati operazzjonali kollha. Jenħtieġ li l-kompiti speċifiċi tal-Maniġer tan-Network jiġu stabbilit f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Maniġer tan-Network jinħatar mill-Kummissjoni.
|
|
(57)
|
Fl-2011 u fl-2019, il-Kummissjoni ħatret lill-Eurocontrol bħala Maniġer tan-Network. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat fit-twettiq tal-funzjonijiet tan-network tal-ATM, dak il-mandat jista’ jiġġedded soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
|
|
(58)
|
F’każ li l-Maniġer tan-Network ikun residenti f’entità oħra, jenħtieġ li jkun hemm separazzjoni funzjonali u ġerarkika kif ukoll kontabilità separata, minn dik l-entità.
|
|
(59)
|
Jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati operazzjonali, li għandhom jimplimentaw il-funzjonijiet tan-network fil-livelli lokali u operazzjonali, u l-Istati Membri jiġu involuti b’mod sħiħ fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-funzjonijiet u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Maniġer tan-Network jieħu miżuri permezz ta’ teħid tad-deċiżjonijiet kooperattiv ibbażat b’mod partikolari fuq il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati operazzjonali u l-Istati Membri u arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u proċessi għat-tħaddim. F’tali proċess kooperattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jenħtieġ li l-partijiet jaġixxu kemm jista’ jkun bil-ħsieb li jtejbu l-funzjonament u l-prestazzjoni tan-network, inkluż l-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-klima u tal-ambjent, u jenħtieġ li l-interessi tan-network jipprevalu, mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet tas-sigurtà u tad-difiża, u jenħtieġ li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kooperattiv ikun tali li l-kwistjonijiet jiġu solvuti u jintlaħaq kunsens kull meta jkun possibbli. Fil-kuntest tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kooperattiv għat-twettiq tal-funzjonijiet tan-network, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni adegwata fil-livell nazzjonali mal-partijiet ikkonċernati operazzjonali ċivili u militari. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-governanza xierqa b’rabta mat-twettiq tal-funzjonijiet tan-network, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord tat-Tmexxija tan-Network li jiżgura rappreżentanza xierqa tal-interessi tal-atturi kollha involuti, b’mod partikolari l-partijiet ikkonċernati operazzjonali, fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-funzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija tan-Network rigward deċiżjonijiet regolatorji jew strateġiċi bħall-approvazzjoni tal-Pjan Strateġiku għan-Network, jenħtieġ li l-miżuri adottati permezz tat-teħid tad-deċiżjonijiet kooperattiv u mill-Bord tat-Tmexxija tan-Network ikunu ta’ natura operazzjonali jew teknika, biex jiżguraw it-tħaddim ta’ kuljum tan-network f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(60)
|
Sabiex tissaħħaħ l-attenzjoni fuq il-klijenti tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati f’deċiżjonijiet operazzjonali ewlenin tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.
|
|
(61)
|
Il-forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika kompluta, ta’ kwalità għolja u fil-ħin għandu impatt sinifikanti fuq is-sikurezza u fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ispazju tal-ajru tal-Unjoni u l-possibbiltajiet ta’ moviment fi ħdanu. Għalhekk, jenħtieġ li l-aċċess għal dik id-data jiġi ffaċilitat b’infrastruttura ta’ informazzjoni xierqa.
|
|
(62)
|
L-użu sikur u effiċjenti tal-ispazju tal-ajru jista’ jinkiseb biss b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-utenti tal-ispazju tal-ajru ċivili u militari, li fil-prattika hi bbażata l-aktar fuq il-kunċett ta’ użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru u koordinazzjoni ċivili militari effettiva kif stabbilit mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni, fil-limiti tal-politika komuni tat-trasport u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-spazju tal-ajru tagħhom.
|
|
(63)
|
Il-proġett dwar ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) għandu l-għan li jippermetti l-iżvilupp sikur, effiċjenti u ambjentalment sostenibbli tat-trasport bl-ajru billi jimmodernizza s-sistema Ewropea u globali tal-ATM. Biex tikkontribwixxi għall-effettività sħiħa tiegħu, jenħtieġ tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn il-fażijiet tal-proġett. Jenħtieġ li l-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM jirriżulta mill-fażi tad-definizzjoni ta’ SESAR, u jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għall-perjodu 2022-2027, il-Kummissjoni Ewropea u s-Sħubija għall-Implimentazzjoni u l-Infrastruttura tas-SESAR (SDIP) - konsorzju magħmul minn 20 utent ewlieni tal-ispazju tal-ajru Ewropew, fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u operaturi tal-ajruporti, u EUROCONTROL bħala Maniġer tan-Network - iffirmaw Ftehim Qafas ta’ Sħubija fit-tul, sabiex l-SDIP iwettaq kompiti relatati mal-implimentazzjoni f’waqtha u sinkronizzata ta’ proġetti komuni (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116 (15) ) u l-monitoraġġ billi jikkoordina u jappoġġa lill-partijiet ikkonċernati.
|
|
(64)
|
Jenħtieġ li l-kunċett ta’ proġetti komuni jkollu l-għan li jimplimenta, f’waqthom, b’mod koordinat u sinkronizzat, il-bidliet operazzjonali essenzjali identifikati fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM li jħallu impatt fuq in-network kollu u jkunu laħqu maturità suffiċjenti għall-implimentazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-proġetti komuni jippromwovu u jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun inkarigata bit-twettiq ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji b’rabta mal-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-proġetti komuni bil-ħsieb li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-proġett SESAR.
