+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1)
|
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi regoli li jiżguraw id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-iskambji tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Dik id-Direttiva tittratta b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tikkumplimentah (4).
|
|
(2)
|
Id-Direttiva 2002/58/KE tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament. Sal-21 ta’ Diċembru 2020 kienet tapplika d-definizzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stipulata fl-Artikolu 2, punt (c), tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’dik id-data, id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ħassret id-Direttiva 2002/21/KE. Id-definizzjoni ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tinkludi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7), ta’ dik id-Direttiva. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet personali indipendenti min-numri, li jinkludu, pereżempju, il-vuċi fuq Protokoll tal-Internet, is-servizzi tal-messaġġi u dawk bil-webmail, għalhekk inġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE fil-21 ta’ Diċembru 2020.
|
|
(3)
|
F’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). L-Artikolu 7 tal-Karta jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, li jinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. L-Artikolu 8 tal-Karta fih id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.
|
|
(4)
|
L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal (“UNCRC”) u l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedu li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja. L-Artikolu 3(2) UNCRC u l-Artikolu 24(1) tal-Karta jevokaw ukoll id-dritt tat-tfal għal tali protezzjoni u l-kura kif inhu meħtieġ għall-benesseri tagħhom.
|
|
(5)
|
Il-protezzjoni tat-tfal, kemm offline u kif ukoll online, hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni. L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet tat-tfal li jiġu protetti minn kull forma ta’ vjolenza, abbuż, negliġenza, maltrattament jew sfruttament, inkluż l-abbuż sesswali, kif previst mill-UNCRC u mill-Karta. Id-diġitalizzazzjoni ġabet magħha ħafna benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija, iżda ġabet magħha wkoll sfidi, li jinkludu żieda fl-abbuż sesswali tat-tfal online. Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni bit-titlu “Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal” (“l-Istrateġija”). L-Istrateġija għandha l-għan li tipprovdi rispons effettiv, fil-livell tal-Unjoni, għar-reat tal-abbuż sesswali tat-tfal.
|
|
(6)
|
F’konformità mad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), dan ir-Regolament ma jirregolax il-politiki tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali konsenswali li fihom jistgħu jkunu involuti t-tfal u li jistgħu jitqiesu bħala l-iskoperta normali tas-sesswalità fil-kors tal-iżvilupp uman, filwaqt li jittieħed kont tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti u ta’ forom ġodda ta’ kif jiġu stabbiliti u mantnuti relazzjonijiet fost it-tfal u l-adolexxenti, inkluż permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
|
|
(7)
|
Xi fornituri ta ċerti servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“fornituri”), bħas-servizzi tal-messaġġi u bil-webmail, jużaw teknoloġiji speċifiċi fuq bażi volontarja, biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u jirrapportawh lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, billi jiskennjaw jew il-kontenut, bħall-immaġnijiet u t-test, jew id-data dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet bl-użu, f’xi każijiet, ta’ data storika. It-teknoloġija użata għal dawk l-attivitajiet tista’ tkun teknoloġija tal-“hashing” għall-immaġnijiet u vidjows u klassifikaturi u intelliġenza artifiċjali għall-analiżi tat-test jew tad-data dwar it-traffiku. Meta tintuża teknoloġija tal-“hashing”, il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online huwa rrapportat meta jirriżulta hit pożittiv, li jfisser tqabbil li jirriżulta minn paragun bejn immaġni jew vidjow u firma diġitali mhux rikonvertibbli u unika (“hash”) minn bażi tad-data mantnuta minn organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li jkun fiha materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online vverifikat. Dawk il-fornituri jirreferu għall-hotlines nazzjonali għar-rapportar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u għal organizzazzjonijiet, li jinsabu kemm fl-Unjoni u kif ukoll f’pajjiżi terzi, li l-iskop tagħhom huwa li jidentifikaw lit-tfal, inaqqsu l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-abbuż sesswali, u li jipprevjenu l-vittimizzazzjoni tat-tfal. Organizzazzjonijiet bħal dawn jista’ jkun li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679. Kollettivament, attivitajiet volontarji bħal dawn għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tal-identifikazzjoni u s-salvataġġ tal-vittmi, li d-drittijiet fundamentali tagħhom għad-dinjità tal-bniedem u għall-integrità fiżika u mentali jkunu nkisru serjament. Attivitajiet volontarji bħal dawn huma importanti wkoll biex inaqqsu t-tixrid ulterjuri ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u biex jikkontribwixxu wkoll għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delinkwenti u għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal.
