3. Il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali għandhom japplikaw għal kwalunkwe data personali pproċessata b’rabta ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1725 u d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680, inkluż fir-rigward tas-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji. Fil-każ ta’ kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali jew liġi nazzjonali adottata f’konformità ma’ tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali rilevanti. Dan ir-Regolament ma joħloqx bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali u ma jbiddel l-ebda dritt u obbligu stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725 jew fid-Direttivi 2002/58/KE jew (UE) 2016/680.