5. Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.