|
|
(8)
|
Minkejja l-objettiv leġittimu tagħhom, attivitajiet volontarji mill-fornituri biex jiġi individwat l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar jikkostitwixxu interferenza fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali tal-utenti kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“utenti”). Kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, ma tistax tiġi ġġustifikata sempliċement minħabba li l-fornituri kienu qed jużaw ċerti teknoloġiji fi żmien fejn servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri ma kinux jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni ta’ “servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Tali limitazzjonijiet huma possibbli biss taħt ċerti kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, u għandhom jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet għall-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-data personali u, soġġetti għall-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom ikunu meħtieġa u għandhom jilħqu ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. Fejn tali limitazzjonijiet jinvolvu b’mod permanenti l-monitoraġġ u l-analiżi ġenerali u indiskriminati tal-komunikazzjonijiet tal-utenti kollha, dawn jinterferixxu mad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.
|
|
(9)
|
Sal-20 ta’ Diċembru 2020, l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri permezz ta’ miżuri volontarji għall-iskop tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom kien irregolat unikament mir-Regolament (UE) 2016/679. Id-Direttiva (UE) 2018/1972, li kellha tiġi trasposta sal-20 ta’ Diċembru 2020, daħħlet lill-fornituri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE.
|
|
(10)
|
Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ippreveda reġim temporanju fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri disponibbli pubblikament għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, sakemm jiġi adottat qafas legali fit-tul li jindirizza l-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (il-“qafas legali fit-tul”). Ir-Regolament (UE) 2021/1232 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li jestendi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament sat-3 ta’ April 2026.
|
|
(11)
|
Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, li l-Kummissjoni adottat fil-11 ta’ Mejju 2022, għandha l-għan li tipprovdi l-qafas legali fit-tul. In-negozjati interistituzzjonali dwar dik il-proposta għadhom għaddejjin.
|
|
(12)
|
Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1232, b’sentejn sat-3 ta’ April 2028. Peress li l-koleġiżlaturi ma setgħux jilħqu ftehim dwar dik il-proposta sat-3 ta’ April 2026, ir-Regolament (UE) 2021/1232 skada.
|
|
(13)
|
Minħabba l-importanza tal-ġlieda effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online u sakemm jiġi adottat u applikat il-qafas legali fit-tul, huwa meħtieġ li tiġi permessa deroga temporanja mill-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament. Minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat għaż-żmien meħtieġ biex il-qafas legali fit-tul jista’ jiġi adottat u jiġi applikat.
|
|
(14)
|
Id-Direttiva 2002/58/KE ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ipproċessar tad-data personali mill-fornituri b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għall-iskop tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom. Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti, fost l-oħrajn, fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva, li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku, għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali marbuta mal-abbuż sesswali tat-tfal. Fin-nuqqas ta’ tali miżuri leġiżlattivi nazzjonali, u sakemm jiġi adottat qafas legali ġdid aktar fit-tul biex jiġi indirizzat l-abbuż sesswali tat-tfal fil-livell tal-Unjoni, il-fornituri ma jistgħux jibqgħu jiddependu mir-Regolament (UE) 2016/679 biex ikomplu jużaw miżuri volontarji biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq servizzi oħrajn u jirrapportawh u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom lil hinn mill-21 ta’ Diċembru 2020. Filwaqt li dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-data personali minn fornituri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom, jipprevedi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE. Dan ir-Regolament jistabbilixxi salvagwardji addizzjonali li jridu jiġu rrispettati mill-fornituri jekk jixtiequ jiddependu minnu.
|
|
(15)
|
L-ipproċessar tad-data għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta’ immaġnijiet u vidjows permezz ta’ mezzi tekniċi speċifiċi li jippermettu l-identifikazzjoni jew l-awtentikazzjoni unika ta’ persuna fiżika jitqies li hu pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali.
