+Artikolu 22 Emendi għar-Regolament (UE) 2021/694

Artikolu 22 Emendi għar-Regolament (UE) 2021/694

Artikolu 22

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/694

Ir-Regolament (UE) 2021/694 huwa emendat kif ġej:

(1) 

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) 

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa) 

tappoġġa l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) (is-‘Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà’), inkluż l-iżvilupp, l-użu u l-operat taċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jikkontribwixxu għall-għarfien sitwazzjonali fl-Unjoni u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku tal-Unjoni;

(ii) 

jiżdied il-punt li ġej:

“(g) 

tistabbilixxi u tħaddem il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà stabbilit mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2025/38, inkluż ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolament 2025/38 (ir-‘Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà’), biex jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, b’mod komplementari għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet nazzjonali u għal forom oħra ta’ appoġġ disponibbli fil-livell tal-Unjoni, u biex jappoġġa utenti oħra fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira;”

;

(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  
L-azzjonijiet skont l-Objettiv Speċifiku 3 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u tan-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ). Madankollu, ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandha tiġu implimentata mill-Kummissjoni u, f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, mill-ENISA.
(2) 

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b) 

EUR 1 760 806 000 għall-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali;

(c) 

EUR 1 372 020 000 għall-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja;

(d) 

EUR 482 640 000 għall-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati;”

(b) 

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.  
B’deroga mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati għall-azzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u tal-azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka skont ir-Regolament (UE) 2025/38, li jsegwu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punt (g), ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja li jmiss. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu informati bl-approprjazzjonijiet riportati skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Finanzjarju.”

;

(3) 

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a) 

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.  

Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għal kwalunkwe azzjoni li timplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a) 

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) 2025/38, li l-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi neċessarji u suffiċjenti sabiex dik l-azzjoni tikkontribwixxi b’mod adegwat għall-objettivi tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b) 

ir-riskju tas-sigurtà li jsir akkwist minn tali entitajiet ġuridiċi fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

5b.  

Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet li jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a) 

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, li t-teknoloġija, l-għarfien espert jew il-kapaċità neċessarji u suffiċjenti għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà sabiex taqdi b’mod adegwat il-funzjonijiet tagħha ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b) 

ir-riskju tas-sigurtà li tali entitajiet ġuridiċi jiġu inklużi fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.”

;

(b) 

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.  
Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u l-entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f’xi wħud minnhom fl-ambitu tal-Objettivi Speċifiċi 1 u 2 biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet ġuridiċi biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni f’dokumenti kklassifikati. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.”;

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet fl-ambitu tal-Objettiv Speċifiku 3 sabiex:

(a) 

jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà fejn japplika l-paragrafu 5a; u

(b) 

jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtàfil-każijiet fejn japplika l-paragrafu 5b.”

;

(4) 

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  
Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fil-forom kollha stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż, b’mod partikolari, permezz tal-akkwist bħala forma primarja jew għotjiet u premjijiet.

Meta biex jintlaħaq l-objettiv ta’ xi azzjoni jkun hemm bżonn l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi innovattivi, l-għotjiet jistgħu jingħataw biss lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE ( *3 ) u 2014/25/UE ( *4 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Jekk il-forniment ta’ oġġetti jew servizzi innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli fuq skala kummerċjali kbira huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tawtorizza l-għoti ta’ diversi kuntratti fl-ambitu tal-istess proċedura ta’ akkwist.

Għal raġunijiet debitament ġustifikati ta’ sigurtà pubblika, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ teżiġi li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun fit-territorju tal-Unjoni.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lil dawk il-pajjiżi terzi. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *5 ), it-talba minn pajjiż terz wieħed għandha tkun biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji jew għall-aġenziji tal-Unjoni jew f’isimhom. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509+, it-talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija individwali tal-Unjoni hi biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Il-Programm jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

(5) 

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Kunflitti ta’ regoli

Fil-każ ta’ azzjonijiet li jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 9 ta’ dak ir-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 4, 5 u 9 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.

Fil-każ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm huma stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.”

;
(6) 

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Għotjiet

Għotjiet fl-ambitu tal-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju. Tali għotjiet għandhom jingħataw u jkunu ġestiti kif speċifikat għal kull objettiv speċifiku.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet jista’ jingħata direttament mill-ECCC mingħajr sejħa għal proposti lill-Istati Membri magħżula skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2025/38 u l-Konsorzju tal-Hosting imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2025/38, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet għall-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jingħata direttament mill-ECCC lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza reċiproka previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, l-ECCC għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ENISA bit-talbiet tal-Istati Membri għal għotjiet diretti mingħajr sejħa għal proposti.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, u f’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jitqiesu eliġibbli anki jekk ikunu saru qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-għotja.”

;
(7) 

l-Annessi I u II huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 15.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R0038
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.