|
|
(65)
|
Jenħtieġ li l-konformità mar-rekwiżiti għas-sistemi u l-kostitwenti tal-ATM stabbiliti bir-Regolament (UE) 2018/1139 tiżgura l-interoperabbiltà ta’ dawk is-sistemi u l-kostitwenti, għall-benefiċċju tal-Ajru Uniku Ewropew.
|
|
(66)
|
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-PRB, l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, inkluż dwar l-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u valuri ta’ bażi komplementari, livelli limiti ta’ allert, valuri diżaggregati u gruppi ta’ parametri referenzjarji, l-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni u l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tagħhom, it-tħejjija, il-valutazzjoni, l-approvazzjoni u r-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, inkluż il-pjanijiet konġunti tal-prestazzjoni, u l-miri ta’ prestazzjoni, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni, inkluż il-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-network, l-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal, l-istabbiliment ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u indikaturi għall-monitoraġġ, metodoloġija għall-valutazzjoni komparattiva, skemi ta’ inċentivi, regoli dwar il-modifika ta’ żona ta’ imposti fit-terminal, regoli għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kostijiet u l-imposti, il-kontenut u l-istabbiliment tal-bażijiet tal-kost għall-imposti u l-istabbiliment tar-rati unitarji għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, mekkaniżmi ta’ inċentivi u mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tar-riskju, il-modulazzjoni tal-imposti, regoli dwar il-modalitajiet tal-forniment ta’ data mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali lill-Kummissjoni, mekkaniżmu biex jiġu indirizzati avvenimenti mhux prevedibbli u sinifikanti li għandhom impatt materjali fuq l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, regoli dwar l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-network, dwar il-ħatra tal-Maniġer tan-Network u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ tali ħatra, kif ukoll il-kompiti u l-funzjonament tal-Maniġer tan-Network, dwar il-Bord tat-Tmexxija tan-Network, dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kooperattiv u l-mekkaniżmi ta’ governanza tan-network, ir-rekwiżiti dwar id-disponibbiltà tad-data operazzjonali, l-applikazzjoni tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru, l-istabbiliment ta’ proġetti komuni u l-mekkaniżmi ta’ governanza applikabbli għalihom, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-ICAO, jenħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni.
|
|
(67)
|
Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet soċjali u dawk tal-persunal professjonali jiġu rispettivament kkonsultati dwar il-miżuri proposti kollha li jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti relatati mal-elementi soċjali, teknoloġiċi u tad-dimensjoni umana jew tal-prestazzjoni. Fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu kkonsultati wkoll il-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE (17) u l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Umana tal-Ajru Uniku Ewropew.
|
|
(68)
|
Jenħtieġ li l-penali previsti fir-rigward tal-ksur ta’ dan ir-Regolament ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, mingħajr tnaqqis tas-sikurezza.
|
|
(69)
|
Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri meħtieġa għas-salvagwardja tal-interessi tal-politika dwar is-sikurezza u d-difiża essenzjali. Barra minn hekk, ma jaffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom. Dik is-setgħa tista’ twassal biex l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-forzi armati tagħhom ikollhom spazju tal-ajru suffiċjenti għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ adegwati. Għaldaqstant jenħtieġ li jsir provvediment għal klawżola ta’ salvagwardja li tagħmel possibbli li din is-setgħa tkun eżerċitata.
|
|
(70)
|
Huwa xieraq li fir-Regolament (UE) 2018/1139 jiġu integrati r-rekwiżiti marbuta maċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li qabel kienu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 550/2004, biex ikun possibbli qafas regolatorju ssimplifikat għaċ-ċertifikazzjoni u proċess uniku ta’ ċertifikazzjoni. B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġi previst li, sabiex jiġu ċċertifikati, jenħtieġ li l-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ATM/ANS) juru robustezza finanzjarja suffiċjenti u jiksbu kopertura xierqa ta’ responsabbiltà u assigurazzjoni, jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli dwar is-sjieda u l-istruttura organizzattiva u jimmaniġġjaw ir-riskji għas-sigurtà. Jenħtieġ li jiġu speċifikati wkoll il-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati għaċ-ċertifikati maħruġa.
|
|
(71)
|
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-ATM/ANS u għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jiġu ssupplimentati fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru.
|
|
(72)
|
Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħhom ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar fir-rigward tar-rekwiżiti essenzjali relatati mar-robustezza finanzjarja, ir-responsabbiltà, il-kopertura tal-assigurazzjoni, is-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiddependi fuq il-valutazzjonijiet magħmula mill-awtorità superviżorja nazzjonali, ħlief jekk l-awtorità kompetenti nazzjonali kkonċernata tkun responsabbli għall-kompiti kollha relatati maċ-ċertifikazzjoni.
|
|
(73)
|
Billi r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004 u (KE) Nru 551/2004 huma sostitwiti u mħassra b’dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġu aġġornati r-referenzi li saru fir-Regolament (UE) 2018/1139 għar-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004 u (KE) Nru 551/2004.
|
|
(74)
|
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati għall-fornituri taċ-ċertifikati tal-ATM/ANS u dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-valutazzjoni u s-sorveljanza, mill-awtorità superviżorja nazzjonali, tal-konformità ta’ dawk il-fornituri mar-rekwiżiti essenzjali relatati mar-robustezza finanzjarja, ir-responsabbiltà, il-kopertura tal-assigurazzjoni, is-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
|
|
(75)
|
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1139 jiġi emendat skont dan.
|
|
(76)
|
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala tranżnazzjonali tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv,
|
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
ZSIGMOND B. P.
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 11.11.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R2803
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|