|
|
(16)
|
Għaldaqstant, dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja mill-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li jipproteġu l-konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. L-użu volontarju mill-fornituri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra sal-punt meħtieġ għall-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament sakemm tali użu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, u għalhekk huwa soġġett għas-salvagwardji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679.
|
|
(17)
|
Id-Direttiva 2002/58/KE ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data tat-traffiku kif stabbilit f’dik id-Direttiva, u l-adozzjoni ta’ tali miżuri tinvolvi riskju sinifikanti ta’ frammentazzjoni li x’aktarx taffettwa s-suq intern b’mod negattiv. Konsegwentement dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE.
|
|
(18)
|
Billi d-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu lill-persuni fiżiċi tikkwalifika normalment bħala data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 16 TFUE, li jipprovdi bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ din id-data.
|
|
(19)
|
Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi minn fornituri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom sal-estent li dak l-ipproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament.
|
|
(20)
|
It-tipi ta’ teknoloġiji użati għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu l-inqas intrużivi possibbli għall-privatezza f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Jenħtieġ li dawk it-teknoloġiji ma jintużawx għall-iffiltrar u l-iskennjar sistematiċi ta’ test f’komunikazzjonijiet għajr biss biex jiġu identifikati xejriet li jindikaw elementi konkreti possibbli ta’ suspett ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, u jeħtieġ li ma ikunux jistgħu jiddeduċu s-sustanza tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet. Fil-każ ta’ teknoloġija użata għall-identifikazzjoni ta’ solleċitazzjoni tat-tfal, tali raġunijiet konkreti ta’ suspett jenħtieġ li jkunu bbażati fuq fatturi ta’ riskju identifikati b’mod oġġettiv bħad-differenza fl-età u l-involviment probabbli ta’ xi tifel jew tifla fil-komunikazzjoni skennjata.
|
|
(21)
|
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri u mekkaniżmi ta’ rimedju xierqa biex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jressqu lmenti ma’ fornituri. Tali proċeduri u mekkaniżmi huma, b’mod partikolari, rilevanti fejn il-kontenut li ma jikkostitwixxix abbuż sesswali tat-tfal online jkun tneħħa jew ġie rrapportat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lil xi organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.
|
|
(22)
|
Sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza u l-affidabbiltà kemm jista’ jkun, it-teknoloġija użata għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-industrija, jenħtieġ li tkun tali li tillimita n-numri u l-proporzjon tal-iżbalji (“pożittivi foloz”) sal-limitu massimu possibbli u, fejn meħtieġ, li tirrettifika mingħajr dewmien kwalunkwe żball bħal dawn li jistgħu jseħħu xorta waħda.
|
|
(23)
|
Id-data dwar il-kontenut u d-data dwar it-traffiku pproċessata, u d-data personali ġġenerata fit-twettiq tal-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament, u l-perjodu li matulu d-data tiġi sussegwentement maħżuna f’każ tal-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali suspettat tat-tfal online, jenħtieġ li jibqgħu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jitwettqu dawk l-attivitajiet. Kwalunkwe data jenħtieġ li titħassar minnufih u b’mod permanenti hekk kif ma tibqx strettament meħtieġa għal wieħed mill-iskopijiet speċifikati f’dan ir-Regolament, inkluż fejn ma jiġi identifikat l-ebda abbuż sesswali tat-tfal suspettat online, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tal-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali suspettat tat-tfal online. Din jenħtieġ li ssir mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tinħażen id-data dwar il-kontenut u d-data dwar it-traffiku rilevanti f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwa l-applikazzjoni tal-ebda obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali li tiġi ppreservata d-data li tapplika għall-fornitur.
|
|
(24)
|
Dan ir-Regolament ma jżommx lill-fornitur li jkun rrapportaabbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi milli jitolbu lil dawk l-awtoritajiet jirrikonoxxu riċevuta tar-rapport.
|
|
(25)
|
Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa skont id-deroga previsti minn dan ir-Regolament, il-fornituri jenħtieġ li, sa sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, u minn hemm ‘il quddiem sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, jippubblikaw u jissottomettu rapporti lill-awtorità superviżorja kompetenti deżinjata skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (“awtorità superviżorja”) u lill-Kummissjoni. Tali rapporti jenħtieġ li jkopru,l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż it-tip u l-volumi tad-data pproċessata, il-motiv speċifiku li jiġi invokat għall-ipproċessar tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-motiv li jiġi invokat għat-trasferimenti tad-data personali barra mill-Unjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn ikun applikabbli, l-għadd ta’ każijiet identifikati ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u s-solleċitazzjoni tat-tfal, l-għadd ta’ każijiet li fihom utent ikun ressaq ilment mal-mekkaniżmu ta’ rimedju intern jew fittex rimedju ġudizzjarju u l-eżitu ta’ tali ilmenti u proċedimenti ġudizzjarji, in-numri u l-proporzjonijiet tal-iżbalji (pożittivi foloz) tat-teknoloġiji differenti użati, il-miżuri applikati biex jiġu limitati r-rata ta’ żball u r-rata ta’ żball miksuba, il-politika taż-żamma u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data applikati skont ir-Regolament (UE) 2016/679, u l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li magħhom tkun ġiet kondiviża d-data skont dan ir-Regolament.
|
|
(26)
|
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat rapportar lill-Kummissjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien opportun.
|
|
(27)
|
Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar mill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li r-rapporti tagħhom ikunu jistgħu jinqraw mill-magni u jkunu faċilment aċċessibbli, jenħtieġ li jiġi stabbilit format ta’ rappurtar komuni għal dawk ir-rapporti.
|
|
(28)
|
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(1), il-punt (g)(vii), ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).
|
|
(29)
|
Sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet superviżorji bil-kompiti tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li titlob lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data joħroġ linji gwida dwar il-konformità tal-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga stabbilita f’dan ir-Regolament mar-Regolament (UE) 2016/679. Meta l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw jekk teknoloġija stabbilita jew ġdida li trid tintuża hijiex f’konformità mal-aktar teknoloġija avvanzata fl-industrija, l-inqas waħda li hi intrużiva fil-privatezza u li topera fuq bażi legali adegwata skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Dawk il-linji gwida jenħtieġ li, b’mod partikolari, jassistu lill-awtoritajiet superviżorji fl-għoti ta’ pariri fil-qafas tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel stabbilita f’dak ir-Regolament.
|
|
(30)
|
Dan ir-Regolament jirrestrinġi d-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u jidderoga mid-deċiżjoni meħuda fid-Direttiva (UE) 2018/1972 biex is-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jiġu soġġetti għall-istess regoli li japplikaw għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi l-oħrajn kollha fir-rigward tal-privatezza, għall-iskop uniku li jiġi identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq dawk is-servizzi u r-rapportar tiegħu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u jitneħħa l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online minn dawk is-servizzi.
|
|
(31)
|
Fir-rigward tal-attivitajiet l-oħra kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE, il-fornituri jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligi speċifiċi stabbiliti f’dik id-Direttiva, u konsegwentement għas-setgħat ta’ monitoraġġ u dawk investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont dik id-Direttiva.
|
|
(32)
|
Il-kriptaġġ minn tarf sa tarf huwa għodda importanti biex tiġi ggarantita s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tal-utenti, inklużi dawk tat-tfal. Kwalunkwe dgħajfien tal-kriptaġġ tista’ potenzjalment tiġi abbużata minn partijiet terzi malizzjużi. Għalhekk, jenħtieġ li l-ebda ħaġa f’dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi jew iddgħajjef il-kriptaġġ minn tarf sa tarf.
|
|
(33)
|
Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Għalhekk huwa wkoll prerekwiżit għal komunikazzjonijiet siguri bejn il-vittmi ta’ abbuż sesswali tat-tfal u adult fdat jew organizzazzjonijiet attivi fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal kif u għal komunikazzjonijiet bejn il-vittmi u l-avukati tagħhom.
|
|
(34)
|
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza professjonali skont il-liġi nazzjonali, bħar-regoli dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet professjonali, bejn it-tobba u l-pazjenti tagħhom, bejn il-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, jew bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, b’mod partikolari peress li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża bħala parti essenzjali mid-dritt għal proċess ġust. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar ir-reġistri tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li joffru konsulenza lill-individwi li jinsabu f’diffikultà.
|
|
(35)
|
Il-fornituri jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li jirrapportawlhom abbuż sesswali potenzjali tat-tfal online skont dan ir-Regolament. Filwaqt li hija r-responsabbiltà unika tal-fornituri li jaġixxu bħala kontrolluri li jivvalutaw ma’ liema parti terza jistgħu jikkondividu d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward it-trasferiment ta’ każijiet potenzjali ta’ abbuż sesswali tat-tfal online billi tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal ikkomunikata lilha. Dik il-lista pubblika jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-fornituri jużaw dik il-lista biex jidentifikaw organizzazzjonijiet rilevanti fil-ġlieda globali kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online. Dik il-lista jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-fornituri li jaġixxu bħala kontrolluri skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jwettqu kwalunkwe trasferiment ta’ data personali barra mill-Unjoni, skont il-Kapitolu V tiegħu u l-obbligu tagħhom li jissodisfaw l-obbligi kollha, skont il-Kapitolu IV tiegħu.
|
|
(36)
|
L-istatistika li trid tiġi provduta mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament tikkostitwixxi indikaturi importanti għall-evalwazzjoni tal-politika, inkluż tal-miżuri leġiżlattivi. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rikonoxxut l-impatt tal-vittimizzazzjoni sekondarja li hija inerenti fil-kondiviżjoni ta’ immaġni u vidjows tal-vittmi ta’ abbuż sesswali tat-tfal li jista’ jkun li ilhom jiċċirkolaw għal snin sħaħ u li mhuwiex rifless bis-sħiħ f’tali statistika.
|
|
(37)
|
F’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jiġu pprovduti r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom tali riżorsi suffiċjenti għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament.
|
|
(38)
|
Meta fornitur ikun wettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jkun ikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji fir-rigward ta’ teknoloġija f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dak il-fornitur jenħtieġ li ma jkunx obbligat skont dan ir-Regolament li jwettaq valutazzjoni addizzjonali tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jew konsultazzjoni dment li l-awtoritajiet superviżorji jkunu indikaw li l-ipproċessar tad-data minn dik it-teknoloġija ma jirriżultax f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi jew li jkunu ttieħdu miżuri mill-kontrollur biex tali riskju jittaffa.
|
|
(39)
|
L-utenti jenħtieġ li jkollhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru b’riżultat tal-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali tat-tfal online fuq servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online minn dawk is-servizzi, pereżempju fejn il-kontenut jew l-identità ta’ utent jkunu ġew irrapportati lil xi organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal jew lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew fejn il-kontenut ta’ utent ikun tneħħa jew il-kont ta’ utent ikun ġie mblukkat jew ikun ġie sospiż servizz offrut lilu.
|
|
(40)
|
F’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, l-ipproċessar tad-data personali u data oħra jenħtieġ li jkun limitat għal data dwar il-kontenut u data relatata dwar it-traffiku, sa fejn ikun strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(41)
|
Id-deroga prevista minn dan ir-Regolament jenħtieġ li testendi għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li huma applikabbli għall-ipproċessar ta’ data kemm personali kif ukoll mhux personali pproċessata fil-kuntest tal-forniment ta’ servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri.
|
|
(42)
|
L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li tinħoloq deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE mingħajr ma tinħoloq frammentazzjoni fis-suq intern. Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali probabbilment ma jkunux jistgħu jiġu adottati fil-ħin mill-Istati Membri kollha. Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. Huwa jintroduċi deroga temporanja u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, b’serje ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kisba tal-għan stabbilit.
|
|
(43)
|
Meta titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata, fil-ħin, iċ-ċertezza legali minħabba l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/1232, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.
|
|
(44)
|
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u ta l-opinjoni tiegħu fis-16 ta’ Frar 2026,
|
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 28.07.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32026R1881
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|